Kondotta Tajba Ġġib Riżultati Tajbin
OMM u t-tlett itfal tagħha, li joqogħdu fuq gżira ftit ’il bogħod min-nofsinhar tal-Ġappun, bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta raw dan, il-ġirien taʼ dawn l-inħawi, li huma iżolati u li ħajjithom hija mdawra bit-tradizzjoni, bdew jinjoraw lill-omm kull meta kienu jarawha. Hi tgħid: “Dak li weġġagħni l-iktar ma kienx għax injoraw lili imma għax kienu bierda mar-raġel u mat-tfal tiegħi.” Madankollu, hi kienet tgħid lit-tfal tagħha: “Għandna nibqgħu nsellmu lill-ġirien tagħna għal isem Ġeħova.”—Mattew 5:47, 48.
Id-dar, hi kienet tgħallem lit-tfal tagħha biex ikunu edukati minkejja li jiġu mwarrbin. Hekk kif kienu jkunu sejrin lejn nixxiegħa taʼ ilma sħun, bħalma kellhom id-drawwa li jagħmlu, it-tfal kienu joqogħdu jipprattikaw fil-karozza kif se jsellmu lin-nies. Malli kienu jidħlu fil-post, it-tfal kienu jgħidu bil-ferħ, “Konnichiwa!”—“Il-ġurnata t-tajba!” Il-familja baqgħet issellem bil-paċenzja lil dawk kollha li kienet tiltaqaʼ magħhom, avolja l-ġirien kienu jibqgħu bierda. Madankollu, in-nies innotaw il-manjieri tajbin tat-tfal.
Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed mill-ġirien wiġibhom lura “Konnichiwa,” u hekk bdew jagħmlu xi ġirien oħra. Wara xi sentejn, lil din il-familja kważi kulħadd fir-raħal kien isellmilha lura. Ukoll, il-ġirien bdew isellmu lil xulxin u saru iktar dħulin maʼ xulxin. Is-sindku ried jippremja lit-tfal għall-irwol li kellhom fil-bidla li seħħet. Imma ommhom qaltlu li huma sempliċement kienu qed jagħmlu dak li l-Kristjani għandhom jagħmlu. Iktar tard, waqt kompetizzjoni li saret fil-gżira biex jaraw min jagħti l-aqwa diskors, wieħed mit-tfal irrakkonta kif ommu kienet ħarrġet lill-familja biex isellmu lil oħrajn u jużaw manjieri tajbin tkun xi tkun ir-reazzjoni t’oħrajn. It-taħdita tiegħu rebħet l-ewwel premju u ġiet stampata fil-gazzetta tar-raħal. Illum il-ġurnata, il-familja hija verament ferħana li segwiet il-prinċipji Kristjani għax dan ġab dawn ir-riżultati tajbin. Huwa iktar faċli li taqsam l-aħbar tajba man-nies meta jkunu dħulin.