“Waħda mill-Isbaħ Ġranet taʼ Ħajti”
“FOST iż-żgħażagħ, id-dipressjoni hija l-iktar problema tas-saħħa mentali li tiġi rapportata u x’aktarx l-iktar waħda importanti,” tgħid il-Beyondblue, aġenzija fl-Awstralja finanzjata mill-gvern. L-istudji juru li madwar 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa Awstraljani jsofru mid-dipressjoni kull sena.
Iż-żgħażagħ Kristjani m’humiex meħlusin mid-dipressjoni. Madankollu, il-fidi f’Ġeħova għenet lil ħafna minnhom biex jegħlbu sentimenti negattivi u jirnexxu f’żgħożithom. Billi jagħmlu dan, huma jħallu effett mill-aqwa fuq oħrajn. Kif?
Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Claire li għandha 18-il sena. Hi u ommha jattendu kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Melbourne. Meta missierha telaq lill-familja, Claire waqgħet f’dipressjoni. Imma l-fidi tagħha f’Missierha tas-sema, Ġeħova, baqgħet b’saħħitha. Jum wieħed, it-tabiba tal-familja, Lydia, marret id-dar taʼ Claire biex tara kif inhi ommha li kienet marida. Imbagħad b’qalb tajba offriet li twassal lil Claire f’ċentru tal-ħwienet. Fit-triq staqsiet lil Claire jekk kinitx qed toħroġ maʼ xi ġuvni. Claire spjegatilha li bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hi ma kinitx toħroġ mal-ġuvintur sempliċement għall-gost. It-tabiba baqgħet skantata ħafna b’dan. Imbagħad Claire spjegat kif il-Bibbja kienet għenitha tieħu deċiżjonijiet għaqlin f’ħajjitha. Fl-aħħar, Claire offriet li lit-tabiba ġġibilha kopja taʼ pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja u li tant kienet għenitha. Il-ktieb kien jismu Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom.
Tlett ijiem wara li rċiviet il-ktieb, Lydia ċemplet lil omm Claire sabiex tgħidilha kemm kienet ħadet pjaċir taqrah. Imbagħad talbet sitt kotba oħra għall-kollegi tagħha. Meta Claire ħaditilha l-kotba, it-tabiba spjegat kemm kienet baqgħet impressjonata bil-fidi taʼ Claire. Claire offriet li tistudja l-Bibbja magħha, u t-tabiba aċċettat.
Għal diversi xhur, Claire kkonduċiet l-istudju meta t-tabiba kienet tieqaf għall-ikel taʼ nofsinhar. Imbagħad Lydia staqsiet lil Claire jekk kinitx lesta li titkellem f’seminar dwar is-suġġett tad-dipressjoni fost iż-żgħażagħ. Għalkemm kienet ftit beżgħana, Claire aċċettat. Għas-seminar attendew ’il fuq minn 60 persuna. Erbaʼ professjonisti dwar is-saħħa mentali—ilkoll adulti—kellmu lill-udjenza. Imbagħad kien imiss lil Claire. Hi enfasizzat kemm hu importanti għaż-żgħażagħ li jkollhom relazzjoni m’Alla. Spjegat li Alla Ġeħova jimpurtah ħafna miż-żgħażagħ u jgħin lil dawk kollha li jduru lejh għall-għajnuna u l-faraġ. Iktar minn hekk, hi esprimiet il-konvinzjoni tagħha li Ġeħova dalwaqt se jelimina kull xorta taʼ mard mentali u fiżiku. (Isaija 33:24) X’ħareġ minn din ix-xiehda eċċellenti?
“Wara s-sessjoni, ħafna ġew fuqi biex jgħiduli kemm baqgħu impressjonati jisimgħu żagħżugħa titkellem dwar Alla,” qalet Claire. “Ħallejt 23 kopja tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. Tliet tfajliet fl-udjenza tawni n-numru tat-telefon tagħhom. Waħda minnhom issa qed tistudja l-Bibbja. Kienet waħda mill-isbaħ ġranet taʼ ħajti.”