Int Imħejji għas-Salvazzjoni?
“Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies taʼ dan iż-żmien.”—ĠENESI 7:1.
1. Liema provvediment għas-salvazzjoni għamel Ġeħova fi żmien Noè?
ĠEĦOVA “ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla” fi żmien Noè, imma għamel ukoll provvediment għas-salvazzjoni. (2 Pietru 2:5) L-Alla l-veru ta lir-raġel ġust Noè istruzzjonijiet dettaljati dwar kif kellu jibni l-arka ħalli tiġi preservata l-ħajja matul id-dilluvju globali. (Ġenesi 6:14-16) Bħalma nistgħu nistennew minn qaddej leali taʼ Ġeħova, Noè “għamel kull ma ordnalu Alla.” Tabilħaqq, “hekk għamel.” Parti mir-raġuni għala aħna ħajjin illum hija l-ubbidjenza taʼ Noè.—Ġenesi 6:22.
2, 3. (a) Dawk li kienu jgħixu fi żmien Noè kif irreaġixxew għall-attività tiegħu? (b) Noè b’liema fiduċja daħal fl-arka?
2 Il-bini taʼ l-arka ma kienx xi biċċa xogħol faċli. Wisq probabbli, ħafna nies impressjonaw ruħhom b’dak li bdew iwettqu Noè u familtu. Però, dan ma kienx biżżejjed biex jikkonvinċihom li huma setgħu jsalvaw biss jekk jidħlu fl-arka. Fl-aħħar, il-paċenzja t’Alla maʼ dik id-dinja ħażina ntemmet.—Ġenesi 6:3; 1 Pietru 3:20.
3 Wara snin sħaħ taʼ xogħol iebes minn Noè u familtu, Ġeħova qal lil Noè: “Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies taʼ dan iż-żmien.” B’fidi u fiduċja fil-kelma taʼ Ġeħova, “daħal Noè u miegħu wliedu, martu, u n-nisa taʼ wliedu.” Ġeħova għalaq il-bieb sabiex jipproteġi lill-aduraturi tiegħu. Meta ġie d-Dilluvju fuq l-art, l-arka kienet provvediment taʼ min joqgħod fuqu mingħand Alla li ppreservalhom ħajjithom.—Ġenesi 7:1, 7, 10, 16.
Xebh Modern maʼ Żmien Noè
4, 5. (a) Ġesù maʼ xiex qabbel iż-żmien tal-preżenza tiegħu? (b) Liema xebh hemm bejn żmien Noè u żmienna?
4 “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:37) B’dan il-kliem, Ġesù indika li ż-żmien tal-preżenza inviżibbli tiegħu kien se jkun simili għal jiem Noè, u dan wera li hu tassew minnu. Speċjalment mill-1919 ’l hawn, messaġġ taʼ twissija simili għal dak li ta Noè ġie dikjarat lin-nies tal-ġnus kollha. B’mod ġenerali, ir-reazzjoni tagħhom hija simili għal dik tan-nies taʼ żmien Noè.
5 Permezz tad-Dilluvju, Ġeħova aġixxa kontra dinja li “mtliet bil-vjolenza.” (Ġenesi 6:13) Kulħadd setaʼ jara b’mod ċar li Noè u familtu qagħdu lura milli jieħdu sehem f’din il-vjolenza u li, minflok, b’mod paċifiku baqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom tal-bini taʼ l-arka. F’dan ukoll naraw ix-xebh maʼ żmienna. Dawk li huma sinċieri issa jistgħu ‘jagħrfu jagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.’ (Malakija 3:18) L-onestà, il-qalb tajba, il-paċi, u l-bżulija li juru x-Xhieda taʼ Ġeħova huma ammirati minn uħud mhux preġudikati li josservawhom u dawn il-kwalitajiet juru li n-nies t’Alla huma differenti mid-dinja in ġenerali. Ix-Xhieda jiċħdu kull tip taʼ vjolenza u jħallu lill-ispirtu taʼ Ġeħova jimmotivahom. Għal din ir-raġuni huma mberkin bil-paċi u jipprovaw jgħixu ħajja ġusta.—Isaija 60:17.
6, 7. (a) X’ma rrealizzawx in-nies taʼ żmien Noè, u n-nies kif inhuma l-istess illum? (b) X’eżempji juru li x-Xhieda taʼ Ġeħova ġeneralment jintgħarfu bħala li huma differenti?
6 Dawk li kienu jgħixu fi żmien Noè ma rrealizzawx li Noè kellu l-appoġġ divin u li kien qed jaġixxi skond id-direzzjoni t’Alla. Allura huma ma ħadux l-ippridkar tiegħu bis-serjetà u m’aġixxewx fi qbil mal-messaġġ tiegħu taʼ twissija. Xi ngħidu għal-lum? Għalkemm ħafna jimpressjonaw ruħhom bix-xogħol u l-imġiba tax-Xhieda taʼ Ġeħova, bosta wħud ma jiħdux l-aħbar tajba u t-twissijiet tal-Bibbja bis-serjetà. Il-ġirien, dawk li jimpjegawhom, jew il-qraba għandhom mnejn ifaħħru l-kwalitajiet mill-aqwa tal-Kristjani veri imma mbagħad jilmentaw, “Mhux li kien m’humiex Xhieda taʼ Ġeħova!” Dak li ma jarawx dawn l-osservaturi hu li x-Xhieda juru kwalitajiet bħall-imħabba, il-paċi, il-qalb tajba, it-tjubija, il-ħlewwa, u r-rażna minħabba li huma gwidati mill-ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22-25) Dan għandu jġagħalhom jemmnu iktar il-messaġġ li jwasslulhom.
7 Per eżempju, fir-Russja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jibnu Sala tas-Saltna. Raġel li waqaf ikellem lil wieħed mill-ħaddiema osserva: “Kemm hu post taʼ kostruzzjoni differenti—la tipjip, la dagħa, u ħadd m’hu fis-sakra! Jaqaw int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?” Il-ħaddiem staqsieh, “Temminni jekk ngħidlek li le?” Ir-raġel wieġbu mill-ewwel, “Ma tantx.” F’belt Russa oħra, is-sindku baqaʼ impressjonat ħafna meta ra lix-Xhieda jibnu s-Sala tas-Saltna l-ġdida tagħhom. Hu qal li għalkemm darba kien iħares lejn il-gruppi reliġjużi kollha bħala li huma l-istess, wara li ra s-sinċerità u n-nuqqas t’egoiżmu tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-azzjoni, hu biddel fehmtu. Dawn huma biss żewġ eżempji li juru li n-nies taʼ Ġeħova huma differenti minn dawk li ma jżommux mal-livelli tal-Bibbja.
8. Minn xiex tiddependi s-salvazzjoni tagħna fi tmiem din id-dinja ħażina?
8 Matul l-aħħar perijodu tad-“dinja tal-qedem” li nqerdet fid-Dilluvju, Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) F’dawn l-aħħar jiem tas-sistema preżenti, il-poplu taʼ Ġeħova qed jgħarraf il-livelli ġusti t’Alla u qed jiddikjara l-aħbar tajba dwar il-possibbiltà taʼ salvazzjoni fid-dinja l-ġdida. (2 Pietru 3:9-13) L-istess bħalma Noè u familtu, li kellhom il-biżaʼ t’Alla, ġew preservati fl-arka, is-salvazzjoni taʼ kull individwu llum tiddependi mill-fidi u s-sħubija leali tiegħu mal-parti taʼ l-organizzazzjoni universali li għandu Ġeħova fuq l-art.
Il-Fidi Meħtieġa għas-Salvazzjoni
9, 10. Għala hija essenzjali l-fidi jekk irridu nsalvaw fi tmiem is-sistema taʼ Satana?
9 Individwu xi jrid jagħmel biex isalva mill-qerda imminenti taʼ din id-dinja li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana? (1 Ġwanni 5:19) L-ewwelnett irid jirrealizza li għandu bżonn il-protezzjoni. Imbagħad irid juża din il-protezzjoni. In-nies taʼ żmien Noè baqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom taʼ kuljum bħas-soltu u ma raw ebda bżonn għall-protezzjoni mill-periklu li kien riesaq. Huma kellhom xi ħaġa oħra nieqsa—il-fidi f’Alla.
10 Mill-banda l-oħra, Noè u familtu rrikonoxxew li kellhom bżonn il-protezzjoni u l-ħelsien. Ukoll, huma wrew fidi fis-Sovran Universali, Alla Ġeħova. “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew [lil Ġeħova],” kiteb l-appostlu Pawlu, “għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” Pawlu żied: “Bil-fidi Noè, wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-biżaʼ t’Alla u bena arka biex isalva lin-nies taʼ daru; u permezz taʼ din il-fidi kkundanna lid-dinja, u sar werriet tal-ġustizzja li tiġi permezz tal-fidi.”—Ebrej 11:6, 7.
11. X’nistgħu nitgħallmu minn kif Ġeħova pprovda l-protezzjoni fil-passat?
11 Biex nibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nemmnu li se tinqered. Irridu neżerċitaw fidi u nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti t’Alla għas-salvazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, irridu neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu. (Ġwanni 3:16, 36) Madankollu, aħna nagħmlu tajjeb jekk niftakru li dawk biss li fil-fatt kienu fl-arka taʼ Noè salvaw mid-Dilluvju. B’mod simili, il-bliet tal-kenn f’Iżrael tal-qedem ipprovdew il-protezzjoni għal min joqtol lil xi ħadd bi żball biss jekk l-ewwel jaħrab lejn il-belt u mbagħad jibqaʼ fiha sal-mewt tal-qassis il-kbir. (Numri 35:11-32) Fl-għaxar kastig fuq l-Eġittu fi żmien Mosè nqatlu l-ewwel imweldin taʼ l-Eġizzjani kollha, imma taʼ l-Iżraelin baqgħu ħajjin. Għala? Ġeħova ta l-istruzzjoni lil Mosè: “[L-Iżraelin] jieħdu mid-demm tiegħu [tal-ħaruf tal-Qbiż], u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. . . . Ħadd minnkom ma joħroġ mill-bieb taʼ daru ’l barra qabel filgħodu.” (Eżodu 12:7, 22) Liema wieħed mill-ewwel imweldin taʼ Iżrael kien se jażżarda jinjora dawn l-istruzzjonijiet mogħtijin minn Alla billi joħroġ barra mid-dar bil-ġnub u l-blata tal-bibien imraxxa bid-demm?
12. Liema mistoqsija għandna nistaqsu lkoll lilna nfusna, u għala?
12 Għalhekk, għandna kull raġun biex naħsbu bis-serjetà dwar is-sitwazzjoni persunali tagħna. Ninsabu aħna verament fl-arranġament taʼ protezzjoni spiritwali taʼ Ġeħova? Meta tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira, dmugħ taʼ ferħ u gratitudni se jinżel maʼ ħaddejn dawk li fittxew din il-protezzjoni. L-oħrajn se jibku biss minħabba n-niket u d-dispjaċir.
Titjib Progressiv Iħejjina
13. (a) Għal liema skop serva t-titjib fl-organizzazzjoni? (b) Spjega ftit mill-irfinar progressiv li sar.
13 Ġeħova ġab titjib progressiv fil-parti taʼ l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art. Dan serva biex isebbaħ, jistabbilixxi, u jsaħħaħ l-arranġament tiegħu għall-protezzjoni spiritwali tagħna. Mill-1870 sa l-1932, l-anzjani u d-djakni kienu jinħatru bil-vot tal-membri tal-kongregazzjoni. Fl-1932, minflok l-anzjani eletti nħatar kumitat tas-servizz elett mill-kongregazzjoni biex jgħin lid-direttur tas-servizz li jkun inħatar. Matul l-1938, saru arranġamenti biex il-qaddejja kollha fil-kongregazzjoni jinħatru b’mod teokratiku. Mill-1972 ’l hawn, bid-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, bdew isiru r-rakkomandazzjonijiet u jekk dawn jiġu approvati, il-kongregazzjonijiet jirċievu ittri li jaħtru lill-indokraturi u lill-qaddejja ministerjali b’mod teokratiku. Tul is-snin, l-irwol li kellha l-Ġemgħa li Tiggverna żdied u saru xi bidliet biex jeħfief xogħolha.
14. Liema programm taʼ taħriġ beda fl-1959?
14 Lura fl-1950, konsiderazzjoni bir-reqqa taʼ Salm 45:17 (45:16, NW) wasslet għal programm taʼ taħriġ kontinwu. Dan il-vers jgħid: “Flok missirijietek jilħqu wliedek; inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.” L-anzjani li issa qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni qed jitħarrġu għall-inkarigi teokratiċi taʼ issa u taʼ wara Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16) L-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna bdiet fl-1959. Dak iż-żmien, taħriġ li jdum għaddej xahar kien provdut primarjament għall-qaddejja tal-kongregazzjoni, kif kienu jissejħu l-indokraturi li jippresiedu dak iż-żmien. Din l-iskola issa saret tinkludi lil iktar uħud biex toffri istruzzjoni lill-indokraturi u l-qaddejja ministerjali kollha. Mill-banda l-oħra, dawn l-aħwa jieħdu t-tmexxija biex iħarrġu Xhieda taʼ Ġeħova individwali fil-kongregazzjonijiet rispettivi tagħhom. Għalhekk, ilkoll jingħataw għajnuna spiritwali u jiġu megħjunin isiru iktar effettivi fil-ministeru tagħhom bħala proklamaturi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna.—Marku 13:10.
15. Liema huma żewġ modi kif tiġi protetta lkongregazzjoni Kristjana?
15 Individwi li jridu jsiru parti mill-kongregazzjoni Kristjana jridu jwettqu ċerti ħtiġijiet. Loġikament, dawk li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt illum ma jitħallewx isiru parti mill-kongregazzjoni Kristjana, l-istess bħalma wħud bħal dawn ma tħallewx jidħlu fl-arka taʼ Noè. (2 Pietru 3:3-7) B’mod partikulari mill-1952, ix-Xhieda taʼ Ġeħova taw iktar appoġġ lill-arranġament li jgħin biex il-kongregazzjoni tkun protetta—jiġifieri, permezz tal-qtugħ mis-sħubija taʼ dawk li jidinbu bla ma jindmu. M’għandniex xi ngħidu, uħud li jkunu dinbu u juru ndiema sinċiera jiġu megħjunin bl-imħabba biex ‘jiddrittaw il-mogħdijiet għal saqajhom.’—Ebrej 12:12, 13; Proverbji 28:13; Galatin 6:1.
16. X’inhi l-kundizzjoni spiritwali tal-poplu taʼ Ġeħova?
16 Il-kundizzjoni t’għana spiritwali tal-poplu taʼ Ġeħova la tissorprendina u lanqas ma ġiet b’kumbinazzjoni. Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova qal: “Araw, il-qaddejja tiegħi jieklu, imma intom tkunu bil-ġuħ; araw, il-qaddejja tiegħi jixorbu, imma intom tkunu bl-għatx; araw, il-qaddejja tiegħi jifirħu, imma intom tistħu; araw, il-qaddejja tiegħi jgħannu bl-hena taʼ qalbhom, imma intom tgħajjtu bin-niket taʼ qalbkom, u tixhru bid-diqa taʼ ruħkom.” (Isaija 65:13, 14) Ġeħova jkompli jipprovdilna provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali f’waqtu li jagħti s-saħħa u li jżommna qawwijin spiritwalment.—Mattew 24:45.
Kun Imħejji għas-Salvazzjoni
17. X’se jgħinna nħejju ruħna għas-salvazzjoni?
17 Iktar minn qatt qabel, issa hu ż-żmien li “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Ebrej 10:23-25) Jekk inkunu attivi u nissieħbu mill-qrib maʼ waħda mill-iktar minn 98,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova se niġu megħjunin biex inħejju ruħna għas-salvazzjoni. Se jkollna l-appoġġ taʼ sħabna fit-twemmin hekk kif nistinkaw biex nuru “l-personalità l-ġdida” u nagħmlu sforz minn qalbna biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar il-provvediment taʼ Ġeħova għas-salvazzjoni.—Efesin 4:22-24; Kolossin 3:9, 10; 1 Timotju 4:16.
18. Għala int determinat li tibqaʼ qrib il-kongregazzjoni Kristjana?
18 Satana u d-dinja mill-agħar tiegħu tassew jixtiequ jaljenawna u jbegħduna mill-kongregazzjoni Kristjana. Madankollu, aħna nistgħu nibqgħu nagħmlu parti minnha u nibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Jalla l-imħabba u l-gratitudni lejn Ġeħova għal dak li jipprovdilna bi mħabbtu jqanqluna nkunu saħansitra iktar determinati biex nopponu l-isforzi taʼ Satana. Id-determinazzjoni tagħna se tissaħħaħ jekk nimmeditaw fuq il-barkiet li għandna issa. Ftit minn dawn il-barkiet se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
• Żmienna kif jixbah lil żmien Noè?
• Liema kwalità hija essenzjali għas-salvazzjoni?
• Liema titjib progressiv saħħaħ l-arranġament taʼ Ġeħova għall-protezzjoni tagħna?
• Kif nistgħu personalment inħejju ruħna għas-salvazzjoni?
[Stampa f’paġna 22]
In-nies taʼ żmien Noè ma ħaduhx bis-serjetà lil Noè
[Stampa f’paġna 23]
Ikun taʼ ġid li nieħdu bis-serjetà l-messaġġi taʼ twissija t’Alla
[Stampa f’paġna 24]
Liema skop għandha l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna?
[Stampa f’paġna 25]
Issa huwa ż-żmien li nibqgħu qrib il-kongregazzjoni Kristjana