“Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”
“RESSAQ qalbek lejn id-dixxiplina u ’l widintek lejn kliem l-għarfien,” jgħid Proverbji 23:12 (NW). F’din l-iskrittura, id-“dixxiplina,” jew it-taħriġ morali, tinkludi kemm id-dixxiplina persunali u kemm it-twiddib li nirċievu minn oħrajn. Dixxiplina bħal din teħtieġ l-għarfien dwar liema tip taʼ korrezzjoni hemm bżonn u dwar kif għandha tingħata. Għaldaqstant, “kliem l-għarfien” minn sors taʼ min joqgħod fuqu huwa essenzjali.
Il-ktieb Bibliku tal-Proverbji huwa sors eċċellenti taʼ qwiel għaqlin. Il-proverbji dokumentati fih inkitbu “biex wieħed ikun jaf l-għerf u d-dixxiplina, . . . biex jirċievi d-dixxiplina li tagħti d-dehen, is-sewwa u l-ġustizzja u d-dritt.” (Proverbji 1:1-3, NW) Inkunu għaqlin jekk ‘nagħtu widnejna’ għalihom. Proverbji kapitlu 15 jagħti gwida f’lokha dwar kif tikkontrolla r-rabja, tuża l-ilsien, u xxerred l-għarfien. Ejja nikkunsidraw xi ftit versi minn dan il-kapitlu.
Liema Ħaġa “Ttaffi l-Korla”?
Sabiex jiddeskrivi kif il-kliem mitkellem jeffettwa l-għadab jew il-korla, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla, kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) L-“għadab” huwa terminu li jintuża biex jiddeskrivi emozzjoni qawwija jew reazzjoni għal xi ħaġa li ma togħġbokx. Il-“korla” hija mfissra bħala “sentiment taʼ rabja estremament qawwi li huwa diffiċli ħafna biex tikkontrollah.” Dan il-proverbju kif jistaʼ jgħinna nittrattaw maʼ l-għadab taʼ xi ħaddieħor kif ukoll nikkontrollaw tagħna stess?
Kliem aħrax jistaʼ jweġġaʼ u jistaʼ jagħmel sitwazzjoni kerha agħar milli diġà tkun. Min-naħa l-oħra, tweġiba ħelwa tikkalma lil dak li jkun. Madankollu, m’huwiex dejjem faċli li twieġeb bil-ħlewwa lil persuna rrabjata. Però, ikun t’għajnuna jekk nipprovaw nifhmu x’wassal lil dak li jkun biex jirrabja. Il-Bibbja tgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” (Proverbji 19:11) Jistaʼ jkun li dik il-persuna tinsab irrabjata għax ma tħosshiex ċerta minnha nfisha jew għax għandha bżonn l-attenzjoni? Ir-raġuni proprja jistaʼ ma jkollha xejn x’taqsam maʼ dak li stajna għedna jew għamilna aħna. Meta niltaqgħu maʼ xi ħadd irrabjat fil-ministeru Kristjan, ħafna drabi ma jkunx dan minħabba li l-inkwilin ma jkunx informat tajjeb dwar it-twemmin tagħna jew għax ikun preġudikat minħabba xi fehma ħażina? Għandna niħduha b’mod persunali u nwieġbu lura bl-aħrax? Saħansitra meta r-raġuni għala persuna tkun irrabjata ma tkunx magħrufa, jekk inwieġbu bi kliem li jweġġaʼ jkun jindika nuqqas taʼ dixxiplina fuqna nfusna. Għandna nevitaw li nwieġbu lura b’dan il-mod.
Il-parir biex nagħtu tweġiba ħelwa huwa imprezzabbli wkoll meta niġu biex nikkontrollaw ir-rabja tagħna stess. Nistgħu napplikaw dan il-parir billi nitgħallmu nesprimu l-emozzjonijiet tagħna b’modi li ma joffendux lil min jismagħna. Meta nittrattaw mal-membri tal-familja tagħna, minflok ma nitkellmu bl-aħrax jew ngħajru lil dak li jkun, aħna għandna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nesprimu s-sentimenti tagħna bil-kalma. Il-kliem bir-rabja ġeneralment iġiegħel lil ħaddieħor jgħidlek xi ħaġa lura. Meta nesprimu dak li nkunu qed inħossu bil-ħlewwa, dak li jkun ma jħossux daqshekk kritikat u jistaʼ jiġi motivat biex jagħmel aġġustamenti.
“Ilsien l-Għorrief Jagħmel it-Tajjeb”
Id-dixxiplina fuqna nfusna teffettwa l-mod kif nitkellmu kif ukoll dak li ngħidu. “Ilsien l-għorrief jagħmel it-tajjeb permezz taʼ l-għarfien,” jgħid Salamun, “imma minn fomm l-istupidi tgelgel il-bluha.” (Proverbji 15:2, NW) Meta rrabbu ġo fina xewqa biex ngħinu lil oħrajn u nitkellmu magħhom dwar l-iskop t’Alla u l-provvedimenti taʼ l-għaġeb tiegħu, ma nkunux aħna qed ‘nagħmlu t-tajjeb permezz taʼ l-għarfien’? Persuna stupida ma tagħmilx dan minħabba li hija nieqsa mill-għarfien.
Qabel ma jagħti iktar gwida dwar kif nużaw l-ilsien, Salamun jagħmel kuntrast taʼ min jaħseb fuqu. “Kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej, jgħassu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.” (Proverbji 15:3) Aħna nistgħu nifirħu b’dan għax niġu żgurati: “Għajnejh jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Alla jaf jekk inkunux qed nagħmlu dak li huwa tajjeb. Hu jinnota wkoll lil dawk li jkunu qed jagħmlu dak li hu ħażin u jżommhom responsabbli.
Salamun ikompli jagħmel enfasi fuq kemm hu taʼ valur ilsien ħelu, billi jgħid: “Lsien ħelu bħal siġra tal-ħajja, imma lsien ħażin imewwet il-qalb.” (Proverbji 15:4) Il-frażi “siġra tal-ħajja” ġġibilna f’moħħna fejqan u xi ħaġa li ssostni. (Rivelazzjoni 22:2) Il-kliem ħelu taʼ persuna li għandha l-għerf jagħti s-saħħa lil dawk li jisimgħuh. Jappella għall-kwalitajiet sbieħ tagħhom. Għall-kuntrarju, ilsien qarrieqi u mħassar imewwet l-ispirtu taʼ dawk li jisimgħuh.
Nirċievu d-Dixxiplina u ‘Nxerrdu l-Għarfien’
“L-iblah jistmell [“id-dixxiplina taʼ,” “NW”] missieru,” ikompli s-sultan għaref, “bil-għaqal hu min jaf jilqaʼ t-twiddib.” (Proverbji 15:5) Kif jistaʼ xi ħadd “jilqaʼ t-twiddib” jekk ħadd ma jagħtihulu? Ma turix din l-iskrittura li d-dixxiplina li tikkoreġi lil dak li jkun għandha tingħata meta jkun hemm bżonn? Fil-familja, hija r-responsabbiltà tal-ġenituri—b’mod partikulari l-missier—li jipprovdu d-dixxiplina, u huwa d-dmir taʼ l-ulied li jilqgħuha. (Efesin 6:1-3) Madankollu, il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova jirċievu d-dixxiplina b’xi mod jew ieħor. “Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb,” jgħid Ebrej 12:6, “fil-fatt, isawwat lil kulmin jilqaʼ bħala ibnu.” Il-mod kif inwieġbu għad-dixxiplina jikxef jekk aħniex għaqlin jew boloh.
Salamun jagħmel kuntrast ieħor meta jgħid: “Xofftejn l-għorrief ikomplu jxerrdu l-għarfien, imma qalb l-istupidi mhix hekk.” (Proverbji 15:7, NW) It-tixrid taʼ l-għarfien huwa bħal meta xxerred iż-żrieragħ. Fil-qedem, il-bidwi ma kienx jiżraʼ ż-żrieragħ kollha fl-istess post. Minflok, hu kien ixerred, jew jitfaʼ, ftit żrieragħ kull darba maʼ l-għalqa kollha. L-istess jiġri bit-tixrid taʼ l-għarfien. Per eżempju, meta niltaqgħu maʼ xi ħadd fil-ministeru, ma jkunx għaqli li nxerrdu dak kollu li nafu dwar il-Bibbja f’darba. Minflok, individwu għaqli huwa dixxiplinat fi kliemu. Hu ‘jxerred’ l-għarfien hekk kif kull darba bil-mod il-mod jitkellem dwar verità waħda mill-Bibbja u jibni fuqha, filwaqt li jagħti kas ir-reazzjoni taʼ min jisimgħu. Ix-Xempju tagħna, Ġesù Kristu, hekk għamel meta tkellem mal-mara Samaritana.—Ġwanni 4:7-26.
L-għoti taʼ l-għarfien jinvolvi kliem istruttiv u taʼ benefiċċju. Hemm bżonn tal-ħsieb biex tgħid kliem li jagħti għarfien u inkuraġġiment. Għaldaqstant, “moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb.” (Proverbji 15:28) Kemm huwa vitali li kliemna jkun bħal xita traxxax li tinxtorob mill-art u tagħmel il-ġid, mhux bħal xita bil-qliel li tkaxkar kollox magħha!
“Qaddisin fil-Kondotta”
Meta nxerrdu l-għarfien dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu u noffrulu “l-frott tax-xufftejn” bħala “sagrifiċċju taʼ tifħir” bla dubju hija t-triq għaqlija. (Ebrej 13:15) Madankollu, sabiex sagrifiċċju bħal dan ikun aċċettabbli għal Ġeħova għandna nkunu ‘qaddisin fil-kondotta kollha tagħna.’ (1 Pietru 1:14-16) Billi juża żewġ proverbji b’kuntrast maʼ xulxin, Salamun jiġbdilna l-attenzjoni għal din il-verità vitali. Hu jgħid: “Il-Mulej jistkerrah is-sagrifiċċju tal-ħżiena, imma jitgħaxxaq bit-talba tat-tajbin. Il-Mulej jistkerrah l-imġiba tal-ħżiena, imma jħobb ’il min ifittex is-sewwa.”—Proverbji 15:8, 9.
Kif iħarsu lejn it-twiddib dawk li jitilqu t-triq li tieħu għall-ħajja, u x’hemm jistenniehom? (Mattew 7:13, 14) “Dixxiplina ħarxa hemm għal min iħalli triqtu: u min jobgħod it-twiddib imut.” (Proverbji 15:10, KŻ) Minflok ma jaċċettaw il-parir taʼ korrezzjoni minn uħud responsabbli fil-kongregazzjoni Kristjana u jindmu ġenwinament, xi wħud li qed isegwu triq ħażina jagħżlu li jitilqu mit-triq tas-sewwa. Xi bluha!
Xi ngħidu jekk xi ħadd ikun jidher minn barra li qed jaċċetta t-twiddib, imma fil-fatt ikun jobogħdu? Dan ukoll m’huwiex għaqli. “Qiegħ l-Art u l-Imwiet quddiem għajnejn il-Mulej,” jgħid is-sultan taʼ Iżrael. “Kemm aktar qlub il-bnedmin.” (Proverbji 15:11) B’mod figurattiv, xejn ma jistaʼ jkun imbiegħed minn Alla l-ħaj iktar minn Qiegħ l-Art, jew Xeol, post il-mejtin. Madankollu, dan qiegħed quddiem għajnejh. Hu jaf l-identità u l-personalità taʼ dawk kollha li qegħdin hemm u kapaċi jirxoxtahom. (Salm 139:8; Ġwanni 5:28, 29) Kemm huwa faċli għal Ġeħova biex ikun jaf x’hemm f’qalb il-bniedem! “M’hemm l-ebda ħolqien li hu moħbi quddiemu, imma kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Ebrej 4:13) Min juri wiċċ b’ieħor ikun qed jidħaq bil-bnedmin imma mhux b’Alla.
Persuna li tiċħad id-dixxiplina mhux biss tobgħod it-twiddib imma wkoll tiddisprezza lil min iwiddeb. “L-insolenti ma jħobbx lil min iwiddbu,” jgħid Salamun. Sabiex ikompli jenfasizza dan il-ħsieb, hu mbagħad isemmi ħsieb ieħor simili għal dan: “Ma jmurx għand l-għorrief.” (Proverbji 15:12) Kemm huwa żgħir iċ-ċans li t-triq taʼ persuna bħal din titwitta!
Ħarsa Pożittiva
Ir-referenza li ssir għall-kelma “qalb” tgħaqqad it-tliet proverbji li jmiss taʼ Salamun. Hekk kif jiddeskrivi l-effett taʼ kif inħossuna fuq kif nidhru, is-sultan għaref jgħid: “Il-qalb ferħana tagħmel il-wiċċ daħkan, imma l-qalb imnikkta tmewwet ir-ruħ.”—Proverbji 15:13.
X’jistaʼ jnikket il-qalb? “L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 12:25) Kif nistgħu nevitaw li l-aspetti negattivi tal-ħajja jsewdulna qalbna? Minflok ma noqogħdu nħallu ’l moħħna jhewden il-ħin kollu fuq ċirkustanzi li forsi ma nkunux nistgħu nbiddlu, nistgħu nimmeditaw fuq il-ħafna barkiet spiritwali li Ġeħova tana issa u fuq dak li se jagħmel għalina fil-futur. Dan se jressaqna iktar qrib tiegħu. Iva, meta nersqu qrib taʼ “l-Alla l-hieni” dan se jġib ferħ lill-qalb imnikkta tagħna.—1 Timotju 1:11.
Iktar minn hekk, il-messaġġ tal-Bibbja huwa sors eċċellenti biex nitfarrġu u nitgħaxxqu. Is-salmista sejjaħ hieni lil dak ir-raġel li “fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.” (Salm 1:1, 2) Anki meta nesperjenzaw in-niket f’qalbna, jekk naqraw mill-Bibbja u naħsbu fil-fond fuq dak li tgħid, aħna se niġu inkuraġġiti. Għandna wkoll il-ministeru li tana Alla. Aħna aċċertati li “dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana taʼ ferħ.”—Salm 126:5.
“Il-qalb li tifhem tfittex l-għarfien,” jgħid Salamun, “imma fomm l-istupidi jixtieq jilħaq il-bluha.” (Proverbji 15:14, NW) Dan il-proverbju jiġbdilna l-attenzjoni għall-kuntrast kbir li hemm bejn il-parir taʼ wieħed għaqli u dak taʼ xi ħadd stupidu. Qabel jagħti parir, wieħed li għandu qalb li tifhem ifittex l-għarfien. Hu jismaʼ sew u jiġbor fehma tajba tal-fatti. Hu jfittex fl-Iskrittura biex jara x’inhuma l-liġijiet u l-prinċipji li japplikaw għas-sitwazzjoni. Il-parir tiegħu huwa bbażat fis-sod fuq il-Kelma t’Alla. Madankollu, wieħed stupidu ma joqgħodx iħabbel rasu biex isir jaf il-fatti tas-sitwazzjoni u jgħid dak li jiġih f’moħħu. Għalhekk, huwa għaqli li meta nfittxu parir immorru għand uħud li għandhom l-għarfien u li huma maturi minflok għand dawk li għandhom iktar ċans jgħidulna dak li nixtiequ nisimgħu. Kemm huwa tajjeb li jkollna “rġiel bħala għotjiet” fil-kongregazzjoni Kristjana li ‘jfittxu l-għarfien’ qabel jagħtu parir!—Efesin 4:8.
Il-proverbju li jmiss jistqarr benefiċċju eċċellenti taʼ meta jkollna ħarsa pożittiva. Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “L-imsejken għomru kollu fid-dwejjaq, imma qalb il-hieni dejjem festa.” (Proverbji 15:15) Il-ħajja għandha mumenti sbieħ kif ukoll oħrajn taʼ dwejjaq, ferħ, u biki. Jekk dejjem noqogħdu naħsbu fin-negattiv, id-dwejjaq se jaħkmulna l-ħsibijiet tagħna, u ħajjitna se tkun waħda taʼ swied il-qalb. Madankollu, jekk inħallu l-barkiet persunali li nirċievu u t-tama tagħna li jagħtina Alla jiddominaw il-ħsibijiet tagħna, l-aspetti tal-ħajja li jinkwetawna se jisfumaw fl-isfond u se nesperjenzaw ferħ ġewwieni. Ħarsa pożittiva se tagħmilha possibbli għalina biex inkunu “dejjem festa.”
Għalhekk, jalla nagħtu valur kbir lid-dixxiplina. Ejja nħalluha teffettwalna mhux biss l-emozzjonijiet, il-kliem, u dak li nagħmlu, imma wkoll il-ħarsa tagħna lejn il-ħajja.
[Stampa f’paġna 13]
“Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla”
[Stampa f’paġna 15]
Hija r-responsabbiltà tal-ġenituri li jagħtu d-dixxiplina
[Stampa f’paġna 15]
“Xofftejn l-għorrief ikomplu jxerrdu l-għarfien”