Alla jew Bniedem?
“JIEN id-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja żgur ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġwanni 8:12) Dan il-kliem qalu Ġesù Kristu. Wieħed raġel li kellu ħafna skola u li kien jgħix fl-ewwel seklu kiteb hekk dwaru: “Fih hemm moħbijin bil-għaqal it-teżori kollha taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien.” (Kolossin 2:3) Iktar minn hekk, il-Bibbja tgħid: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Għarfien eżatt dwar Ġesù huwa essenzjali sabiex inkunu nistgħu nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna.
Ħafna nies madwar id-dinja semgħu dwar Ġesù Kristu. M’hemm l-ebda dubju li hu influwenza l-istorja taʼ l-umanità. Fil-fatt, il-kalendarju li huwa użat fil-biċċa l-kbira mid-dinja huwa bbażat fuq is-sena li hu maħsub li twieled. “Ħafna nies jirreferu għad-dati qabel dik is-sena bħala Q.K., jew qabel Kristu,” jispjega The World Book Encyclopedia. “Jużaw A.D., jew anno Domini (fis-sena tal-Mulej tagħna), għad-dati li ġew wara dik is-sena.”
Madankollu, hemm diversi ideat dwar min kien Ġesù. Għal xi wħud, hu kien sempliċement raġel li spikka u li ħalla rekord straordinarju fl-istorja. Però, oħrajn iqimuh bħala li hu Alla li Jistaʼ Kollox. Xi wħud li jħaddnu t-twemmin Ħindu qabblu lil Ġesù Kristu maʼ l-alla Ħindu Krishna, li ħafna jgħidu li hu alla inkarnat. Kien Ġesù sempliċement bniedem, jew kien xi ħadd li għandna nqimuh? Min kien eżattament? Minfejn ġie? X’personalità kellu? U issa fejn qiegħed? Bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, il-ktieb li għandu ħafna xi jgħid dwar Ġesù jagħti tweġibiet veri għal dawn il-mistoqsijiet.