Int Se Timxi m’Alla?
‘Imxi bl-umiltà m’Alla tiegħek.’ —MIKEA 6:8, Karm Żammit.
1, 2. Is-sentimenti taʼ Ġeħova lejna kif jistgħu jitqabblu maʼ dawk taʼ ġenitur li jgħallem lil tifel kif jimxi?
TARBIJA, bil-wieqfa se taqaʼ u ma taqax, timxi lejn il-ġenituri b’idejhom miftuħin lejha u tagħmel l-ewwel ftit passi tagħha. Din tistaʼ tidher bħala xi ħaġa żgħira, imma għall-omm u l-missier, dan hu żvilupp sinifikanti, mument mimli prospetti għall-futur. Il-ġenituri jħarsu ’l quddiem biex jimxu mat-tifel, id f’id, fix-xhur u s-snin li ġejjin. B’ħafna modi, huma jittamaw li jipprovdu lit-tifel bil-gwida u l-appoġġ għal żmien twil.
2 Alla Ġeħova għandu sentimenti simili lejn uliedu taʼ l-art. Dwar il-poplu tiegħu Iżrael, jew Efrajm, darba qal: “’L Efrajm għallimtu jimxi, rfajthom fuq dirgħajja . . . Bi ħbula taʼ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet taʼ mħabba.” (Ħosegħa 11:3, 4) Ġeħova hawnhekk jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ġenitur kollu mħabba li bil-paċenzja qed jgħallem lil ibnu kif jimxi, forsi billi jilqgħu b’idejh meta jaqaʼ. Ġeħova, l-aqwa Ġenitur, jinsab ħerqan biex jgħallimna kif nimxu. Hu jitgħaxxaq ukoll meta jakkumpanjana hekk kif inkomplu nagħmlu progress. Bħalma turi l-iskrittura użata bħala tema, aħna nistgħu nimxu m’Alla! (Mikea 6:8, KŻ) Imma xi jfisser li nimxu m’Alla? Għala għandna bżonn nagħmlu dan? Kif inhu possibbli? U liema barkiet jiġu meta nimxu m’Alla? Ejja nikkunsidraw dawn l-erbaʼ mistoqsijiet waħda waħda.
Xi Jfisser li Timxi m’Alla?
3, 4. (a) X’hemm straordinarju fl-istampa li jġiblek f’moħħok il-mixi m’Alla? (b) Xi jfisser li timxi m’Alla?
3 M’għandniex xi ngħidu, il-bnedmin tad-demm u l-laħam ma jistgħux letteralment jimxu maʼ Ġeħova, li hu spirtu. (Eżodu 33:20; Ġwanni 4:24) Allura, meta l-Bibbja titkellem dwar li l-bnedmin jimxu m’Alla, din tuża lingwa figurattiva. Tpinġi stampa straordinarja, waħda li m’hijiex ristretta minn fruntieri nazzjonali jew kulturali u saħansitra tibqaʼ tgħodd tul iż-żmien. Wara kollox, f’liema post jew era jistgħu n-nies ma jifhmux il-konċett taʼ individwu li jimxi maʼ xi ħadd ieħor? It-tixbiha tagħti stampa taʼ mħabba u intimità, hux tassew? Dawn is-sentimenti jagħtuna d-dehen biex nifhmu xi jfisser li nimxu m’Alla. Però, ejja nkunu iktar speċifiċi.
4 Ftakar fl-irġiel leali Ħenok u Noè. Għala jiġu deskritti bħala li jimxu m’Alla? (Ġenesi 5:24; 6:9) Fil-Bibbja, it-terminu “li timxi” spiss ifisser li taġixxi b’ċertu mod. Ħenok u Noè għażlu ħajja li kienet fi qbil mar-rieda t’Alla Ġeħova. Kuntrarju għal dawk fid-dinja taʼ madwarhom, huma daru lejn Ġeħova għall-gwida u obdew id-direzzjoni tiegħu. Huma fdaw fih. Ifisser dan li Ġeħova ddeċieda għalihom? Le. Ġeħova ta lill-bnedmin ir-rieda ħielsa, u hu jridna nużaw din l-għotja mal-“qawwa tar-raġuni” tagħna. (Rumani 12:1) Madankollu, hekk kif nieħdu d-deċiżjonijiet, aħna umilment inħallu l-qawwa tar-raġuni tagħna tiġi gwidata mill-ħsibijiet taʼ Ġeħova li huma superjuri b’mod infinit. (Proverbji 3:5, 6; Isaija 55:8, 9) Fil-fatt, hekk kif nimxu fil-ħajja tagħna, aħna nkunu fi vjaġġ bi sħubija mill-qrib maʼ Ġeħova.
5. Ġesù għala tkellem dwar li individwu jżid driegħ mat-tul taʼ ħajtu?
5 Il-Bibbja spiss ixxebbah il-ħajja maʼ vjaġġ jew mixja. F’ċerti każi, dan ix-xebh hu dirett, imma f’każi oħra huwa indirett. Per eżempju, Ġesù qal: “Min minnkom, billi jħabbat rasu, jistaʼ jtawwal għomru b’tul taʼ driegħ wieħed?” (Mattew 6:27, Saydon) Dan il-kliem jistaʼ jħawdek. Ġesù għala tkellem dwar li jtawwal “driegħ wieħed,” li hu kejl taʼ distanza, maʼ l-‘għomor’ taʼ bniedem, li jitkejjel permezz taʼ żmien?a Jidher ċar li Ġesù kien qed jagħti stampa tal-ħajja bħala vjaġġ. Fil-fatt, hu għallem li meta tinkwieta ma se żżid lanqas pass żgħir wieħed mal-mixja taʼ ħajtek. Imma għandna nikkonkludu li m’hemm xejn x’nistgħu nagħmlu dwar it-tul taʼ dik il-mixja? Dażgur li le! Dan iġibna għat-tieni mistoqsija tagħna, Għala għandna bżonn nimxu m’Alla?
Għala Għandna Bżonn Nimxu m’Alla?
6, 7. Il-bnedmin imperfetti għandhom liema bżonn kbir, u għala nagħmlu tajjeb jekk infittxu lil Ġeħova biex jiħdilna ħsieb dan il-bżonn?
6 Raġuni waħda għala għandna bżonn nimxu m’Alla Ġeħova hi spjegata f’Ġeremija 10:23: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” Mela aħna l-bnedmin la għandna l-abbiltà u lanqas id-dritt li nidderieġu t-triq li qed tieħu ħajjitna. Għandna bżonn kbir taʼ gwida. Dawk li jinsistu fuq li jgħixu kif iridu, indipendenti minn Alla, jagħmlu l-istess żball li għamlu Adam u Eva. L-ewwel koppja ħadet f’idejha d-dritt li tiddetermina għaliha x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 3:1-6) Dan id-dritt sempliċement ‘m’huwiex f’idejna.’
7 Ma tħossx il-bżonn taʼ gwida għall-vjaġġ taʼ ħajtek? Kuljum, niffaċċjaw deċiżjonijiet kbar u żgħar. Xi wħud minn dawn huma diffiċli u jistgħu jeffettwaw il-futur tagħna—kif ukoll dak tal-maħbubin tagħna. Però, aħseb ftit li xi ħadd akbar minna b’mod infinit fl-età u l-għerf jieħu gost jagħtina l-gwida tiegħu bl-imħabba biex nieħdu dawn id-deċiżjonijiet! B’dispjaċir, ħafna nies illum jippreferu jafdaw fil-ġudizzju tagħhom u jiggwidaw il-passi tagħhom stess. Huma jinjoraw il-verità li nsibu fi Proverbji 28:26: “Min jafda fih innifsu hu iblah, imma min jimxi fit-triq taʼ l-għerf jimxi fis-sod.” Ġeħova jrid jiskansana mid-diżastri li jiġu meta wieħed jafda fil-qalb qarrieqa tal-bniedem. (Ġeremija 17:9) Hu jridna nimxu bl-għerf, nafdaw fih bħala l-Gwida u l-Istruttur għaref tagħna. Meta nagħmlu dan, il-mixja taʼ ħajjitna tkun fis-sigurtà, sodisfaċenti, u premjanti.
8. Id-dnub u l-imperfezzjoni jmexxu naturalment lill-bniedem lejn liema direzzjoni, però Ġeħova x’jixtieq għalina?
8 Raġuni oħra għala għandna bżonn nimxu m’Alla tinvolvi t-tul tal-mixja li rridu nagħmlu. Il-Bibbja ssemmi verità tal-biżaʼ. F’ċertu sens, il-bnedmin imperfetti kollha qed jimxu lejn l-istess destinazzjoni. Meta jiddeskrivi l-provi li jiġu max-xjuħija, Koħèlet 12:5 jgħid: “Il-bniedem imur id-dar [dejjiema tiegħu, NW], u l-bekkejja jiġġerrew mat-toroq.” X’inhi din “id-dar dejjiema tiegħu”? Hija l-qabar, fejn jiħduna d-dnub u l-imperfezzjoni b’mod naturali. (Rumani 6:23) Madankollu, Ġeħova jixtieq iktar għalina minn sempliċi mixja qasira u kollha inkwiet mit-twelid sal-mewt. (Ġob 14:1) Huwa biss billi nimxu m’Alla li nistgħu nittamaw li nimxu kemm suppost nimxu—għal dejjem. Ma tixtieqx int li jkun hekk? Mela, jidher ċar li għandek bżonn timxi maʼ Missierek.
Kif Nistgħu Nimxu m’Alla?
9. Ġeħova għala kultant kien moħbi mill-poplu tiegħu, però liema assiguranza pprovda skond Isaija 30:20?
9 It-tielet mistoqsija li se nikkunsidraw jixirqilha l-attenzjoni tagħna bir-reqqa kollha. Din hi, Kif nistgħu nimxu m’Alla? Insibu t-tweġiba f’Isaija 30:20, 21: “Ma jinħebiex iżjed minnek l-Imgħallem tiegħek: għajnejk jaraw l-Imgħallem tiegħek. Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’” F’din is-silta inkuraġġanti, il-kliem taʼ Ġeħova mniżżel fil-vers 20 jistaʼ jfakkarna fin-nies tal-poplu tiegħu li meta rribellaw kontrih, hu fil-fatt kien moħbi minnhom. (Isaija 1:15; 59:2) Però, hawnhekk Ġeħova hu rappreżentat mhux bħala li qed jinħeba imma bħala li jinsab wieqaf fil-beraħ quddiem in-nies leali tiegħu. Nistgħu naħsbu dwar għalliem wieqaf quddiem l-istudenti tiegħu, u jurihom dak li jixtieqhom jitgħallmu.
10. F’liema sens tistaʼ int ‘tismaʼ kliem minn warajk’ mingħand l-Istruttur il-Kbir tiegħek?
10 F’vers 21, naraw stampa differenti. Ġeħova jidher bħala li qed jimxi wara n-nies tiegħu, jagħti d-direzzjonijiet dwar it-triq it-tajba li fiha għandhom jimxu. L-istudjużi tal-Bibbja nnotaw li din l-espressjoni tistaʼ tkun ibbażata fuq il-mod kif ragħaj kultant isegwi lin-nagħaġ tiegħu, jgħajtilhom biex jiggwidahom u jżommhom milli jmorru fit-triq il-ħażina. Din l-istampa kif tapplika għalina? Meta nduru lejn il-Kelma t’Alla għall-gwida, aħna nkunu qed naqraw kliem li tniżżel bil-miktub eluf taʼ snin ilu. Dan il-kliem bħallikieku ġej minn warajna fil-milja taż-żmien. Però, dan għadu jgħodd illum daqskemm kien jgħodd meta nkiteb. Il-parir tal-Bibbja jistaʼ jiggwidana fid-deċiżjonijiet tagħna taʼ kuljum, u jistaʼ jgħinna nippjanaw ħajjitna għas-snin li ġejjin. (Salm 119:105) Meta bil-ħerqa nfittxu għal dan il-parir u napplikawh, imbagħad Ġeħova jkun il-Gwida tagħna. Aħna nkunu qed nimxu m’Alla.
11. Skond Ġeremija 6:16, Ġeħova pinġa liema stampa li tilqgħek għall-poplu tiegħu, imma huma kif wieġbu?
11 Qegħdin tassew inħallu l-Kelma t’Alla tiggwidana daqshekk mill-qrib? Huwa xieraq li kultant nieqfu u neżaminaw lilna nfusna bl-onestà kollha. Ikkunsidra vers li se jgħinna nagħmlu dan: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Ieqfu fit-toroq u ħarsu, staqsu għall-mogħdijiet taʼ dari, fejn hi t-triq it-tajba u aqbdu lilha, u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!’” (Ġeremija 6:16) Dan il-kliem ifakkarna f’wieħed li jivvjaġġa u li jieqaf f’salib it-toroq biex jitlob direzzjoni. F’sens spiritwali, il-poplu ribelluż taʼ Ġeħova f’Iżrael kellu bżonn xi ħaġa simili. Kellu bżonn isib triqtu lura lejn “il-mogħdijiet taʼ dari.” Din it-“triq it-tajba” kienet it-triq li għaddew minnha missirijiethom li kienu leali, it-triq li b’nuqqas t’għaqal il-ġens kien ħareġ minnha. B’dispjaċir, Iżrael webbes rasu għat-tfakkira kollha mħabba taʼ Ġeħova. L-istess vers ikompli: “Imma huma wieġbu: ‘Fiha ma nimxux.’” Fi żmienna, però, il-poplu t’Alla wieġeb b’mod differenti għal dan il-parir.
12, 13. (a) Is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù kif wieġbu għall-parir taʼ Ġeremija 6:16? (b) Kif nistgħu neżaminaw lilna nfusna dwar il-mod kif qed nimxu llum?
12 Mill-aħħar tas-seklu 19 ’l hawn, is-segwaċi midlukin taʼ Kristu applikaw il-parir taʼ Ġeremija 6:16 għalihom infushom. Bħala klassi, huma kienu minn taʼ quddiem biex imorru lura b’qalbhom kollha lejn “il-mogħdijiet taʼ dari.” Kuntrarju għall-Kristjaneżmu apostat, huma żammew lealment mal-“mudell taʼ kliem mimli saħħa” li stabbilixxa Ġesù Kristu u li kien miżmum mis-segwaċi leali tiegħu lura fl-ewwel seklu E.K. (2 Timotju 1:13) Sa llum, il-midlukin jgħinu lil xulxin kif ukoll lil sħabhom in-“nagħaġ oħra” biex jgħixu l-ħajja b’saħħitha u kuntenta li abbanduna l-Kristjaneżmu.—Ġwanni 10:16.
13 Billi tipprovdi spiritwalment l-ikel fiż-żmien xieraq, il-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli għenet lil miljuni jsibu “l-mogħdijiet taʼ dari” u jimxu m’Alla. (Mattew 24:45-47) Tinsab int fost dawk il-miljuni? Jekk inhu hekk, x’tistaʼ tagħmel biex tevita li tinġarr mal-kurrent, lejn triq li togħġob lilek? Hu għaqli li kultant tieqaf u teżamina l-mod kif int miexi f’ħajtek. Jekk lealment qed taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha u tattendi l-programmi taʼ tagħlim provduti mill-midlukin illum, mela int qed tiġi mħarreġ biex timxi m’Alla. U meta umilment tapplika l-parir li tingħata, int tkun tassew qed timxi m’Alla u ssegwi “l-mogħdijiet taʼ dari.”
Imxi Bħallikieku ‘Qed Tara lil Dak li Hu Inviżibbli’
14. Jekk Ġeħova hu reali għalina, kif se nuru dan fid-deċiżjonijiet persunali li nieħdu?
14 Jekk aħna rridu nimxu maʼ Ġeħova, hu jrid ikun reali għalina. Ftakar, Ġeħova żgura lill-uħud leali f’Iżrael tal-qedem li hu ma kienx moħbi minnhom. Illum, hu bl-istess mod juri lilu nnifsu lill-poplu tiegħu bħala l-Istruttur Grandjuż. Huwa Ġeħova daqshekk reali għalik, bħallikieku jinsab wieqaf quddiemek biex jgħallmek? Dan hu t-tip taʼ fidi li għandna bżonn jekk irridu nimxu m’Alla. Mosè kellu fidi bħal din, għax “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebrej 11:27) Jekk Ġeħova hu reali għalina, mela aħna se nikkunsidraw is-sentimenti tiegħu meta nieħdu xi deċiżjoni. Per eżempju, lanqas biss jgħaddilna minn rasna li nieħdu sehem f’għemejjel ħżiena u mbagħad nipprovaw naħbu d-dnubiet tagħna mill-anzjani Kristjani jew mill-membri tal-familja. Minflok, aħna nistinkaw biex nimxu m’Alla anki meta ebda bniedem ieħor m’hu qed jarana. Aħna determinati bħas-Sultan David tal-qedem, li qal: “Nġib ruħi b’qalb safja ġewwa dari.”—Salm 101:2.
15. Is-sħubija maʼ ħutna l-Kristjani rġiel u nisa kif se tgħinna naraw lil Ġeħova bħala li hu reali għalina?
15 Ġeħova jifhem li aħna ħlejjaq tal-laħam u imperfetti u li kultant insibuha taʼ sfida biex nemmnu f’dak li ma nistgħux naraw. (Salm 103:14) Hu jgħinna ħafna biex negħlbu din id-dgħjufija. Per eżempju, hu ġabar flimkien “poplu għal ismu” mill-ġnus kollha taʼ l-art. (Atti 15:14) Hekk kif naqdu magħqudin flimkien, aħna nissaħħu b’xulxin. Meta nisimgħu kif Ġeħova jkun għen lil ħutna spiritwali biex jegħlbu xi dgħjufija jew jgħaddu minn xi prova diffiċli, Alla tagħna jsir saħansitra iktar reali għalina.—1 Pietru 5:9.
16. Kif se niġu megħjunin nimxu m’Alla jekk nitgħallmu dwar Ġesù?
16 Fuq kollox, Ġeħova tana l-eżempju taʼ Ibnu. Ġesù qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Wieħed mill-aqwa modi kif Ġeħova jsir iktar reali għalina hu billi nistudjaw il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art. Kulma qal u għamel Ġesù kien riflessjoni perfetta tal-personalità u l-mogħdijiet taʼ Missieru tas-sema. (Ġwanni 14:9) Hekk kif nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, irridu naħsbu bir-reqqa dwar kif kieku kien jaġixxi Ġesù. Meta d-deċiżjonijiet tagħna jirriflettu dan il-ħsieb bir-reqqa u bit-talb, imbagħad inkunu qed insegwu l-passi taʼ Ġesù. (1 Pietru 2:21) Bħala riżultat, aħna nkunu qed nimxu m’Alla.
Liema Barkiet Jirriżultaw?
17. Jekk nimxu fit-triq taʼ Ġeħova, liema “mistrieħ” se nsibu għal ruħna?
17 Meta nimxu m’Alla Ġeħova jkollna ħajja mbierka. Ftakar x’wiegħed Ġeħova lill-poplu tiegħu dwar li jfittxu t-“triq it-tajba.” Hu qal: “Aqbdu lilha, u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!” (Ġeremija 6:16) Xi jfisser dak il-“mistrieħ”? Ħajja faċli mimlija pjaċiri u lussu? Le. Ġeħova jipprovdi xi ħaġa ħafna aħjar, xi ħaġa li l-iktar għonja fost il-bnedmin rari jsibuha. Il-fatt li ssib il-mistrieħ għal ruħek ifisser li ssib sliem ġewwieni, ferħ, u sodisfazzjon, u tħossok ukoll mimli spiritwalment. Dan il-mistrieħ ifisser li int tistaʼ tkun fiduċjuż li għażilt l-aħjar triq għal ħajtek. Dan is-sliem hu barka rari f’din id-dinja kollha problemi!
18. Liema barka jrid jagħtik Ġeħova, u x’int determinat li tagħmel?
18 M’għandniex xi ngħidu, il-ħajja nfisha hi barka kbira. Anki saħansitra mixja qasira hi aqwa minn xejn. Madankollu, Ġeħova qatt ma ried li l-mixja tiegħek tkun tikkonsisti f’sempliċi vjaġġ qasir mis-saħħa taż-żgħożija għall-uġigħ taʼ l-età avanzata. Le, Ġeħova jridek tieħu l-akbar barka possibbli. Hu jridek timxi miegħu għal dejjem! Dan jidher ċar mill-kliem f’Mikea 4:5: “Il-popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” Se tieħu int din il-barka? Trid tgħix dik il-ħajja li Ġeħova jistiednek għaliha li jsejħilha “l-ħajja vera”? (1 Timotju 6:19) Għalhekk, mela, kun determinat li timxi maʼ Ġeħova llum, għada, u kuljum għall-eternità kollha!
[Nota taʼ taħt]
a Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jibdlu driegħ f’dan il-vers maʼ kejl taʼ żmien bħal “mument wieħed” (The Emphatic Diaglott) jew “minuta waħda” (A Translation in the Language of the People, minn Charles B. Williams). Madankollu, il-kelma użata fil-kitba oriġinali definittivament tfisser driegħ, li huwa xi 45 ċentimetru fit-tul.
Int Kif Twieġeb?
• Xi jfisser li timxi m’Alla?
• Għala tħoss li għandek bżonn timxi m’Alla?
• X’se jgħinek timxi m’Alla?
• X’barkiet għandhom jistennewhom dawk li jimxu m’Alla?
[Stampi f’paġna 23]
Permezz tal-paġni tal-Bibbja, aħna nisimgħu leħen Ġeħova minn warajna jgħidilna, “Din hi t-triq”
[Stampa f’paġna 25]
Fil-laqgħat aħna nirċievu l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq