Għala Ħafna Jiddubitaw li r-Reliġjon Tistaʼ Tgħaqqad lill-Umanità
“ĦOBB lill-proxxmu tiegħek.” (Mattew 22:39) Din ir-regola bażika taʼ mġiba hija mfaħħra minn ħafna reliġjonijiet. Kieku dawn ir-reliġjonijiet effettwaw lill-membri tagħhom billi għallmuhom iħobbu lill-proxxmu, kieku dawn kienu jkunu miġbudin lejn xulxin u magħqudin. Madankollu, qed tara li dan qed iseħħ? Huma r-reliġjonijiet qawwa li tgħaqqad? Fi stħarriġ li sar dan l-aħħar fil-Ġermanja saret il-mistoqsija: “Ir-reliġjonijiet jgħaqqdu lin-nies, jew inkella iktar hemm ċans li jifirduhom?” Minn dawk li wieġbu, 22 fil-mija ħassew li r-reliġjonijiet jgħaqqdu lin-nies, imma 52 fil-mija ħassew li dawn iġibu l-firda. Forsi n-nies f’pajjiżek iħossuhom bejn wieħed u ieħor l-istess.
Għala hemm ħafna li ma tantx għandhom fiduċja li r-reliġjon tistaʼ tgħaqqad lill-umanità? Forsi minħabba dak li jafu mill-istorja. Minflok m’għaqqdet lin-nies, ir-reliġjon spiss firdithom minn xulxin. Kultant, ir-reliġjon kienet l-iskuża taʼ ħafna mill-atroċitajiet tal-biżaʼ li seħħew. Ikkunsidra xi eżempji li seħħew f’dawn l-aħħar 100 sena biss.
Influwenzati mir-Reliġjon
Matul it-tieni gwerra dinjija, il-Kroati Kattoliċi Rumani u s-Serbi Ortodossi fil-Balkani kienu jinsabu fi ġlieda bejniethom. Iż-żewġ gruppi sostnew li kienu jsegwu lil Ġesù, li għallem lis-segwaċi tiegħu jħobbu lill-proxxmu. Però, kif qal wieħed riċerkatur, il-ġlied tagħhom wassal għal “wieħed mill-iktar massakri ċivili terribbli magħrufin fl-istorja.” Id-dinja tkexkxet bir-rata taʼ l-imwiet taʼ iktar minn 500,000 ruħ, li kienu jinkludu rġiel, nisa, u tfal.
Fl-1947, is-sottokontinent Indjan kien fih maʼ l-400 miljun ruħ—xi 20 fil-mija mill-umanità—primarjament Ħindu, Musulmani, u Sikh. Meta l-Indja nqasmet, feġġ il-ġens Islamiku tal-Pakistan. Dak iż-żmien, mijiet t’eluf taʼ refuġjati miż-żewġ pajjiżi ġew maħruqa, imsawta, torturati, u maqtula bl-armi tan-nar f’massakru reliġjuż wara l-ieħor.
U bħallikieku l-eżempji taʼ qabel ma kinux biżżejjed taʼ diqa, malli dħalna fis-seklu ġdid spikkat it-theddida tat-terroriżmu. Illum, minħabba t-terroriżmu d-dinja kollha tinsab ansjuża, u ħafna gruppi terroristiċi jsostnu li jappartjenu lil xi reliġjon. In-nies ma jħarsux lejn ir-reliġjon bħala xi ħaġa li ġġib l-għaqda. Minflok, spiss jorbtuha mal-vjolenza u l-firda. Mhux taʼ b’xejn, mela, li l-ġurnal Ġermaniż FOCUS qabbel ir-reliġjonijiet il-kbar tad-dinja—il-Buddiżmu, il-Ġudaiżmu, il-Ħinduiżmu, l-Islam, il-Konfuċjaniżmu, il-Kristjaneżmu, u t-Taoiżmu—mat-trab tal-porvli.
Dibattiti Interni
Waqt li xi reliġjonijiet jinsabu fi ġlieda bejniethom, oħrajn jinsabu mifluġa b’dibattiti interni. Per eżempju, f’dawn l-aħħar snin il-knejjes tal-Kristjaneżmu kienu maqsuma minħabba dibattiti kontinwi dwar kwistjonijiet taʼ tagħlim. Kemm il-kleru u kemm il-lajċi jistaqsu: Huwa permess il-kontroll tat-tqala? Xi ngħidu dwar l-abort? Għandhom in-nisa jinħatru bħala qassisin? Il-knisja kif għandha tħares lejn l-omosesswalità? Għandha r-reliġjon tapprova l-gwerra? Meta jaraw firda bħal din, ħafna jistaqsu, ‘Kif tistaʼ r-reliġjon tgħaqqad lill-umanità meta lanqas biss tistaʼ tgħaqqad lill-membri tagħha stess?’
Jidher ċar li r-reliġjon b’mod ġenerali ma rnexxilhiex tkun qawwa li tgħaqqad. Imma r-reliġjonijiet kollha fihom il-firda? Hemm xi reliġjon li hi differenti—waħda li tistaʼ tgħaqqad lill-umanità?
[Stampa f’paġna 3]
Pulizija mweġġgħa waqt ġlieda bejn gruppi reliġjużi fl-Indja fl-1947
[Sors]
Photo by Keystone/Getty Images