Kapitlu 6
Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
1, 2. (a) Liema xiehda hemm li Ġesù Kristu kien persuna vera? (b) X’mistoqsijiet jitqajmu dwar Ġesù?
KWAŻI kulħadd illum samaʼ b’Ġesù Kristu. L-influwenza tiegħu fuq l-istorja kienet akbar minn dik taʼ kwalunkwe bniedem ieħor. Tabilħaqq, l-istess kalendarju wżat fil-biċċa l-kbira tad-dinja huwa bbażat fuq is-sena li fiha huwa maħsub li twieled! Bħalma tgħid The World Book Encyclopedia: “Dati qabel dik is-sena jiġu mniżżlin bħala Q.K., jew qabel Kristu. Dati wara dik is-sena jiġu mniżżlin bħala A.D., jew anno Domini (fis-sena tal-Mulej tagħna).”
2 Mela Ġesù ma kienx persuna mmaġinarja. Hu tassew għex bħala bniedem fuq l-art. “Fl-antik saħansitra dawk li opponew il-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-[eżistenza attwali] taʼ Ġesù,” tinnota l-Encyclopædia Britannica. Mela eżatt min kien Ġesù? Kien tassew mibgħut minn Alla? Għala hu daqshekk magħruf tajjeb?
KIEN GĦEX QABEL
3. (a) Skond il-kliem taʼ l-anġlu, Marija lil bin min kellha twelled? (b) Kif kien possibbli għall-verġni Marija li jkollha lil Ġesù?
3 Differenti minn kull bniedem ieħor, Ġesù twieled minn verġni. Kien jisimha Marija. Dwar binha anġlu qal: “Dan il-wieħed se jkun kbir u se jkun imsejjaħ Bin l-Iktar Għoli.” (Luqa 1:28-33; Mattew 1:20-25) Imma mara li qatt ma kellha relazzjonijiet sesswali maʼ raġel kif setgħet ikollha tarbija? Kien permezz taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Jehovah trasferixxa l-ħajja taʼ l-Iben spirtu u setgħan tiegħu mis-sema għall-ġuf tal-verġni Marija. Kien miraklu! Żgur li l-Wieħed li għamel l-ewwel mara bl-abbiltà taʼ l-għaġeb li tipproduċi t-tfal setaʼ jikkaġuna li mara jkollha tarbija mingħajr missier uman. Il-Bibbja tispjega: “Meta wasal il-limitu sħiħ taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, li ġie li jkun minn mara.”—Galatin 4:4.
4. (a) Liema ħajja kien igawdi Ġesù qabel ma twieled bħala tarbija? (b) X’qal Ġesù biex juri li kien għex qabel fis-sema?
4 Mela qabel ma twieled fuq l-art bħala bniedem Ġesù kien fis-sema bħala persuna spirtu setgħana. Kellu ġisem spirtu inviżibbli għall-bniedem, sewwa sew bħalma għandu Alla. (Ġwann 4:24) Ġesù nnifsu tkellem taʼ spiss dwar il-pożizzjoni għolja li kellu fis-sema. Darba talab: “Missier, igglorifikani maġenbek bil-glorja li kelli maġenbek qabel ma kienet id-dinja.” (Ġwann 17:5) Qal ukoll lis-semmiegħa tiegħu: “Intom mill-oqsma taʼ taħt; jien mill-oqsma taʼ fuq.” “X’tgħidu, għalhekk, kieku kellkom tilmħu lil Bin il-bniedem tielaʼ lejn fejn kien qabel?” “Qabel m’Abraham beda jeżisti, jien kont.”—Ġwann 8:23; 6:62; 8:58; 3:13; 6:51.
5. (a) Ġesù għala kien ġie msejjaħ il-“Kelma,” l-“Ewwel Imwieled,” u l-“Uniġenitu”? (b) Ġesù f’liema xogħol ħa sehem m’Alla?
5 Qabel ġie fuq l-art Ġesù kien imsejjaħ il-Kelma t’Alla. Dan it-titlu juri li kien jaqdi fis-sema bħala l-wieħed li tkellem għal Alla. Jissejjaħ ukoll l-“Ewwel Imwieled” t’Alla, kif ukoll l-Iben “Uniġenitu” tiegħu. (Ġwann 1:14; 3:16; Ebrej 1:6) Dan ifisser li hu kien maħluq qabel l-ulied spirti t’Alla l-oħrajn kollha, u li hu l-uniku wieħed maħluq direttament minn Alla. Il-Bibbja tispjega li dan l-Iben ‘imwieled l-ewwel’ ħa sehem maʼ Jehovah fil-ħolqien taʼ l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Kolossin 1:15, 16) B’hekk meta Alla qal, ‘Ħalli aħna nagħmlu l-bniedem fix-xbiha tagħna,’ kien qiegħed ikellem lil dan l-Iben. Iva, l-istess wieħed li iktar tard ġie fuq l-art u twieled minn mara kien ħa sehem fil-ħolqien taʼ l-affarijiet kollha! Kien diġà għex fis-sema maʼ Missieru għal għadd m’huwiex magħruf taʼ snin!—Ġenesi 1:26; Proverbji 8:22, 30; Ġwann 1:3.
ĦAJTU FUQ L-ART
6. (a) Xi ġrajjiet seħħew ftit qabel u wara t-twelid taʼ Ġesù? (b) Ġesù fejn twieled u fejn kiber?
6 Marija kienet ġiet imwiegħda fiż-żwieġ lil Ġużeppi. Imma meta dan sar jaf li kienet tqila ħaseb li kienet ħadet sehem f’relazzjonijiet sesswali maʼ xi raġel ieħor, u għalhekk ma kienx se jiżżewwiġha. Madankollu, meta Jehovah qallu li kien permezz taʼ l-ispirtu qaddis Tiegħu li tnisslet it-tarbija, Ġużeppi ħa lil Marija b’martu. (Mattew 1:18-20, 24, 25) Iktar tard, waqt li kienu qegħdin iżuru l-belt taʼ Betlehem, twieled Ġesù. (Luqa 2:1-7; Mikea 5:2) Meta Ġesù kien għadu tarbija, is-Sultan Erodi pprova joqtlu. Imma Jehovah wissa lil Ġużeppi u b’hekk dan ħa lill-familja tiegħu u ħarab lejn l-Eġittu. Wara li miet is-Sultan Erodi, Ġużeppi u Marija marru lura b’Ġesù lejn il-belt taʼ Nazzaret fil-Galilija. Hawnhekk hu kiber.—Mattew 2:13-15, 19-23.
7. (a) X’ġara meta Ġesù kellu 12-il sena? (b) Liema xogħol tgħallem jagħmel Ġesù meta kien qiegħed jikber?
7 Meta Ġesù kellu 12-il sena vvjaġġa mal-familja tiegħu lejn Ġerusalemm biex jattendi għaċ-ċelebrazzjoni speċjali msejħa l-Qbiż. Waqt li kien hemmhekk qattaʼ tlett ijiem fit-tempju jismaʼ lill-għalliema u jistaqsihom xi mistoqsijiet. In-nies kollha li semgħuh bdew jistagħġbu b’kemm kien jaf. (Luqa 2:41-52) Waqt li Ġesù kien qiegħed jikber f’Nazzaret, tgħallem is-sengħa taʼ mastrudaxxa. Hu bla dubju ġie mħarreġ għal dan ix-xogħol mill-missier putattiv tiegħu, Ġużeppi, li wkoll kien mastrudaxxa.—Mark 6:3; Mattew 13:55.
8. X’ġara meta Ġesù kellu 30 sena?
8 Fl-età taʼ 30 sena bidla kbira seħħet fil-ħajja taʼ Ġesù. Hu mar għand Ġwanni l-Għammied u talab biex jiġi mgħammed, biex jitniżżel kompletament taħt l-ilmijiet tax-Xmara Ġordan. Il-Bibbja tirrakkonta: “Wara li ġie mgħammed Ġesù minnufih telaʼ mill-ilma; u, ħares! is-smewwiet infetħu, u ra nieżel bħal ħamiema l-ispirtu t’Alla ġej fuqu. Ħares! Ukoll, kien hemm leħen mis-smewwiet li qal: ‘Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:16, 17) Ma setaʼ jkun hemm ebda dubju f’moħħ Ġwanni li Ġesù kien ġie mibgħut minn Alla.
9. (a) Ġesù meta fil-fatt sar Kristu, u għala dak in-nhar? (b) Permezz tal-magħmudija tiegħu, Ġesù x’kien qiegħed jippreżenta lilu nnifsu biex jagħmel?
9 Billi ferraʼ l-ispirtu qaddis Tiegħu fuq Ġesù, Jehovah kien qiegħed jidilku jew jaħtru biex ikun is-sultan tas-saltna li ġejja Tiegħu. Billi ġie midluk b’dan il-mod bl-ispirtu, Ġesù sar il-“Messija,” jew il-“Kristu,” liema kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg ifissru “Midluk.” Għalhekk, sar, fil-fatt, Ġesù Kristu, jew Ġesù l-Midluk. Mela l-appostlu tiegħu Pietru tkellem dwar “Ġesù li kien minn Nazzaret, kif Alla dilku bi spirtu qaddis u qawwa.” (Atti 10:38) Ukoll, permezz tal-magħmudija tiegħu fl-ilma Ġesù kien qiegħed jippreżenta lilu nnifsu ’l Alla biex iwettaq ix-xogħol li Alla kien bagħtu lejn l-art biex jagħmel. X’kien dak ix-xogħol importanti?
GĦALA ĠIE LEJN L-ART
10. Ġesù ġie lejn l-art biex jgħid liema veritajiet?
10 Biex jispjega għala ġie lejn l-art, Ġesù qal lill-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu: “Għal dan jien twelidt, u għal dan [l-iskop] jien ġejt fid-dinja, biex nagħti xiehda għall-verità.” (Ġwann 18:37) Imma liema veritajiet partikulari kien Ġesù mibgħut lejn l-art biex jgħarraf? L-ewwel, veritajiet dwar Missieru tas-sema. Hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu li isem Missieru jiġi “mqaddes,” jew jinżamm qaddis. (Mattew 6:9, King James Version) U talab: “Urejt ismek lill-bnedmin li tajtni.” (Ġwann 17:6) Ukoll, qal: “Irrid niddikjara l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla, għaliex għal dan jien kont mibgħut.”—Luqa 4:43.
11. (a) Ġesù għala kien iqis ix-xogħol tiegħu daqshekk importanti? (b) Ġesù x’qatt ma żamm lura milli jagħmel? Mela x’għandna nagħmlu aħna?
11 Kemm kien importanti għal Ġesù dan ix-xogħol li jgħarraf isem Missieru u s-saltna tiegħu? Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “L-ikel tiegħi huwa għalija li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm ix-xogħol tiegħu.” (Ġwann 4:34) Ġesù għala qies ix-xogħol t’Alla li kien importanti daqs l-ikel? Kien għaliex is-Saltna hija l-mezz li bih Alla se jwettaq l-iskopijiet taʼ l-għaġeb tiegħu għall-bnedmin. Hija din is-saltna li se teqred il-ħażen kollu u se teħles l-isem taʼ Jehovah mit-tmaqdir li ġie miġjub fuqu. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 21:3, 4) Mela Ġesù qatt ma żamm lura milli jgħarraf l-isem t’Alla u s-saltna tiegħu. (Mattew 4:17; Luqa 8:1; Ġwann 17:26; Ebrej 2:12) Dejjem tkellem il-verità, kemm jekk kienet tingħoġob u kemm jekk ma kenitx. Hu b’hekk ipprovdielna eżempju li għandna nsegwu jekk irridu nogħġbu ’l Alla.—1 Pietru 2:21.
12. Għal liema raġuni oħra importanti ġie Ġesù lejn l-art?
12 Madankollu, biex jagħmlu possibbli għalina li naqilgħu l-ħajja taʼ dejjem taħt il-ħakma tas-saltna t’Alla, Ġesù kellu jxerred id-demm tiegħu tal-ħajja fil-mewt. Bħalma qalu żewġ appostli taʼ Ġesù: “Ġejna ddikjarati twajbin issa b’demmu.” ‘Id-demm taʼ Ġesù l-Iben t’Alla jnaddafna minn kull dnub.’ (Rumani 5:9; 1 Ġwann 1:7) Mela raġuni importanti għala Ġesù ġie lejn l-art kienet biex imut għalina. Hu qal: “Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti lil ruħu [jew, ħajtu] bħala rahan bi bdil għal ħafna.” (Mattew 20:28) Imma x’ifisser li Kristu ta ħajtu bħala “rahan”? Għala kien meħtieġ li jxerred id-demm tiegħu tal-ħajja fil-mewt għas-salvazzjoni tagħna?
TA ĦAJTU BĦALA RAHAN
13. (a) X’inhu rahan? (b) X’kien il-prezz tar-rahan li Ġesù ħallas biex jeħlisna mid-dnub u l-mewt?
13 Il-kelma “rahan” spiss tintuża meta jkun hemm xi sekwestru. Wara li sekwestratur jaqbad persuna, jistaʼ jgħid li se jeħlisha dment li jitħallas ċertu ammont taʼ flus bħala rahan. Mela rahan huwa xi ħaġa li ġġib il-ħelsien taʼ xi ħadd miżmum priġunier. Huwa xi ħaġa li titħallas biex dan ma jitlifx ħajtu. Il-ħajja umana u perfetta taʼ Ġesù kienet mogħtija biex jinkiseb il-ħelsien tal-bnedmin mill-jasar għad-dnub u l-mewt. (1 Pietru 1:18, 19; Efesin 1:7) Għala kien meħtieġ ħelsien bħal dan?
14. Għala kien meħtieġ ir-rahan li pprovda Ġesù?
14 Dan kien għaliex Adam, il-missier tagħna lkoll, kien irribella kontra Alla. L-att illegali tiegħu b’hekk għamlu midneb, ladarba l-Bibbja tispjega li “d-dnub huwa llegalità.” (1 Ġwann 3:4; 5:17) Bħala riżultat, ma kienx jimmeritah li jirċievi l-għotja t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23) Mela Adam tilef għalih innifsu ħajja umana perfetta fuq art magħmula ġenna. Tilef ukoll dan il-prospett taʼ l-għaġeb għall-ulied kollha li kellu jipproduċi. ‘Imma għala,’ tistaʼ tistaqsi, ‘kellhom uliedu kollha jmutu, ladarba kien Adam li dineb?’
15. Ladarba kien Adam li dineb, għala kellhom uliedu jsofru u jmutu?
15 Dan huwa għaliex Adam, meta sar midneb, għadda d-dnub u l-mewt għal fuq uliedu, inklużi l-bnedmin kollha ħajjin issa. (Ġob 14:4; Rumani 5:12) “Kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla,” tgħid il-Bibbja. (Rumani 3:23; 1 Slaten 8:46) Saħansitra t-twajjeb David qal: “Bi żball jien twelidt bil-weġgħat tal-ħlas, u fid-dnub ommi kkonċepietni.” (Salm 51:5) In-nies, għalhekk, qegħdin imutu minħabba d-dnub li ntiret minn Adam. Kif kien possibbli, allura, li s-sagrifiċċju tal-ħajja taʼ Ġesù jeħles in-nies kollha mill-jasar għad-dnub u l-mewt?
16. (a) Meta pprovda r-rahan, Alla kif ta kas il-liġi tiegħu li ‘ħajja għandha tingħata għal ħajja’? (b) Ġesù għala kien l-uniku bniedem li setaʼ jħallas ir-rahan?
16 Prinċipju legali fil-liġi t’Alla għall-ġens taʼ Iżrael huwa involut. Dan jistqarr li ‘ħajja għandha tingħata għal ħajja.’ (Eżodu 21:23; Dewteronomju 19:21) Bid-diżubbidjenza tiegħu l-bniedem perfett Adam tilef ħajja perfetta fuq art magħmula ġenna għalih u għal uliedu kollha. Ġesù Kristu ta l-ħajja perfetta tiegħu stess biex jixtri lura dak li tilef Adam. Iva, Ġesù “ta lilu nnifsu bħala rahan li jikkorrispondi għal kulħadd.” (1 Timotew 2:5, 6) Minħabba li kien raġel perfett, saħansitra bħalma kien Adam, Ġesù hu msejjaħ “l-aħħar Adam.” (1 Korintin 15:45) L-ebda bniedem ieħor ħlief Ġesù ma setaʼ jipprovdi r-rahan. Dan għaliex Ġesù hu l-uniku bniedem li qatt għex illi kien ugwali għal Adam bħala iben uman perfett t’Alla.—Salm 49:7; Luqa 1:32; 3:38.
17. Ir-rahan meta tħallas ’l Alla?
17 Ġesù miet fl-età taʼ 33 sena u nofs. Imma fit-tielet jum wara mewtu ġie rxoxtat għall-ħajja. Erbgħin jum wara mar lura lejn is-sema. (Atti 1:3, 9-11) Hemmhekk, mill-ġdid bħala persuna spirtu, deher “quddiem il-persuna t’Alla għalina,” iġorr il-valur tas-sagrifiċċju taʼ rahan tiegħu. (Ebrej 9:12, 24) F’dak il-waqt ir-rahan tħallas ’l Alla fis-sema. Il-ħelsien issa kien disponibbli għall-umanità. Imma meta se jitwettqu l-benefiċċji tar-rahan?
18. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw saħansitra issa mir-rahan? (b) Ir-rahan x’jagħmel possibbli fil-futur?
18 Saħansitra issa nistgħu nibbenefikaw mis-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù. Kif? Billi neżerċitaw fidi fih nistgħu ngawdu waqfa nadifa quddiem Alla u niġu taħt il-protezzjoni taʼ mħabba u tenera tiegħu. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 13-15) Ħafna minna stajna għamilna dnubiet terribbli qabel ma tgħallimna dwar Alla. U saħansitra issa nagħmlu żbalji, kultant żbalji serji ferm. Imma nistgħu liberament infittxu l-maħfra mingħand Alla fuq il-bażi tar-rahan, fiduċjużi li hu se jismagħna. (1 Ġwann 2:1, 2; 1 Korintin 6:9-11) Ukoll, fil-jiem li ġejjin, ir-rahan se jiftħilna t-triq biex nirċievu l-għotja t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida taʼ tjieba tiegħu. (2 Pietru 3:13) F’dak iż-żmien dawk kollha li jeżerċitaw fidi fir-rahan se jinħelsu għalkollox mill-jasar għad-dnub u l-mewt. Jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn ħajja għal dejjem fil-perfezzjoni!
19. (a) X’effett għandu fuqek il-provvediment tar-rahan? (b) L-appostlu Pawlu kif qal li għandna nuru l-gratitudni tagħna għar-rahan?
19 Kif tħossok int meta titgħallem dwar ir-rahan? Ma tħossx qalbek tfur bl-imħabba lejn Alla Jehovah li tkun taf li tant jieħu ħsiebek illi ta lill-għażiż Ibnu għan-nom tiegħek? (Ġwann 3:16; 1 Ġwann 4:9, 10) Imma aħseb, ukoll, dwar l-imħabba taʼ Kristu. Hu minn qalbu ġie lejn l-art biex imut għalina. M’għandniex aħna nkunu grati? L-appostlu Pawlu spjega kif għandna nuru l-gratitudni tagħna meta qal: “Hu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu jistgħu jgħixu, mhux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Korintin 5:14, 15) Se turi int il-gratitudni tiegħek billi tuża ħajtek biex taqdi ’l Alla u lil Ibnu tas-sema Ġesù Kristu?
GĦALA ĠESÙ WETTAQ IL-MIRAKLI
20. X’nitgħallmu dwar Ġesù mill-fatt li fejjaq lill-imġiddem?
20 Ġesù hu magħruf ħafna għall-mirakli li wettaq. Hu kien iħoss ħafna għan-nies li kellhom l-inkwiet, u kien ħerqan biex juża l-qawwa mogħtija lilu minn Alla biex jgħinhom. Per eżempju, wieħed bil-marda terribbli tal-ġdiem ġie għandu u qallu: “Jekk biss trid, int tistaʼ tagħmilni nadif.” Ġesù “ġie mqanqal b’ħasra, u medd idu u messu, u qallu: ‘Irrid. Intgħamel nadif.’” U r-raġel marid ġie mfejjaq!—Mark 1:40-42.
21. Ġesù kif għen lill-folol?
21 Ikkunsidra xena oħra mill-Bibbja, u immaġina s-sentiment teneru taʼ Ġesù għan-nies deskritti: “Imbagħad folol kbar resqu lejh, li kellhom magħhom nies li kienu zopop, immankati, għomja, muti, u oħrajn mod ieħor, u prattikament xeħtuhom f’riġlejh, u hu fejjaqhom; biex b’hekk il-folla baqgħet mgħaġġba hekk kif raw il-muti jitkellmu u z-zopop jimxu u l-għomja jaraw, u gglorifikaw lil dak Alla taʼ Iżrael.”—Mattew 15:30, 31.
22. Liema ħaġa turi li Ġesù kien tassew jimpurtah min-nies li lilhom għen?
22 Li Ġesù kien tassew jimpurtah minn dawk li kienu qegħdin isofru u li verament ried jgħinhom jistaʼ jidher minn dak li mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu. Qal: “Tiġini ħasra mill-folla, għaliex diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom ’l hemm sajmin. Jistgħu possibilment iħosshom ħażin fit-triq.” Mela Ġesù, b’sebaʼ ħobżiet u bi ftit ħut żgħir biss, temaʼ b’mod mirakoluż l-“erbat elef raġel, barra min-nisa u tfal żgħar.”—Mattew 15:32-38.
23. X’qanqal lil Ġesù biex jirxoxta lill-iben mejjet taʼ waħda armla?
23 F’okkażjoni oħra Ġesù ltaqaʼ maʼ funeral li kien ħiereġ mill-belt taʼ Najin. Il-Bibbja tiddeskrivi dan, billi tgħid: “Kien hemm raġel mejjet li kien qiegħed jinġarr ’il barra, l-iben uniġenitu t’ommu. Barra minn hekk, hi kienet armla. . . . U meta l-Mulej lemaħha, beda jitħassarha.” Hu ħass ħafna n-niket tagħha. Mela, fil-waqt li indirizza lill-ġisem mejjet, Ġesù kkmanda: “Żagħżugħ, jien ngħidlek, Qum!” U oħroġ l-għaġeb! “[I]r-raġel mejjet qam bil-qiegħda u beda jitkellem, u hu tah lil ommu.” Aħseb ftit kif bil-fors li ħassitha dik l-omm! Kif kont tħossok int? L-aħbar dwar dil-ġrajja eċċezzjonali nfirxet maʼ kullimkien. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù hu daqshekk magħruf.—Luqa 7:11-17.
24. Il-mirakli taʼ Ġesù x’urew rigward il-futur?
24 Madankollu l-mirakli li wettaq Ġesù kienu biss taʼ benefiċċju temporanju. In-nies li fejjaq reġgħu żviluppaw problemi fiżiċi. U dawk li lilhom irxoxta mietu mill-ġdid. Imma l-mirakli taʼ Ġesù taw prova li hu kien mibgħut minn Alla, li hu kien tassew l-Iben t’Alla. U dawn taw prova li, bil-qawwa t’Alla, il-problemi umani kollha jistgħu jiġu solvuti. Iva, urew fuq skala żgħira dak li se jseħħ fuq l-art taħt is-saltna t’Alla. F’dak iż-żmien in-nies bil-ġuħ se jiġu mitmugħin, il-morda se jitfejqu, u saħansitra l-mejtin se jiġu mqajmin! U qatt iżjed il-mard, il-mewt, jew xi inkwiet ieħor ma se jerġgħu jġibu d-dwejjaq. X’barka se tkun dik!—Rivelazzjoni 21:3, 4; Mattew 11:4, 5.
ĦAKKIEM TAS-SALTNA T’ALLA
25. F’liema tliet partijiet tistaʼ tinqasam il-ħajja taʼ Ġesù?
25 Hemm tliet partijiet fil-ħajja taʼ l-Iben t’Alla. L-ewwel, hemm in-numru li m’huwiex magħruf taʼ snin li qattaʼ maʼ Missieru fis-sema qabel ma sar bniedem. Imbagħad, it-33 sena u nofs li qattaʼ fuq l-art wara t-twelid tiegħu. U issa hemm il-ħajja tiegħu lura fis-sema bħala persuna spirtu. Liema pożizzjoni kellu u għad għandu fis-sema mill-irxoxt tiegħu ’l hawn?
26. Permezz tal-fedeltà tiegħu fuq l-art, Ġesù ta prova li jimmeritah li jkun liema ħaġa?
26 Biċ-ċar, Ġesù kellu jsir sultan. Saħansitra l-anġlu ħabbar lil Marija: “Hu se jaħkem bħala sultan . . . għal dejjem, u ma se jkun hemm ebda tmiem għas-saltna tiegħu.” (Luqa 1:33) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art tkellem il-ħin kollu dwar is-saltna t’Alla. Hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħalli tiġi saltnatek. Ħalli r-rieda tiegħek isseħħ, bħalma fis-sema, ukoll fuq l-art.” U ħeġġiġhom biex ‘jibqgħu, allura, ifittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mattew 6:10, 33) Bil-fedeltà tiegħu fuq l-art, Ġesù ta prova li kien jimmeritah li jkun is-sultan tas-saltna t’Alla. Beda hu jaħkem bħala sultan malli mar lura fis-sema?
27. (a) X’għamel Ġesù wara li mar lura fis-sema? (b) X’kienet l-ewwel azzjoni taʼ Ġesù bħala sultan tas-saltna t’Alla?
27 Le, ma bediex. L-appostlu Pawlu jirreferi għal Salm 110:1 u jispjega: “Dan ir-raġel [Ġesù] offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet b’mod perpetwu u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla, minn dak iż-żmien ’il quddiem jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Ebrej 10:12, 13) Ġesù kien qiegħed jistenna l-kmand taʼ Jehovah: “Mur rażżan f’nofs l-għedewwa tiegħek.” (Salm 110:2) Meta wasal dak iż-żmien, beda jnaddaf is-smewwiet minn Satana u l-anġli tiegħu. Ir-riżultat taʼ dik il-gwerra fis-sema huwa mistqarr b’dawn il-kelmiet: “Issa seħħew is-salvazzjoni u l-poter u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu, għaliex ix-xellej taʼ ħutna ġie mixħut ’l isfel, li jixlihom lejl u nhar quddiem Alla tagħna!” (Rivelazzjoni 12:10) Bħalma rajna f’kapitlu ieħor f’dan il-ktieb, il-fatti juru li din il-gwerra fis-sema diġà seħħet, u Ġesù Kristu qiegħed jaħkem issa stess f’nofs l-għedewwa tiegħu.
28. (a) X’se jagħmel Kristu dalwaqt? (b) Xi rridu nagħmlu aħna biex ingawdu l-protezzjoni tiegħu?
28 Dalwaqt Kristu u l-anġli tiegħu tas-sema se jieħdu azzjoni biex jeħilsu l-art mill-gvernijiet dinjin preżenti. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 17:14) Il-Bibbja tgħid li għandu “sejf twil li jaqtaʼ, biex jistaʼ jolqot bih lill-ġnus, u se jirgħahom b’virga tal-ħadid.” (Rivelazzjoni 19:11-16) Biex nagħtu prova li nimmeritaw il-protezzjoni matul din il-qerda li ġejja, irridu neżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu. (Ġwann 3:36) Irridu nsiru dixxipli tiegħu u nissottomettu rwieħna lejh bħala s-Sultan tagħna tas-sema. Se tagħmel hekk int?
[Stampa f’paġna 58]
Ġesù telaq ix-xogħol tiegħu taʼ mastrudaxxa biex jitgħammed u jsir il-midluk taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 63]
Ġesù kien l-ekwivalenti tar-raġel perfett Adam
[Stampi f’paġna 64]
Ġesù kien imqanqal mill-ħasra biex jgħin lill-morda u lill-imġewħin
[Stampa f’paġna 67]
Billi qajjem il-mejtin, Ġesù wera x’kien se jagħmel fuq skala wisq akbar meta s-saltna t’Alla taħkem