LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 pp. 16-20
  • Naqdi bil-Ferħ Minkejja d-Diżabilità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdi bil-Ferħ Minkejja d-Diżabilità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tkabbir Minkejja l-​Oppożizzjoni
  • Inħalli l-​Verità Ssir Parti Minni
  • Problemi taʼ Saħħa Jippreżentaw Sfida
  • Inkampa mal-​Paralisi
  • Naqdi Bħala Ministru Full-Time
  • Ħarsa Pożittiva
  • Ferħana li Qdejt fix-Xogħol Globali t’Edukazzjoni mill-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ma Konniex Beżgħanin—Ġeħova Kien Magħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Naqdi Waqt li Nissagrifika Lili Nnifsi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Bżonnijiet Spiritwali Tiegħu Ġew Sodisfati
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 pp. 16-20

Bijografija

Naqdi bil-​Ferħ Minkejja d-​Diżabilità

KIF RAKKONTATA MINN VARNAVAS SPETSIOTIS

Fl-​1990, fl-​età taʼ 68 sena spiċċajt kompletament paralizzat. Madankollu, issa ilni madwar 15-il sena naqdi bil-​ferħ bħala ministru full-time fil-​gżira taʼ Ċipru. X’kienet dik il-​ħaġa li tatni s-​saħħa biex nibqaʼ attiv fis-​servizz taʼ Ġeħova minkejja d-​diżabilità tiegħi?

Twilidt f’familja taʼ disat itfal—erbaʼ subien u ħamest ibniet​—fil-​11 t’Ottubru, 1922. Konna ngħixu fir-​raħal taʼ Xylophagou, f’Ċipru. Għalkemm il-​ġenituri tiegħi kienu relattivament sinjuri, biex irabbu familja kbira bħal din kien jinvolvi ħafna xogħol iebes fir-​rabaʼ.

Missieri, Antonis, minnu kien studjuż u kurjuż. Ftit wara li twilidt jien, waqt li missieri kien qed iżur l-​għalliem taʼ l-​iskola tar-​raħal, innota fuljett intitolat Peoples Pulpit, pubblikat mill-​Istudenti tal-​Bibbja (kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien). Hu beda jaqrah u malajr spiċċa medhi f’dak li kien hemm miktub. B’hekk, missieri u Andreas Christou, wieħed minn sħabu, kienu fost l-​ewwel uħud fil-​gżira li ngħaqdu max-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tkabbir Minkejja l-​Oppożizzjoni

Maż-​żmien, it-​tnejn li huma kisbu iktar pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja mingħand ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Missieri u Andreas malajr ġew imqanqlin biex jaqsmu l-​veritajiet Bibliċi li kienu qed jitgħallmu maʼ dawk li kienu joqogħdu fir-​raħal tagħhom. L-​attività tagħhom taʼ l-​ippridkar qanqlet oppożizzjoni qawwija mill-​kleru taʼ l-​Ortodossi Griegi u oħrajn li ħassew li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu influwenza taʼ ħsara.

Ħafna min-​nies tar-​raħal irrispettaw lil dawn iż-​żewġ għalliema tal-​Bibbja. Missieri kien magħruf sew għall-​qalb tajba u l-​ġenerożità tiegħu. Spiss kien joffri l-​għajnuna tiegħu lil xi familji fqar. Kultant, tard bil-​lejl kien joħroġ mid-​dar inkiss inkiss u jħalli l-​qamħ jew il-​ħobż mal-​bieb taʼ familji fil-​bżonn. Din il-​kondotta Kristjana mhix egoistika kienet tagħmel il-​messaġġ saħansitra iżjed attraenti.​—Mattew 5:​16.

Ir-riżultat kien li madwar 12-il persuna wieġbu għall-​messaġġ tal-​Bibbja. Hekk kif l-​apprezzament tagħhom għall-​verità kiber, huma ħassew il-​bżonn li jiltaqgħu f’diversi djar biex jistudjaw il-​Bibbja bħala grupp. Madwar l-​1934, Nikos Matheakis, ministru full-time mill-​Greċja, wasal Ċipru u ltaqaʼ mal-​grupp taʼ Xylophagou. Bil-​paċenzja u d-​determinazzjoni, Ħuna Matheakis għen biex jorganizza l-​grupp u għenhom jiksbu fehma aħjar taʼ l-​Iskrittura. Iktar tard, dan il-​grupp sar l-​ewwel kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Ċipru.

Hekk kif ix-​xogħol Kristjan beda miexi ’l quddiem u iktar nies aċċettaw il-​verità tal-​Bibbja, l-​aħwa ħassew il-​bżonn li jkollhom post permanenti fejn jagħmlu l-​laqgħat. George, ħija l-​kbir, u Eleni, il-​mara tiegħu, offrew kamra li kienu qed jużaw bħala maħżen. Din il-​proprjetà, li kienet maġenb id-​dar tagħhom, ġiet irranġata u mibdula f’post adattat għal-​laqgħat. B’hekk, l-​aħwa saru s-​sidien taʼ l-​ewwel Sala tas-​Saltna fil-​gżira. Kemm kienu grati! Verament kien inċentiv għal iktar tkabbir!

Inħalli l-​Verità Ssir Parti Minni

Fl-​1938, fl-​età taʼ 16-il sena, iddeċidejt li nsir mastrudaxxa. Għalhekk, missieri bagħatni Nicosia, il-​belt kapitali taʼ Ċipru. B’mod għaqli, hu rranġali biex noqgħod maʼ Nikos Matheakis. Dan il-​ħu leali għadu miftakar minn ħafna wħud fil-​gżira għaż-​żelu u l-​ospitalità tiegħu. L-​entużjażmu kbir u l-​kuraġġ qawwi tiegħu kienu kwalitajiet vitali għal kwalunkwe Kristjan f’Ċipru matul dawk iż-​żminijiet bikrin.

Ħuna Matheakis għenni ħafna sabiex nikseb bażi soda t’għarfien mill-​Bibbja u sabiex nagħmel progress spiritwali. Waqt li kont qed noqgħod miegħu, attendejt il-​laqgħat kollha li kienu jsiru d-​dar tiegħu. Għall-​ewwel darba, ħassejt li l-​imħabba tiegħi għal Ġeħova kienet qed tikber. Żviluppajt determinazzjoni biex nibni relazzjoni sinifikanti m’Alla. Fi ftit xhur staqsejt lil Ħuna Matheakis jekk stajtx ningħaqad miegħu fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Dan kien fl-​1939.

Wara ftit taż-​żmien mort lura d-​dar biex inżur ’il-familja tiegħi. Il-​fatt li qgħadt maʼ missieri għal xi żmien kompla kabbar il-​konvinzjoni tiegħi li jien kont sibt il-​verità u l-​iskop tal-​ħajja. F’Settembru taʼ l-​1939 bdiet it-​tieni gwerra dinjija. Ħafna żgħażagħ irġiel taʼ mpari offrew li jmorru għall-​gwerra, iżda billi segwejt id-​direzzjoni tal-​Bibbja, jien iddeċidejt li nibqaʼ newtrali. (Isaija 2:4; Ġwanni 15:19) F’dik l-​istess sena, iddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova u tgħammidt fl-​1940. Għall-​ewwel darba f’ħajti, ħassejt li kont ħieles mill-​biżaʼ tal-​bniedem!

Fl-1948 iżżewwiġt lil Efprepia. Ġejna mberkin b’erbat itfal. Malajr irrealizzajna li kellna bżonn naħdmu iebes sabiex irrabbuhom “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) It-​talb u l-​isforzi tagħna kienu ffokati fuq li nnaqqxu fit-​tfal tagħna mħabba profonda għal Ġeħova u rispett għal-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu.

Problemi taʼ Saħħa Jippreżentaw Sfida

Fl-​1964, fl-​età taʼ 42 sena, bdejt inħoss idi u riġli tal-​lemin imtarrxin. Bil-​mod il-​mod, dan infirex man-​naħa tax-​xellug. Sabu li kelli atrofija muskolari (muscle atrophy), marda li m’hemmx fejqan għaliha u li fl-​aħħar twassal għal paralisi totali. Ixxokkjajt ruħi bil-​kbir b’din l-​aħbar. L-​affarijiet ġraw tassew malajr u bla mistenni! Billi ġejt maħkum minn sentimenti taʼ rabja u riżentiment, jien ħsibt, bejni u bejn ruħi: ‘Għala kellu jiġri hekk lili? Għala qed niġi kastigat?’ Madankollu, maż-​żmien kont kapaċi negħleb ix-​xokk li kelli fid-​dijanjosi tal-​bidu. Imbagħad ġejt maħkum minn sentimenti t’ansjetà u inċertezza. Għadd taʼ mistoqsijiet bdew iduru f’moħħi. Tgħid se nispiċċa kompletament paralizzat u niddependi għalkollox minn oħrajn? Kif se nkampa? Se nkun kapaċi nipprovdi għall-​familja tiegħi​—marti u l-​erbat itfal tagħna? Verament kont nitkexkex minn ħsibijiet bħal dawn.

F’dan il-​punt kruċjali taʼ ħajti, iktar minn qatt qabel, ħassejt il-​bżonn li ndur lejn Ġeħova fit-​talb u naqsam miegħu t-​tħassib u l-​ansjetajiet kollha tiegħi bil-​miftuħ. Kont nitlob lejl u nhar bid-​dmugħ f’għajnejja. Malajr ħassejtni nikkonsla. Il-​kliem taʼ faraġ li nsibu f’Filippin 4:​6, 7 taw prova li kienu tassew minnhom fil-​każ tiegħi: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”

Inkampa mal-​Paralisi

Il-​kundizzjoni tiegħi kompliet tiggrava. Irrealizzajt li kelli nadatta ruħi malajr għaċ-​ċirkustanzi ġodda tiegħi. Minħabba li ma stajtx naħdem iktar bħala mastrudaxxa, iddeċidejt li nsib xogħol inqas taʼ strapazz u li kien adattat għall-​kundizzjoni fiżika tiegħi u li kien jippermettili mmantni lill-​familja tiegħi. Fil-​bidu kont inbigħ il-​ġelati b’vann żgħir. Għamilt dan ix-​xogħol għal madwar sitt snin sakemm il-​marda tiegħi wasslitni biex nuża siġġu tar-​roti. Imbagħad kelli xogħlijiet iżjed faċli u li kienu adattati għalija.

Mill-1990 ’l hawn, is-​saħħa tiegħi ddgħajfet sal-​punt li m’għadnix nistaʼ naħdem iżjed sekularment. Issa niddependi għalkollox minn oħrajn, anki għal xi biċċa xogħol li tkun ordinarja għal xi ħadd f’saħħtu. Għandi bżonn l-​għajnuna biex nidħol fis-​sodda, ninħasel, u nilbes. Biex nattendi l-​laqgħat Kristjani rrid niġi misjuq f’siġġu tar-​roti sal-​karozza u mbagħad merfugħ minn fuq is-​siġġu tar-​roti għal ġol-​karozza. Meta nasal is-​Sala tas-​Saltna rrid niġi merfugħ minn ġol-​karozza għal fuq is-​siġġu tar-​roti u mbagħad misjuq sa ġewwa. Waqt il-​laqgħa jkolli heater taʼ l-​elettriku maġenbi biex iżommli saqajja sħan.

Madankollu, minkejja l-​paralisi, nattendi l-​laqgħat kollha regolarment. Jien naf li dan huwa l-​post fejn Ġeħova jgħallimna, u li nkun maʼ ħuti spiritwali rġiel u nisa huwa verament taʼ kenn u sors t’appoġġ u inkuraġġiment. (Ebrej 10:​24, 25) Żjajjar regulari minn sħabi taʼ l-​istess twemmin u maturi spiritwalment kienu t’għajnuna kontinwa għalija. Verament inħossni bħalma ħassu David: ‘Il-​kalċi tiegħi mfawwar.’​—Salm 23:5.

L-għażiża marti kienet sors t’għajnuna mill-​aqwa matul dawn is-​snin kollha. It-​tfal tiegħi wkoll offrew ħafna appoġġ. Għal diversi snin issa, huma għenuni bil-​bżonnijiet taʼ kuljum. Dak li qed jagħmlu m’huwiex faċli, u hekk kif jgħaddu s-​snin isir iżjed u iżjed diffiċli biex jieħdu ħsiebi. Huma verament eżemplari f’li jikkultivaw il-​paċenzja u jaħdmu iebes, u nitlob li Ġeħova jkompli jberikhom.

Provvediment meraviljuż ieħor mingħand Ġeħova biex isaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu huwa t-​talb. (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]) Bi tweġiba għas-​suppliki tiegħi mill-​qalb, Ġeħova tani s-​saħħa biex inkompli fil-​fidi matul dawn is-​snin kollha. B’mod speċjali meta nkun qed inħossni skuraġġit, it-​talb iġibli serħan u jgħinni nżomm il-​ferħ. Komunikazzjoni regulari maʼ Ġeħova tirrifreskani u ġġeddidli d-​determinazzjoni tiegħi biex inkompli għaddej. Jien konvint b’mod assolut li Ġeħova jismaʼ t-​talb tal-​qaddejja tiegħu u jagħtihom il-​paċi tal-​moħħ li għandhom bżonn.​—Salm 51:17; 1 Pietru 5:7.

Iktar minn hekk, niġi msaħħaħ mill-​ġdid kull darba li niftakar li Alla maż-​żmien se jfejjaq lil dawk kollha li huma mberkin bil-​ħajja f’Ġenna taʼ l-​art taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Ibnu, Ġesù Kristu. Mhux darba u tnejn iġelben dmugħ taʼ ferħ maʼ ħaddejja hekk kif nimmedita fuq din it-​tama meraviljuża.​—Salm 37:​11, 29; Luqa 23:43; Rivelazzjoni 21:​3, 4.

Naqdi Bħala Ministru Full-Time

Madwar l-​1991, wara li għarbilt is-​sitwazzjoni tiegħi, intbaħt li l-​aqwa mod kif nevita li noqgħod nitħassar lili nnifsi hu billi nżomm ruħi bieżel f’li naqsam l-​aħbar tajba u prezzjuża tas-​Saltna m’oħrajn. F’dik is-​sena bdejt naqdi bħala ministru full-time.

Minħabba li għandi diżabilità, ħafna mill-​għoti taʼ xiehda tiegħi nagħmlu permezz taʼ l-​ittri. Madankollu, il-​kitba mhix faċli għalija; din tirrikjedi sforz kbir. Insibha diffiċli biex inżomm il-​pinna soda f’idi, li hi dgħajfa minħabba l-​atrofija muskolari. Madankollu, permezz tal-​perseveranza u t-​talb, issa ilni nagħti xiehda bl-​ittri għal iktar minn 15-il sena. Nuża wkoll it-​telefon biex nippriedka lin-​nies. Qatt ma nitlef opportunità biex nitkellem dwar it-​tama tad-​dinja l-​ġdida u l-​art magħmula ġenna maʼ qraba, ħbieb, u ġirien li jiġu jżuruni d-​dar.

B’riżultat taʼ dan, jien gawdejt ħafna esperjenzi inkuraġġanti. Kont ferħan ħafna li nara wieħed mit-​tfal tat-​tfal tiegħi, li studjajt il-​Bibbja miegħu xi 12-il sena ilu, jagħmel progress u juri apprezzament għall-​verità tal-​Bibbja. Imqanqal minn kuxjenza mħarrġa minn fuq il-​Bibbja, hu baqaʼ leali u sod fil-​kwistjoni tan-​newtralità Kristjana.

Jien inħossni sodisfatt b’mod partikulari meta dawk l-​uħud li niktbilhom, jikkuntattjawni u jistaqsu għal iktar tagħrif dwar il-​Bibbja. Kultant xi wħud jitolbu iktar letteratura Biblika. Per eżempju, waħda mara ċemplitli u rringrazzjatni taʼ l-​ittra inkuraġġanti li bgħatt lir-​raġel tagħha. Hi ħasset li l-​ħsieb fl-​ittra kien veru interessanti. Dan wassal għal ħafna diskussjonijiet minn fuq il-​Bibbja, magħha u mar-​raġel tagħha, fid-​dar tiegħi.

Ħarsa Pożittiva

Matul is-​snin rajt in-​numru taʼ proklamaturi tas-​Saltna jiżdied f’din il-​parti tad-​dinja. Is-​Sala tas-​Saltna ż-​żgħira maġenb id-​dar taʼ ħija George ġiet imkabbra u rinnovata diversi drabi. Hija post taʼ qima mill-​isbaħ u tintuża minn żewġ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Missieri miet fl-​1943, fl-​età taʼ 52 sena. Iżda x’wirt spiritwali ħalla warajh! Tmienja mit-​tfal tiegħu ħaddnu l-​verità u għadhom sa llum jaqdu lil Ġeħova. Fir-​raħal taʼ Xylophagou, fejn kien twieled missieri, u fl-​irħula tal-​madwar, issa hemm tliet kongregazzjonijiet, b’total taʼ 230 pubblikatur tas-​Saltna!

Riżultati pożittivi bħal dawn kienu sors taʼ ferħ kbir għalija. Illum, fl-​età taʼ 83 sena, għandi fiduċja fil-​kliem tas-​salmista: “Is-​setgħana jiftaqru u jbatu l-​ġuħ; min ifittex lill-​Mulej xejn ma jkun jonqsu.” (Salm 34:11 [34:​10, NW]) Jien nistenna bil-​ħerqa ż-​żmien meta l-​profezija mniżżla f’Isaija 35:6 sseħħ: “Mbagħad iz-​zopp jaqbeż bħal għażżiela.” Sadattant, jien determinat li nkompli naqdi lil Ġeħova bil-​ferħ minkejja d-​diżabilità.

[Mappa f’paġna 17]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

TURKIJA

SIRJA

LIBANU

ĊIPRU

Nicosia

Xylophagou

Il-​Baħar Meditterran

[Stampa f’paġna 17]

L-​ewwel Sala tas-​Saltna fi Xylophagou, li għadha tintuża sa llum

[Stampi f’paġna 18]

Maʼ Efprepia fl-​1946 u llum

[Stampa f’paġna 20]

Insib ferħ f’li nagħti xiehda bit-​telefon u nikteb l-​ittri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja