Għandek Int “Libertà tal-Kelma”?
IKTAR minn sitt miljun ruħ f’235 pajjiż qed igawdu dik li l-Bibbja ssejħilha l-“libertà tal-kelma.” L-espressjoni tidher 16-il darba fil-kitba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana tan-New World Translation of the Holy Scriptures. (Filippin 1:20; 1 Timotju 3:13; Ebrej 3:6; 1 Ġwanni 3:21) X’tinvolvi l-“libertà tal-kelma”? X’jgħinna niksbuha? F’liema oqsma tal-komunikazzjoni tistaʼ din il-libertà tippermettilna li nesprimu ruħna mingħajr tfixkil?
Skond Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, it-terminu Grieg għall-frażi “libertà tal-kelma” jimplika “libertà tal-kelma, tlissin bla riservi, . . . in-nuqqas taʼ biżaʼ fi kliem qalbieni, u għalhekk, fiduċja, kuraġġ ferrieħi, qlubija, u b’hekk, mhux bilfors dejjem konnessa mal-kliem.” Madankollu, din il-libertà m’għandhiex titħallat maʼ li wieħed ikun żorr jew maledukat. “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa,” tgħid il-Bibbja. (Kolossin 4:6) Il-libertà tal-kelma tinvolvi li dak li jkun jibqaʼ juża t-tattika waqt li ma jħallix ċirkustanzi taʼ inkwiet jew il-biżaʼ mill-bniedem iżommu lura milli jitkellem.
Hija l-libertà tal-kelma dritt li nitwieldu bih? Ikkunsidra x’kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani f’Efesu. Hu qal: “Lili, bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha, intwerietli din il-qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex inxandar lill-ġnus l-aħbar tajba dwar ir-rikkezzi bla tarf tal-Kristu.” Pawlu żied li kien permezz taʼ Ġesù Kristu li “għandna din il-libertà tal-kelma u nistgħu nersqu bil-fiduċja permezz tal-fidi tagħna fih.” (Efesin 3:8-12) Minflok ma hi privileġġ li nitwieldu bi dritt għalih, il-libertà tal-kelma tiġi mir-relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova bbażata fuq il-fidi f’Ġesù Kristu. Ejja naraw x’jistaʼ jgħinna niksbu din il-libertà u kif nistgħu nuruha meta nippridkaw, ngħallmu, u nitolbu.
X’Jgħinna Nippridkaw bil-Qlubija?
Ġesù Kristu hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li eżerċita l-libertà tal-kelma. Iż-żelu tiegħu qanqlu jieħu kull opportunità biex jippriedka. Kemm jekk kien qed jistrieħ, jiekol fid-dar taʼ xi ħadd, jew miexi fit-triq, hu qatt ma ħalla opportunità waħda taħrablu biex jitkellem dwar is-Saltna t’Alla. It-twaqqigħ għaċ-ċajt u l-oppożizzjoni diretta ma beżżgħux lil Ġesù biex jibqaʼ sieket. Minflok, hu kixef bil-qlubija lill-mexxejja reliġjużi foloz taʼ żmienu. (Mattew 23:13-36) Anki meta ġie arrestat u għadda minn ġuri, Ġesù tkellem bla biżaʼ.—Ġwanni 18:6, 19, 20, 37.
L-appostli taʼ Ġesù kisbu l-istess libertà li jitkellmu b’dan il-mod. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pietru tkellem bil-libertà tal-kelma quddiem folla taʼ iktar minn 3,000 ruħ. Taʼ min jinnota li ftit qabel hu kien għadu kemm beżaʼ meta waħda qaddejja għarfitu. (Marku 14:66-71; Atti 2:14, 29, 41) Meta ttieħdu quddiem il-mexxejja reliġjużi, Pietru u Ġwanni ma qagħdux lura minħabba l-biżaʼ. Mingħajr ma qagħdu jtellgħu u jniżżlu, huma taw xiehda bil-qlubija dwar Ġesù Kristu rxoxtat. Fil-fatt, kienet din il-libertà tal-kelma min-naħa taʼ Pietru u Ġwanni li wasslet biex il-ħakkiema reliġjużi jirrikonoxxu li dawn l-irġiel kienu jagħmluha maʼ Ġesù. (Atti 4:5-13) X’għenhom jitkellmu b’daqstant qlubija?
Ġesù kien wiegħed lill-appostli tiegħu: “Meta jerħukom f’idejhom, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tgħiduh; għax dak li għandkom tgħidu se jingħatalkom dak il-ħin; għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu taʼ Missierkom ikun qed jitkellem permezz tagħkom.” (Mattew 10:19, 20) L-ispirtu qaddis għen lil Pietru u lil oħrajn biex jegħlbu kwalunkwe mistħija li setgħet żammithom lura milli jesprimu ruħhom bil-libertà. L-effett taʼ din il-forza qawwija jistaʼ jgħin lilna bl-istess mod.
Barra minn hekk, Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu l-inkarigu tagħhom li jagħmlu dixxipli. Dan kien xieraq, ladarba hu l-Wieħed li ngħata “kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” U hu jinsab ‘magħhom.’ (Mattew 28:18-20) Minħabba li kienu konxji dwar l-appoġġ taʼ Ġesù, id-dixxipli tal-bidu ffaċċjaw b’mod kunfidenti lill-awtoritajiet li kienu determinati li jwaqqfu l-ippridkar tagħhom. (Atti 4:18-20; 5:28, 29) Jekk inkunu konxji dwar dan nistgħu niġu megħjunin aħna wkoll.
Meta kien qed jidentifika saħansitra raġuni oħra biex wieħed jitkellem bla biżaʼ, l-appostlu Pawlu għamel konnessjoni bejn it-tama u “ħafna libertà tal-kelma.” (2 Korintin 3:12; Filippin 1:20) Ladarba l-messaġġ taʼ tama kien sabiħ wisq biex iżommuh għalihom infushom, il-Kristjani kellhom jgħidu lill-oħrajn dwaru. Tabilħaqq, it-tama tagħna hija raġuni għalina biex neżerċitaw ħafna libertà tal-kelma.—Ebrej 3:6.
Nippridkaw bil-Qlubija
Kif nistgħu nippridkaw bil-qlubija anki f’ċirkustanzi li jistgħu jbeżżgħuna? Ikkunsidra l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu. Meta kien priġunier f’Ruma, hu talab lil sħabu fit-twemmin biex jitolbu li ‘kulmeta jiftaħ fommu tingħatalu l-abbiltà li jitkellem bil-qlubija kif imissu jitkellem.’ (Efesin 6:19, 20) Ġie mwieġeb dan it-talb? Iva! Waqt li kien il-ħabs, Pawlu kompla “jippriedka s-saltna t’Alla . . . bl-akbar libertà tal-kelma u bla tfixkil.”—Atti 28:30, 31.
Meta nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex nagħtu xiehda fuq ix-xogħol, l-iskola, jew waqt xi vjaġġ, inkunu nistgħu naraw kif sejrin fil-libertà tagħna tal-kelma. Il-mistħija, il-biżaʼ mir-reazzjoni li jistaʼ jkollna, jew in-nuqqas taʼ fiduċja fl-abbiltà tagħna jistaʼ jġagħalna nibqgħu siekta. Għal darb’oħra, l-appostlu Pawlu jagħtina eżempju tajjeb f’dan. “Għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir,” kiteb hu. (1 Tessalonikin 2:2) Kien biss minħabba li straħ fuq Ġeħova li Pawlu setaʼ jagħmel dak li ma kienx possibbli jagħmel bil-ħila tiegħu nnifsu.
It-talb għen lil waħda mara jisimha Sherry biex tkun qalbiena meta tinqalaʼ opportunità biex tagħti xiehda informali. Darba minnhom meta kienet qed tistenna lil żewġha jiġi lura minn appuntament, hi nnotat li mara oħra kienet qed tistenna wkoll. “B’għoqda kbira fi griżmejja,” tgħid Sherry, “tlabt lil Ġeħova għall-kuraġġ.” Hekk kif Sherry resqet lejn il-mara, wasal qassis Battista. Sherry ma kinitx qed tistenna li se tiltaqaʼ maʼ membru tal-kleru. Madankollu, hi reġgħet talbet u rnexxielha tagħti xiehda. Hi ħalliet il-letteratura mal-mara u rranġat biex terġaʼ żżurha. Meta naħtfu l-opportunitajiet biex nagħtu xiehda, nistgħu nkunu fiduċjużi li jekk nistrieħu fuq Ġeħova hu se jgħinna nitkellmu bla biżaʼ.
Meta Ngħallmu
Il-libertà tal-kelma hija konnessa mill-qrib mat-tagħlim. Dwar “l-irġiel li jaqdu bl-aħjar mod” fil-kongregazzjoni, il-Bibbja tgħid: “[Huma] qed jiksbu għalihom infushom qagħda tajba u libertà kbira tal-kelma fil-fidi fi Kristu Ġesù.” (1 Timotju 3:13) Huma jiksbu din il-libertà tal-kelma billi japplikaw għalihom infushom dak li jgħallmu lill-oħrajn. Meta jagħmlu dan ikunu qed jipproteġu u jsaħħu lill-kongregazzjoni.
Meta jkollna l-libertà tal-kelma b’dan il-mod, il-parir tagħna jkun iktar effettiv u jkun hemm ċans akbar li jiġi segwit. Minflok ma jitfixklu minħabba l-eżempju ħażin taʼ l-individwu, is-semmiegħa jiġu inkuraġġiti meta jarawh jipprattika dak li qed jgħallimhom. Din il-libertà tippermetti lil dawk li għandhom kwalifiki spiritwali biex ‘jaġġustaw lil ħuhom’ qabel ma tikber xi problema. (Galatin 6:1) Għall-kuntrarju, persuna li tagħti eżempju ħażin għandha mnejn toqgħod lura milli titkellem għaliex tħoss li m’għandhiex dritt titkellem. Meta dak li jkun joqgħod lura milli jagħti l-parir meħtieġ jistaʼ jwassal għal konsegwenzi diżastrużi.
Il-fatt li nitkellmu bil-qlubija ma jfissirx li għandna nikkritikaw, inkunu dommatiċi, jew inħossu li l-opinjoni tagħna biss hija tajba. Pawlu inkuraġġixxa lil Filemon “f’ġieħ l-imħabba.” (Filemon 8, 9) U jidher ċar li l-kliem taʼ l-appostlu ġie milqugħ b’mod favorevoli. Tabilħaqq, l-imħabba għandha tkun il-motivazzjoni għal kwalunkwe parir li jistaʼ joffri anzjan!
Il-libertà tal-kelma żgur li hija vitali meta jingħata parir. Hija importanti wkoll f’mumenti oħra. Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni f’Korintu: “Nistaʼ nitkellem magħkom b’libertà kbira. Inħossni kburi ħafna bikom.” (2 Korintin 7:4) Pawlu ma qagħadx lura milli jfaħħar lil ħutu meta dan kien xieraq. L-imħabba qanqlitu jiffoka fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ sħabu fit-twemmin, avolja kien jaf bid-dgħjufijiet tagħhom. Bl-istess mod, il-kongregazzjoni Kristjana llum tinbena meta l-anzjani ma joqogħdux lura milli jfaħħru u jinkuraġġixxu lil ħuthom irġiel u nisa.
Il-Kristjani kollha għandhom bżonn il-libertà tal-kelma biex ikunu effettivi fit-tagħlim tagħhom. Sherry, li ssemmiet qabel, riedet tinkuraġġixxi lil uliedha biex jagħtu xiehda fl-iskola. “Avolja trabbejt fil-verità,” tammetti hi, “rari kont nagħti xiehda fl-iskola. U kważi qatt ma kont nagħti xiehda informali. Staqsejt lili nnifsi, ‘X’tip t’eżempju qed nagħti lil uliedi?’” Dan qanqal lil Sherry biex tagħmel sforz akbar ħalli tagħti xiehda informali.
Iva, l-oħrajn josservaw dak li nagħmlu u jinnotaw jekk nonqsu milli nipprattikaw dak li ngħallmu. Mela, ejja niksbu l-libertà tal-kelma billi nistinkaw ħalli għemilna jaqbel maʼ kliemna.
Fit-Talb
Il-libertà tal-kelma hija speċjalment importanti fit-talb tagħna lil Ġeħova. Mingħajr tfixkil, aħna nistgħu niftħu qalbna maʼ Ġeħova bil-fiduċja li hu jismaʼ talbna u jwieġbu. B’dan il-mod, aħna ngawdu relazzjoni kollha mħabba u intima maʼ Missierna tas-sema. Qatt m’għandna noqogħdu lura milli nersqu lejn Ġeħova għax forsi naħsbu li aħna verament ma niswew għalxejn. Xi ngħidu jekk is-sens taʼ ħtija dwar xi nuqqas jew dnub qed ifixkel l-espressjoni mill-qalb tagħna? Nistgħu aħna xorta waħda nersqu lejn is-Sovran taʼ l-univers bil-libertà kollha?
Il-pożizzjoni għolja taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir tagħtina bażi akbar għall-fiduċja fit-talb. F’Ebrej 4:15, 16, naqraw: “Bħala qassis il-kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie mġarrab fl-aspetti kollha bħalna, iżda baqaʼ mingħajr dnub. Għalhekk, ħa nersqu bil-libertà tal-kelma lejn it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex insibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-għajnuna f’waqtha.” Daqshekk hu kbir il-valur tal-mewt taʼ Ġesù u taʼ l-irwol tiegħu bħala Qassis il-Kbir.
Jekk bil-ħerqa nipprovaw nobdu lil Ġeħova, aħna għandna kull raġun biex nistennew li hu se jismagħna b’mod favorevoli. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, jekk qlubna ma jikkundannawniex, nistgħu nitkellmu bil-libertà m’Alla; u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qed nosservaw il-kmandamenti tiegħu u qed nagħmlu dak li jogħġob lilu.”—1 Ġwanni 3:21, 22.
Il-fatt li nistgħu nersqu lejn Ġeħova fit-talb ifisser li nistgħu ngħidulu kollox. Kwalunkwe biżaʼ li jkollna, kwalunkwe inkwiet, ansjetajiet, jew tħassib li jistaʼ jnikkitna, aħna nistgħu niħduh għand Ġeħova b’fiduċja li hu qatt m’hu se jagħlaq widnejh għat-talb sinċier tagħna. Anki jekk inkunu għamilna dnub serju, il-ħtija m’għandhiex tfixkel l-espressjonijiet tagħna fit-talb jekk aħna nindmu sinċerament.
L-għotja mhix mistħoqqa tal-libertà tal-kelma hija tassew prezzjuża. Biha nistgħu nigglorifikaw lil Alla meta nkunu qed nippridkaw u ngħallmu kif ukoll nistgħu nersqu dejjem iktar qrib tiegħu permezz tat-talb. Ejja mela ma ‘narmux il-libertà tal-kelma li għandna u li għad titħallas bi premju kbir’—il-premju taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ebrej 10:35.
[Stampa f’paġna 13]
L-appostlu Pawlu tkellem bil-qlubija
[Stampi f’paġna 15]
Hemm bżonn il-libertà tal-kelma biex it-tagħlim ikun effettiv
[Stampa f’paġna 16]
Il-libertà tal-kelma hija essenzjali fit-talb