Negħjew, Imma Ma Naqtgħux Qalbna
“Il-Mulej . . . , il-ħallieq taʼ truf l-art . . . , jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.”—ISAIJA 40:28, 29.
1, 2. (a) Liema stedina sabiħa tingħata lil kulmin irid jipprattika l-qima pura? (b) X’jistaʼ jkun taʼ periklu serju għall-ispiritwalità tagħna?
BĦALA dixxipli taʼ Ġesù, aħna midħla sew taʼ l-istedina sabiħa tiegħu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. . . . Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:28-30) Il-Kristjani jiġu offruti wkoll “żminijiet taʼ mistrieħ mingħand il-Mulej.” (Atti 3:20 [3:19, NW]) Żgur li int personalment ħassejt serħan meta tgħallimt il-veritajiet tal-Bibbja, meta sibt tama taʼ ferħ għall-futur, u meta applikajt il-prinċipji taʼ Jehovah f’ħajtek.
2 Madankollu, xi wħud mill-aduraturi taʼ Jehovah jgħaddu minn mumenti t’għeja emozzjonali. F’xi każi dawn il-mumenti taʼ skuraġġiment ikunu qosra. Drabi oħra l-għeja tistaʼ ddum żmien twil. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, xi wħud jistgħu jħossu li r-responsabbiltajiet Kristjani tagħhom saru piż minflok tagħbija li sserraħ bħalma wiegħed Ġesù. Sentimenti negattivi bħal dawn jistgħu jkunu taʼ periklu serju għar-relazzjoni li Kristjan għandu maʼ Jehovah.
3. Ġesù għala offra l-parir li nsibu fi Ġwanni 14:1?
3 Ftit qabel ma ġie arrestat u maqtul, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.” (Ġwanni 14:1) Ġesù qal dan il-kliem meta l-appostli kienu waslu biex jiffaċċjaw ġrajjiet traġiċi. Wara dan kellha tfaqqaʼ l-persekuzzjoni. Ġesù kien jaf li l-appostli tiegħu setgħu jitfixklu minħabba l-iskuraġġiment estrem. (Ġwanni 16:1) Jekk ma kinux se jrażżnu d-dwejjaq tagħhom, setgħu jiddgħajfu spiritwalment u jitilfu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah. Dan japplika wkoll għall-Kristjani llum. Skuraġġiment fit-tul jistaʼ jikkaġuna ħafna diqa, u jmewtilna qalbna. (Ġeremija 8:18) Il-persuna li aħna minn ġewwa tistaʼ tiddgħajjef. Meta niffaċċjaw din il-pressjoni, nistgħu niġu paralizzati emozzjonalment u spiritwalment, u saħansitra nitilfu x-xewqa tagħna li nqimu lil Jehovah.
4. X’jistaʼ jgħinna nħarsu l-qalb figurattiva tagħna biex din ma ċċedix?
4 Kemm hu addattat il-parir tal-Bibbja: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.” (Proverbji 4:23) Il-Bibbja toffri pariri prattiċi li jgħinuna nipproteġu l-qalb figurattiva tagħna mill-iskuraġġiment u l-għeja spiritwali. Però l-ewwelnett, irridu nidentifikaw b’mod ċar dak li qed jegħjina.
Il-Kristjanità Ma Tgħakkisx lil Dak li Jkun
5. Liema kontradizzjoni jidher li hemm rigward li wieħed ikun dixxiplu Kristjan?
5 Veru, biex tkun Kristjan jeħtieġ li titħabat kemm tiflaħ. (Luqa 13:24) Ġesù saħansitra qal: “Min ma jerfax [“iz-zokk tat-tortura tiegħu,” NW] u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” (Luqa 14:27) Dan il-kliem jistaʼ jidher li jikkontradixxi dak li qal Ġesù, li t-toqol tiegħu huwa ħafif u jserraħ, imma fil-fatt m’hemm l-ebda kontradizzjoni.
6, 7. Għala jistaʼ jingħad li l-qima li nipprattikaw ma tegħjiniex?
6 Meta titħabat kemm tiflaħ u taħdem iebes, għalkemm tegħja fiżikament, tistaʼ ssib sodisfazzjon u serħan jekk tagħmel dan għal kawża ġusta. (Koħèlet 3:13, 22) U x’kawża iktar ġusta jistaʼ jkollna milli naqsmu l-veritajiet taʼ l-għaġeb tal-Bibbja mal-proxxmu tagħna? Ukoll, l-isforzi kollha li nagħmlu biex ngħixu fi qbil mal-livelli morali għoljin t’Alla jidhru ferm żgħar meta nqabbluhom mal-benefiċċji li ngawdu bħala riżultat. (Proverbji 2:10-20) Anki meta niġu persegwitati, aħna nqisuh unur li nbatu minħabba s-Saltna t’Alla.—1 Pietru 4:14.
7 It-tagħbija taʼ Ġesù tassew hija rifreskanti, speċjalment meta titqabbel mad-dlam spiritwali li jinsabu fih dawk li jibqgħu taħt il-madmad tar-reliġjon falza. Alla għandu mħabba tenera għalina u ma jitlobx minna iktar milli nifilħu. “Il-kmandamenti [taʼ Jehovah] m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Il-Kristjanità vera, kif spjegata fl-Iskrittura, ma tgħakkisx lil dak li jkun. Jidher ċar li l-qima li nipprattikaw la tegħjina u lanqas tiskuraġġina.
“Inwarrbu Minna Kull Xkiel”
8. Taʼ spiss, x’jikkaġuna l-għeja spiritwali?
8 Kwalunkwe għeja spiritwali li nġarrbu spiss tkun ir-riżultat tal-piż żejjed li din is-sistema korrotta tpoġġi fuqna. Peress li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin,” aħna mdawrin b’forzi negattivi li ftit ftit jistgħu jdgħajfuna u jtellfulna l-bilanċ Kristjan. (1 Ġwanni 5:19) L-affarijiet mhux essenzjali jistgħu jikkomplikaw u jfixklu r-rutina Kristjana tagħna. Dawn it-tagħbijiet żejda jistgħu jtaqqluna u saħansitra jifnulna l-ispirtu. Bix-xieraq, il-Bibbja twissina biex “inwarrbu minna kull xkiel.”—Lhud 12:1-3.
9. Il-ġiri wara affarijiet materjali kif jistaʼ jtaqqalna?
9 Per eżempju, l-affarijiet li d-dinja hija medhija bihom, bħall-prominenza, il-flus, id-divertiment, l-ivvjaġġar għall-gost, u ġiri ieħor wara affarijiet materjali, jistgħu jinfluwenzawlna l-ħsibijiet tagħna. (1 Ġwanni 2:15-17) Xi Kristjani taʼ l-ewwel seklu li fittxew l-għana kkomplikaw ħajjithom ferm. L-appostlu Pawlu jispjega: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:9, 10.
10. X’nistgħu nitgħallmu dwar l-għana mit-tixbiha taʼ Ġesù tal-bidwi?
10 Meta nħossuna għajjenin u skuraġġiti fis-servizz tagħna lil Alla, jistaʼ jkun li l-ġiri wara affarijiet materjali jkun qed joħnoq l-ispiritwalità tagħna? Din hija possibbiltà reali ħafna, bħalma indika Ġesù fit-tixbiha tiegħu tal-bidwi. Ġesù qabbel “l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid taʼ l-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra” maʼ xewk li ‘jidħol u joħnoq’ iż-żerriegħa tal-kelma t’Alla f’qalbna. (Mark 4:18, 19) Għaldaqstant, il-Bibbja tagħtina l-parir: “Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’”—Lhud 13:5.
11. Kif nistgħu neħilsu mill-affarijiet li jistgħu jtaqqluna?
11 Xi drabi, dak li jikkomplikalna ħajjitna ma jkunx il-ġiri wara iktar affarijiet, imma x’nagħmlu bl-affarijiet li diġà għandna. Xi wħud jistgħu jesperjenzaw għeja emozzjonali minħabba problemi serji taʼ saħħa, il-mewt taʼ wħud maħbubin, jew problemi inkwetanti oħrajn. Huma sabu li minn żmien għal żmien kellhom bżonn jagħmlu xi bidliet. Tnejn miżżewġin iddeċidew li jaqtgħu ftit mill-passatempi tagħhom u mill-proġetti persunali li ma kinux essenzjali. Fil-fatt, daru ftit l-affarijiet li kellhom u letteralment ippakkjaw kull ħaġa li kellha x’taqsam maʼ dawn il-proġetti u refgħuhom. Kultant żmien, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw jekk neżaminaw id-drawwiet tagħna u l-affarijiet kollha li għandna, u mbagħad inneħħu kull xkiel mhux neċessarju sabiex ma negħjewx u naqtgħu qalbna.
Huwa Essenzjali li Nkunu Raġunevoli u Modesti
12. X’għandna nirrikonoxxu dwar l-iżbalji tagħna stess?
12 L-iżbalji tagħna stess, saħansitra f’affarijiet żgħar, bil-mod il-mod jistgħu jikkomplikawlna ħajjitna. Kemm huwa minnu l-kliem taʼ David: “Dnubieti telgħu ’l fuq minn rasi, bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.” (Salm 38:5 [38:4, NW]) Spiss, jekk nagħmlu ftit bidliet prattiċi se nserrħu lilna nfusna minn tagħbijiet kbar.
13. Ir-raġunevolezza kif tistaʼ tgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-ministeru tagħna?
13 Il-Bibbja tinkuraġġina nużaw l-għaqal u l-abbiltà li nqisu l-affarijiet. (Proverbji 3:21, 22) “L-għerf li ġej minn fuq hu . . . raġunevoli,” tgħid il-Bibbja. (Ġakbu 3:17, NW) Xi wħud ħassew ċerta pressjoni biex jagħmlu daqs oħrajn fil-ministeru Kristjan. Madankollu, il-Bibbja tagħtina l-parir: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor. Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:4, 5) Veru, l-eżempju tajjeb taʼ sħabna l-Kristjani jistaʼ jinkuraġġina biex naqdu lil Jehovah b’qalbna kollha, imma l-għaqal u r-raġunevolezza se jgħinuna nagħmlu miri realistiċi skond iċ-ċirkustanzi tagħna stess.
14, 15. Kif nistgħu nużaw l-għaqal meta nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali tagħna?
14 Ir-raġunevolezza tagħna, saħansitra f’affarijiet li jistgħu jidhru taʼ importanza żgħira, tistaʼ tgħinna ma nħossuniex għajjenin. Per eżempju, għandna aħna drawwiet bilanċjati li jgħinuna jkollna saħħa fiżika tajba? Ikkunsidra l-eżempju taʼ koppja miżżewġa li taqdi f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Huma raw kemm huwa siewi l-għaqal biex jevitaw l-għeja. Il-mara tgħid: “Ikollna kemm ikollna x’nagħmlu, aħna nipprovaw nidħlu norqdu bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin kull fil-għaxija. Barra minn hekk, nagħmlu eżerċizzju fiżiku regolarment. Dan għenna ħafna. Tgħallimna x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna, u nimxu b’dan ir-ritmu fl-affarijiet li nagħmlu. Mhux tajjeb li tibqaʼ għaddej b’pass mgħaġġel il-ħin kollu. Għalhekk, nipprovaw ma nqabblux lilna nfusna maʼ dawk li l-enerġija tagħhom donnha ma tispiċċa qatt.” Nieklu aħna ikel bnin u nieħdu biżżejjed mistrieħ b’mod regulari? Jekk nagħtu attenzjoni raġunevoli lil saħħitna b’mod ġenerali, nistgħu nnaqqsu kemm nistgħu l-eżawriment emozzjonali u spiritwali.
15 Xi wħud minna għandhom bżonnijiet uniċi. Per eżempju, oħt Kristjana qdiet fil-ministeru full-time f’diversi inkarigi diffiċli. Kellha problemi serji taʼ saħħa, inkluż il-kanċer. X’jgħinha tkampa maʼ sitwazzjonijiet stressanti? Hi tgħid: “Jien inħoss li huwa importanti li jkolli ħin għalija waħdi u fil-kwiet. Iktar ma nħoss l-istress u l-għeja jiżdiedu, iktar ikolli bżonn mumenti taʼ solitudni u kalma biex inkun nistaʼ noqgħod naqra u nistrieħ.” Jekk nużaw l-għaqal u l-abbiltà li nqisu l-affarijiet, se nkunu nistgħu nagħrfu l-bżonnijiet individwali tagħna u nissodisfawhom, u b’hekk nevitaw l-għeja spiritwali.
Alla Jehovah Jagħtina l-Enerġija
16, 17. (a) Għala huwa importanti ferm li nieħdu ħsieb is-saħħa spiritwali tagħna? (b) X’għandna ninkludu fir-rutina tagħna taʼ kuljum?
16 M’għandniex xi ngħidu, għalina huwa importanti ferm li nieħdu ħsieb is-saħħa spiritwali tagħna. Meta jkollna relazzjoni intima m’Alla Jehovah, nistgħu negħjew fiżikament, imma qatt ma se negħjew inqimuh. Jehovah huwa dak li “jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.” (Isaija 40:28, 29) L-appostlu Pawlu, li personalment esperjenza kemm hu minnu dan il-kliem, kiteb: “Ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem taʼ barra jitħassar, il-bniedem taʼ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum.”—2 Korintin 4:16.
17 Innota l-espressjoni “minn jum għal jum.” Dan jagħtina x’nifhmu li rridu nużaw il-provvedimenti taʼ Jehovah kuljum. Waħda li qdiet fedelment bħala missjunarja għal 43 sena kellha tiffaċċja perijodi t’għeja fiżika u skuraġġiment. Imma hi ma qatgħetx qalbha. Hi tgħid: “Ħadtha drawwa nqum fil-għodu kmieni biex qabel nibda naħdem inkun nistaʼ nqattaʼ ftit ħin nitlob lil Jehovah u naqra l-Kelma tiegħu. Din ir-rutina taʼ kuljum għenitni nissaporti s’issa.” Tabilħaqq, nistgħu nistrieħu fuq il-qawwa taʼ Jehovah biex iwiżinna jekk regolarment, iva “minn jum għal jum,” nitolbuh u nimmeditaw fuq il-kwalitajiet supremi u l-wegħdi tiegħu.
18. Liema faraġ tipprovdi l-Bibbja għal uħud leali li huma avanzati fl-età jew morda?
18 Dan huwa speċjalment t’għajnuna għal dawk li jħossuhom skuraġġiti minħabba l-età avanzata u l-mard. Uħud bħal dawn jistgħu jħossuhom qalbhom sewda, mhux għax iqabblu lilhom infushom m’oħrajn, imma għax iqabblu lilhom infushom maʼ kif kienu xi darba. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah jonora lill-anzjani! Il-Bibbja tgħid: “Ix-xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba.” (Proverbji 16:31) Jehovah jaf x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna, u l-qima li nagħtuh b’qalbna kollha minkejja d-dgħjufijiet li għandna hija prezzjuża ferm għalih. Barra minn hekk, l-għemejjel tajbin li diġà għamilna se jibqgħu mniżżlin għal dejjem fil-memorja t’Alla. L-Iskrittura tiżgurana: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.” (Lhud 6:10) Kemm aħna lkoll ferħanin li fostna għandna wħud li ilhom leali lejn Jehovah bosta snin!
Taqtax Qalbek
19. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nibqgħu nagħmlu l-ġid?
19 Ħafna jemmnu li l-attività fiżika enerġetika li ssir fuq bażi regulari tistaʼ ttaffi l-għeja. B’mod simili, l-attivitajiet spiritwali regulari jistgħu jgħinuna ntaffu kwalunkwe sentimenti t’eżawriment emozzjonali jew spiritwali. Il-Bibbja tgħid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:9, 10) Innota l-espressjoni “nagħmlu l-ġid.” Din tindika li rridu nieħdu azzjoni. Jekk nagħmlu l-ġid m’oħrajn nistgħu verament nevitaw li naqtgħu qalbna fis-servizz tagħna lil Jehovah.
20. Biex nikkumbattu l-iskuraġġiment, il-kumpanija taʼ min għandna nevitaw?
20 Mill-banda l-oħra, is-sħubija u l-attivitajiet maʼ nies li ma jirrispettawx il-liġijiet t’Alla jistgħu jsiru piż li jegħjina. Il-Bibbja twissina: “Il-ġebel qawwi u r-ramel tqil, imma qillet l-iblah itqal minnhom it-tnejn.” (Proverbji 27:3) Biex nikkumbattu s-sentimenti taʼ skuraġġiment u għeja, nagħmlu tajjeb li nevitaw il-kumpanija taʼ dawk li joqogħdu jaħsbu f’affarijiet negattivi u li għandhom it-tendenza li jsibu d-difetti u jikkritikaw lil oħrajn.
21. Kif nistgħu nkunu taʼ inkuraġġiment għal oħrajn fil-laqgħat Kristjani?
21 Il-laqgħat Kristjani huma provvediment minn Jehovah li jistaʼ jagħtina enerġija spiritwali. Hemmhekk ikollna opportunità eċċellenti biex ninkuraġġixxu lil xulxin permezz taʼ istruzzjoni u sħubija rifreskanti. (Lhud 10:25) Fil-kongregazzjoni, kulħadd għandu jistinka biex ikun inkuraġġanti meta jikkummenta fil-laqgħat jew jieħu sehem fil-programm minn fuq il-platform. Dawk li huma minn taʼ quddiem bħala għalliema huma responsabbli b’mod speċjali li jinkuraġġixxu lil oħrajn. (Isaija 32:1, 2) Anki meta jkun hemm bżonn li xi ħadd jiġi mwiddeb jew imċanfar, il-parir għandu jingħata b’mod li jġib serħan. (Galatin 6:1, 2) L-imħabba tagħna għal oħrajn tabilħaqq se tgħinna naqdu lil Jehovah mingħajr ma naqtgħu qalbna.—Salm 133:1; Ġwanni 13:35.
22. Minkejja li aħna bnedmin imperfetti, għala jistaʼ jkollna qalbna qawwija?
22 Jirrikjedi ħafna xogħol li naqdu lil Jehovah f’dan iż-żmien tat-tmiem. U l-Kristjani m’humiex meħlusin mill-effetti taʼ l-għeja mentali, l-uġigħ emozzjonali, u ċ-ċirkustanzi stressanti. Bħala bnedmin imperfetti aħna fraġli, bħall-fuħħar. Madankollu, il-Bibbja tgħid: “Għandna dan it-teżor f’reċipjenti tal-fuħħar, sabiex il-qawwa iktar min-normal tkun t’Alla u mhux minna nfusna.” (2 Korintin 4:7, NW) Iva, se negħjew, imma jalla qatt ma naqtgħu qalbna jew inċedu. Minflok, ejja “ngħidu b’qalbna qawwija: ‘Il-Mulej l-għajnuna tiegħi.’”—Lhud 13:6.
Reviżjoni fil-Qosor
• X’inhuma xi affarijiet taʼ xkiel u taʼ piż li nistgħu nwarrbu minna?
• Kif nistgħu “nagħmlu l-ġid” maʼ sħabna l-Kristjani?
• Jehovah kif iwiżinna meta nħossuna għajjenin jew skuraġġiti?
[Stampa f’paġna 23]
Ġesù kien jaf li skuraġġiment fit-tul setaʼ jfixkel lill-appostli
[Stampa f’paġna 24]
Xi wħud qatgħu ċerti passatempi u proġetti persunali li ma kinux essenzjali
[Stampa f’paġna 26]
Minkejja l-limitazzjonijiet tagħna, il-qima li nagħtu b’qalbna kollha hija prezzjuża ferm għal Jehovah