Bijografija
Ngħatajt ‘Dak li Xtaqet Qalbi’
KIF RAKKONTATA MINN DOMINIQUE MORGOU
F’Diċembru taʼ l-1998, fl-aħħar wasalt l-Afrika! Ħolma li kelli meta kont żgħira issa saret realtà. Dejjem kont inħossni affaxxinata meta naħseb dwar il-postijiet kbar taʼ l-Afrika fil-miftuħ u n-natura mill-isbaħ. Issa kont ninsab f’dan il-post! Fl-istess ħin, ħolma oħra kienet saret realtà. Kont qed naqdi bħala evanġelizzatriċi full-time f’pajjiż barrani. Għal ħafna, din setgħet dehret xi ħaġa impossibbli. Id-dawl t’għajnejja hu batut ħafna, u nimxi fit-toroq ramlin taʼ l-irħula Afrikani bl-għajnuna taʼ kelba li tmexxi lill-għomja mħarrġa biex tagħmel dan fit-toroq tal-bliet Ewropej. Ħalli nirrakkontalkom kif sar possibbli għalija li naqdi ġewwa l-Afrika u kif Ġeħova ‘tani dak li xtaqet qalbi.’—Salm 37:4.
JIEN twilidt fid-9 taʼ Ġunju taʼ l-1966, fin-nofsinhar taʼ Franza. Kont l-iżgħar waħda minn sebaʼ aħwa—żewġ subien u ħamest ibniet—u l-ġenituri tagħna kienu jieħdu ħsiebna u jħobbuna ħafna. Madankollu, meta kont żagħżugħa għaddejt minn żmien diffiċli. Bħal nannti, ommi, u waħda minn ħuti, jien għandi marda ereditarja li eventwalment tagħmina għalkollox.
Bħala adoloxxenti, kelli nkampa mar-razziżmu, il-preġudizzju, u l-ipokrisija, li ġagħluni nirribella kontra s-soċjetà in ġenerali. Kien matul dan iż-żmien diffiċli li morna noqogħdu fir-reġjun taʼ Hérault. Hemmhekk ġrat xi ħaġa sabiħa.
Darba waħda, il-Ħadd fil-għodu, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew iħabbtulna. Ommi kienet tafhom u qaltilhom biex jidħlu. Waħda min-nisa staqsiet lil ommi jekk kinitx tiftakar li darba wegħditha li kienet se taċċetta studju tal-Bibbja. Ommi ftakret u staqsiet, “Meta ħa nibdew?” Ftiehmu li jiltaqgħu kull nhar taʼ Ħadd fil-għodu, u b’hekk ommi bdiet titgħallem “il-verità taʼ l-aħbar tajba.”—Galatin 2:14.
Nikseb id-Dehen
Ommi għamlet kull sforz biex tiftakar dak li kienet tgħallmet. Peress li kienet għamja, kellha timmemorizza kollox. Ix-Xhieda kienu paċenzjużi ħafna magħha. Imma jien, kulmeta kienu jiġu, kont immur nistaħba f’kamarti u noħroġ biss meta kienu jitilqu. Madankollu, darba minnhom wara nofsinhar, Eugénie, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, iltaqgħet miegħi u kellmitni. Hi qaltli li s-Saltna t’Alla kienet se ttemm l-ipokrisija, il-mibegħda, u l-preġudizzju kollu fid-dinja. Hi qaltli, “Alla biss għandu s-soluzzjoni.” Ridt jien inkun naf iktar? L-għada bdejt l-istudju tiegħi tal-Bibbja.
Dak kollu li tgħallimt kien ġdid għalija. Issa bdejt nifhem li Alla qiegħed jippermetti l-ħażen fuq l-art għal ftit minħabba raġunijiet tajbin. (Ġenesi 3:15; Ġwanni 3:16; Rumani 9:17) Tgħallimt ukoll li Ġeħova ma jħalliniex mingħajr tama. Hu tana l-wegħda sabiħa tiegħu li ngħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna. (Salm 37:29; 96:11, 12; Isaija 35:1, 2; 45:18) F’dik il-Ġenna taʼ l-art, se nkun nistaʼ nerġaʼ nikseb il-vista tiegħi li kont qed nitlef ftit ftit.—Isaija 35:5.
Bdejt Naqdi fis-Servizz Full-Time
Fit-12 taʼ Diċembru taʼ l-1985, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma, u b’hekk ngħaqadt m’oħti Marie-Claire, li kienet diġà tgħammdet. Ħija Jean-Pierre malajr għamel l-istess, u l-għażiża ommi tgħammdet ukoll.
Fil-kongregazzjoni li kont nissieħeb magħha, kien hemm bosta pijunieri regulari, jew evanġelizzaturi full-time. Jien ġejt inkuraġġita mill-ferħ u l-entużjażmu li kellhom għall-ministeru. Anki Marie-Claire, li kellha marda f’għajnejha u kienet tilbes ċertu apparat f’sieqha, bdiet taqdi fis-servizz full-time. Hi għadha tinkuraġġini b’mod spiritwali sa llum il-ġurnata. Peress li kont imdawra bil-pijunieri, kemm fil-kongregazzjoni u kemm fil-familja, żviluppajt xewqa biex nibda naqdi fis-servizz full-time jien stess. Għalhekk, f’Novembru taʼ l-1990, bdejt naqdi f’Béziers bħala pijuniera.—Salm 94:17-19.
Inkampa maʼ l-Iskuraġġiment
Waqt il-ministeru, il-pijunieri l-oħrajn kienu jieħdu ħsiebi ħafna. Minkejja dan, minn żmien għal żmien, ħassejtni skuraġġita minħabba l-limitazzjonijiet tiegħi u xtaqt li stajt nagħmel iktar. Madankollu, Ġeħova sostnieni waqt dawk il-mumenti taʼ skuraġġiment. Kont nagħmel riċerki fil-Watch Tower Publications Index, u kont infittex bijografiji taʼ pijunieri li bħali kellhom vista batuta. Bqajt mistagħġba dwar kemm kien hemm! Dawn l-esperjenzi prattiċi u inkuraġġanti għallmuni biex napprezza dak li stajt nagħmel u naċċetta l-limitazzjonijiet tiegħi.
Sabiex nieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħi, kont innaddaf fil-ħwienet maʼ xi Xhieda oħrajn. Darba minnhom indunajt li sħabi tax-xogħol kienu qegħdin inaddfu l-postijiet li kont għadni kif naddaft. Ovvjament, ma kontx qed innaddaf sew. Mort nara lil Valérie, li kienet il-pijuniera inkarigata biex tieħu ħsieb it-tim tagħna tat-tindif, u staqsejtha biex tkun onesta miegħi u tgħidli jekk kontx qiegħda nagħmilha diffiċli għall-oħrajn. Hi bil-ħlewwa ħalliet f’idejja biex niddeċiedi jekk ridtx inkompli jew le. F’Marzu taʼ l-1994, waqaft mix-xogħol tat-tindif li kelli.
Għal darb’oħra bdejt inħossni li ma kont tajba għal xejn. Tlabt ħafna lil Ġeħova u kont naf li hu kien se jismaʼ t-talb tiegħi. L-istudju tal-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Kristjani għal darb’oħra għenuni ħafna. Minkejja dan, filwaqt li l-vista bdiet tmur għall-agħar, ix-xewqa tiegħi li naqdi lil Ġeħova kienet qed tiżdied. Xi stajt nagħmel?
L-Ewwel Nistenna, Imbagħad Nieħu Deċiżjoni Malajr
Applikajt għat-taħriġ fiċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni għall-Għomja u Dawk b’Vista Batuta f’Nîmes u eventwalment wara tliet xhur ġejt aċċettata. Iż-żmien li qattajt hemm kien wieħed utli. Irrealizzajt kemm kienet serja l-kundizzjoni tiegħi u tgħallimt nadatta ruħi għaliha. Meta bdejt nissieħeb maʼ nies li kienu qed ibatu minn kull tip taʼ diżabilità, ġejt megħjuna biex nirrealizza kemm kienet prezzjuża t-tama Kristjana li għandi. Jien almenu kelli mira u stajt nagħmel xi ħaġa produttiva. Barra minn hekk, tgħallimt il-Braille bil-Franċiż.
Meta mort lura d-dar, il-familja tiegħi nnotat kemm kien għenni t-taħriġ. Madankollu, dak il-bastun abjad li kelli nuża kien verament idejjaqni. Kien diffiċli ħafna għalija li naċċetta dan il-bastun. Kien ikun aħjar kieku kelli xi ħaġa oħra bħala għajnuna—forsi kelb li jgħin biex imexxi lill-għomja.
Applikajt għal kelb iżda qaluli li kien hemm lista twila taʼ wħud li kienu qegħdin jistennew biex jingħataw wieħed. Barra minn hekk, l-aġenzija kien se jkollha tagħmel investigazzjoni. Kelb bħal dan ma jingħatax lil kulħadd. Darba minnhom, waħda mara li kienet tieħu ħsieb assoċjazzjoni taʼ l-għomja qaltli li klabb lokali tat-tennis kien se jagħti kelb li jmexxi lill-għomja lil xi ħadd għama jew lil xi ħadd li kellu vista batuta u li kien joqgħod fl-inħawi tagħna. Hi qaltli li kienet ħasbet fija. Kont se naċċetta? Jien ħassejt il-gwida taʼ Ġeħova f’din il-ħaġa u aċċettajt l-offerta ġentili tagħha. Minkejja dan, kelli nistenna għall-kelb.
Nibqaʼ Naħseb dwar l-Afrika
Waqt li kont qed nistenna, dawwart l-attenzjoni tiegħi lejn xi ħaġa oħra. Bħalma semmejt iktar kmieni, minn meta kont żgħira kelli interess kbir fl-Afrika. Minkejja li l-vista tiegħi kienet sejra għall-agħar, dak l-interess kiber iktar minn qatt qabel, speċjalment meta sirt naf li ħafna nies fl-Afrika kienu interessati fil-Bibbja u f’li jaqdu lil Ġeħova. Xi ftit taż-żmien qabel, lil Valérie kont semmejtilha fuq fuq li xtaqt inżur l-Afrika. Kienet hi se tiġi miegħi? Hi aċċettat, u ktibna lil diversi uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Afrika fejn kienu jitkellmu bil-Franċiż.
Waslet risposta minn Togo. B’entużjażmu kbir, staqsejt lil Valérie biex taqrahieli. L-ittra kienet inkuraġġanti, u għalhekk Valérie qalet: “Iva, għala ma mmorrux?” Wara li ktibna lill-aħwa fil-fergħa, huma qaluli biex nikkuntattja lil Sandra, pijuniera f’Lomé, il-belt kapitali. Aħna ddeċidejna li mmorru fl-1 taʼ Diċembru taʼ l-1998.
X’differenza, imma x’ferħ! Wara li nżilna f’Lomé, ħriġna mill-ajruplan u ħassejna ssħana soffokanti taʼ l-Afrika. Sandra ltaqgħet magħna. Qatt ma konna ltqajna qabel, iżda mill-ewwel ħassejna qisu konna ilna nafu lil xulxin. Ftit qabel ma wasalna, Sandra u seħbitha, Christine, ġew maħturin bħala pijunieri speċjali f’Tabligbo, raħal żgħir fiċ-ċentru. Issa kellna l-privileġġ li mmorru magħhom fuq l-inkarigu l-ġdid tagħhom. Qgħadna hemm għal madwar xahrejn, u meta tlaqna, kont naf li se nerġaʼ mmur.
Ferħana li Mmur Lura
Fi Franza, mill-ewwel bdejt nipprepara għat-tieni vjaġġ tiegħi f’Togo. Bl-appoġġ tal-familja tiegħi, stajt nagħmel arranġamenti biex nibqaʼ hemmhekk għal sitt xhur. Għalhekk, f’Settembru taʼ l-1999, kont għal darb’oħra fuq ajruplan fi triqti lejn Togo. Madankollu, din id-darba kont waħdi. Immaġina kif ħassewhom il-familja tiegħi meta rawni nitlaq waħdi minkejja d-diżabilità tiegħi! Iżda ma kellhomx għalfejn jinkwetaw. Jien aċċertajt lill-ġenituri tiegħi li sħabi, li kienu diġà saru qishom familja għalija, se jkunu qed jistennewni f’Lomé.
X’ferħ ħassejt li mort lura f’post fejn ħafna nies juru interess fil-Bibbja! M’hijiex xi ħaġa stramba li tara lin-nies jaqraw il-Bibbja fit-triq. F’Tabligbo n-nies jgħajtulek sempliċement biex ikollhom diskussjoni fuq il-Bibbja. U xi privileġġ kelli li naqsam maʼ żewġ pijunieri speċjali l-akkomodazzjonijiet sempliċi tagħhom! Bdejt nitgħallem dwar kultura oħra u tgħallimt inħares lejn l-affarijiet b’mod differenti. L-ewwel u qabel kollox, innotajt li ħutna l-Kristjani fl-Afrika jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom. Per eżempju, għalkemm ikollhom jimxu kilometri sħaħ biex imorru s-Sala tas-Saltna, dan ma jżommhomx lura milli jattendu l-laqgħat. Tgħallimt ħafna wkoll mill-imħabba u l-ospitalità tagħhom.
Ġurnata minnhom meta rritornajt mis-servizz taʼ l-għalqa, ftaħt qalbi maʼ Sandra u għedtilha li kont qed nibżaʼ mmur lura Franza. Il-vista tiegħi marret iktar għall-agħar. Bdejt naħseb dwar it-toroq iffollati u storbjużi taʼ Béziers, dwar it-taraġ fl-appartamenti, u dwar ħafna affarijiet oħra li jagħmlu l-ħajja diffiċli għal xi ħadd li għandu vista batuta. B’kuntrast, it-toroq f’Tabligbo, għalkemm ma kinux lixxi, ma kinux storbjużi—la hemm ħafna nies u lanqas ħafna traffiku. Kif kont se nkampa fi Franza issa li drajt f’Tabligbo?
Jumejn wara ċemplet ommi biex tgħidli li l-iskola tal-klieb li jmexxu lill-għomja kienet qed tistennieni. Kelba tal-Labrador t’età żgħira li jisimha Océane kienet lesta biex issir “għajnejja.” Għal darb’oħra, il-bżonnijiet tiegħi ngħataw attenzjoni u l-ansjetajiet li kelli telqu. Wara sitt xhur naqdi bil-ferħ f’Tabligbo, erġajt qbadt triqti lejn Franza biex niltaqaʼ m’Océane.
Wara ħafna xhur taʼ taħriġ, fdawli lil Océane. Fil-bidu, dan ma kienx faċli. Kellna nitgħallmu nifhmu lil xulxin. Bil-mod il-mod, però, bdejt nirrealizza kemm kelli bżonn lil Océane. Issa Océane saret qisha parti minni. In-nies f’Béziers kif irreaġixxew meta rawni ġejja fuq il-bieb tagħhom b’kelb? Urewni qalb tajba u rispett. Océane saret l-“eroj” fl-inħawi tiegħi. Ladarba ħafna nies iħossuhom skomdi fil-preżenza taʼ persuna b’diżabilità, il-fatt li kelli kelb għenni biex nitkellem dwar id-diżabilità tiegħi b’mod naturali. In-nies kienu jirrilassaw u joqogħdu jisimgħuni. Tabilħaqq, Océane kienet l-aqwa skuża biex nibda konversazzjoni.
Fl-Afrika m’Océane
Ma kontx insejt l-Afrika, u issa bdejt nipprepara għat-tielet vjaġġ tiegħi. Din id-darba, ħadt lil Océane miegħi. Miegħi ġew ukoll il-koppja Anthony u Aurore, u l-ħabiba tiegħi Caroline—li kienu kollha pijunieri bħali. Fl-10 taʼ Settembru tas-sena 2000, wasalna f’Lomé.
Għall-ewwel, ħafna kienu jibżgħu minn Océane. Ftit kienu n-nies f’Lomé li qabel kienu raw kelb kbir bħal dan, ladarba bosta mill-klieb f’Togo huma żgħar. Meta raw ix-xedd tagħha, xi wħud ħasbu li kienet annimal feroċi li kellu bżonn jinżamm taħt kontroll. Min-naħa tagħha, Océane kienet tispiċċa turi attitudni difensiva, lesta biex tipproteġini kontra dak li kienet taħsbu periklu. Madankollu, Océane malajr drat l-ambjent ġdid. Meta tkun liebsa x-xedd, hi taf li tkun qiegħda fuq xogħolha—dixxiplinata, responsabbli, u toqgħod maġenbi. Meta ma tkunx liebsa xedd, toqgħod tilgħab, u kultant tkun imqarba. Nieħdu ħafna gost flimkien.
Ilkoll kemm aħna konna mistidnin biex noqogħdu maʼ Sandra u Christine f’Tabligbo. Sabiex ngħinu lill-aħwa lokali jidraw lil Océane, stidinniehom għandna u spjegajnielhom l-irwol tal-kelba li tmexxi lill-għomja, għala kelli bżonnha, u kif kellhom jirreaġixxu quddiemha. L-anzjani qablu li Océane għandha tiġi miegħi s-Sala tas-Saltna. Ladarba f’Togo dan l-arranġament kien wieħed mhux tas-soltu, sar avviż lill-kongregazzjoni li kien jispjega l-kwistjoni. Rigward il-ministeru, Océane ġiet miegħi biss meta kont nagħmel iż-żjajjar lura u meta kont nikkonduċi l-istudji tal-Bibbja—sitwazzjonijiet meta l-preżenza tagħha kienet tiġi mifhuma aħjar.
L-ippridkar f’dan it-territorju għadu esperjenza sabiħa. Dejjem kont grata għal kemm kienu jieħdu ħsiebi dawn in-nies ġentili, u dan kienu jagħmluh billi juru qalb tajba miegħi, bħal per eżempju l-ħerqa tagħhom biex jagħtuni siġġu ħalli noqgħod bil-qiegħda. F’Ottubru taʼ l-2001, ommi ġiet miegħi fuq ir-rabaʼ vjaġġ tiegħi lejn Togo. Wara tliet ġimgħat, hi rritornat Franza, moħħha mistrieħ u ferħana.
Jien grata ħafna lejn Ġeħova li stajt naqdi f’Togo. Inħossni ċerta li Ġeħova se jkompli jagħtini ‘dak li tixtieq qalbi’ hekk kif inkompli nuża dak kollu li għandi fis-servizz tiegħu.a
[Nota taʼ taħt]
a Oħtna Morgou marret lura Franza u setgħet tagħmel il-ħames vjaġġ tagħha lejn Togo, mis-6 t’Ottubru taʼ l-2003 sas-6 taʼ Frar taʼ l-2004. B’sogħba, minħabba komplikazzjonijiet mediċi, għandu mnejn li dak il-vjaġġ f’Togo jkun l-aħħar wieħed għaliha f’din is-sistema. Madankollu, ix-xewqa kbira tagħha hi li tkompli taqdi lil Ġeħova.
[Stampi f’paġna 10]
Dejjem kont inħossni affaxxinata meta naħseb dwar il-postijiet kbar taʼ l-Afrika fil-miftuħ u n-natura mill-isbaħ
[Stampa f’paġna 10]
Océane kienet tiġi miegħi fuq iż-żjajjar lura
[Stampa f’paġna 11]
L-anzjani qablu li għandi nġib lil Océane miegħi għal-laqgħat