Lezzjoni dwar il-Kburija u l-Umiltà
ĠRAJJA li seħħet fil-ħajja tas-Sultan David enfasizzat id-differenza bejn l-umiltà vera u l-kburija ħażina. Dan ġara wara li David kien rebaħ lil Ġerusalemm u għamilha l-belt kapitali tiegħu. David kien iqis lil Ġeħova bħala dak li verament kien is-Sultan taʼ Iżrael, għalhekk hu rranġa biex l-Arka, li kienet tissimbolizza l-preżenza t’Alla, tinġieb ġol-belt. Dan l-avveniment tant kien importanti għal David li hu wera l-ferħ tiegħu b’mod ċar quddiem kulħadd hekk kif kien qed jimxi wara l-qassisin li ġarrew l-Arka. L-abitanti taʼ Ġerusalemm raw lis-sultan tagħhom “jaqbeż u jiżfen b’ħiltu kollha.”—1 Kronaki 15:15, 16, 29; 2 Samwel 6:11-16.
Madankollu, Mikal, il-mara taʼ David, ma ngħaqditx maʼ dik il-purċissjoni taʼ ferħ. Hi kienet qed tittawwal mit-tieqa, u minflok m’ammirat il-mod kif David beda jfaħħar lil Ġeħova, hi “stmerritu f’qalbha.” (2 Samwel 6:16) Mikal għala ħassitha b’dan il-mod? Evidentement, hi kienet qed tagħti wisq importanza lilha nfisha minħabba li kienet it-tifla taʼ l-ewwel sultan taʼ Iżrael, Sawl, u issa l-mara tat-tieni sultan taʼ Iżrael. Hi setgħet ħasset li r-raġel tagħha, is-sultan, ma kellux ibaxxi lilu nnifsu sal-livell tan-nies komuni u jingħaqad fiċ-ċelebrazzjoni tagħhom. Dawn is-sentimenti taʼ kburija dehru fil-mod kif hi laqgħet lil David meta rritorna d-dar. B’sarkażmu hi qalet: “Kemm kien sabiħ illum is-sultan taʼ Iżrael, mikxuf quddiem għajnejn in-nisa tal-qaddejja tiegħu, bħalma jinkixef raġel bla ġieħ!”—2 Samwel 6:20.
Kif irreaġixxa David għal din il-kritika? David ċanfar lil Mikal billi qalilha li Ġeħova ċaħad lil missierha, Sawl, u ffavorixxa lilu minflok. David żied: “Anzi niċċekken aktar minn hekk. Ħa nitlef ġieħi f’għajnejk, imma nissebbaħ quddiem il-qaddejja nisa li semmejt int.”—2 Samwel 6:21, 22.
Iva, David kien determinat li jkompli jaqdi lil Ġeħova bl-umiltà. Din l-attitudni tgħinna nifhmu għala Ġeħova sejjaħ lil David “raġel għal qalbi.” (Atti 13:22; 1 Samwel 13:14) Fil-fatt, David kien qed isegwi l-eżempju mill-aħjar taʼ l-umiltà—dak taʼ Alla Ġeħova nnifsu. Taʼ interess, l-espressjoni li David uża meta qal lil Mikal, “niċċekken aktar minn hekk” ġejja minn għerq taʼ verb Ebrajk li jintuża wkoll biex jiddeskrivi l-ħarsa t’Alla dwar l-umanità. Għalkemm Ġeħova huwa l-aqwa persunaġġ fl-univers, Salm 113:6, 7 jiddeskrivih bħala li “[“jindenja ruħu,” NW] jħares ’l isfel [jinżel mil-livell jew dinjità meta jittratta maʼ min hu inqas minnu], lejn is-smewwiet u lejn l-art. Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, u jerfaʼ mill-miżbla l-fqajjar.”
Ladarba Ġeħova huwa umli, mhux taʼ b’xejn li hu jobgħod ‘l-għajnejn merfugħa’ taʼ persuni kburin. (Proverbji 6:16, 17) Minħabba li wriet din il-karatteristika mill-agħar u wriet nuqqas taʼ rispett lejn il-wieħed li Alla kien għażel bħala sultan, Mikal ġiet imċaħħda mill-privileġġ li jkollha wild minn David. Hi mietet mingħajr ma kellha tfal. X’lezzjoni importanti għalina! Dawk kollha li jixtiequ li jkollhom il-favur t’Alla għandhom isegwu dan il-kliem: “Tħażżmu bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli.”—1 Pietru 5:5.