Imweldin fil-Ġens Magħżul minn Alla
“Lilek għażel il-Mulej, Alla tiegħek, biex tkun il-poplu miksub tiegħu.”—DEWTERONOMJU 7:6.
1, 2. Liema għemejjel taʼ qawwa wettaq Ġeħova għan-nom tal-poplu tiegħu, u l-Iżraelin daħlu f’liema relazzjoni m’Alla?
FL-1513 Q.E.K., Ġeħova daħħal lill-qaddejja tiegħu fuq l-art f’relazzjoni ġdida miegħu. Dik is-sena, hu umilja lil qawwa dinjija u ħeles lill-Iżraelin mill-jasar. Minħabba li għamel dan, hu sar is-Salvatur u s-Sid tagħhom. Qabel m’aġixxa, Alla qal lil Mosè: “Għid lil ulied Iżrael: ‘Jiena Jaħweh, u jien noħroġkom minn taħt il-madmad taʼ l-Eġittu u neħliskom mill-jasar tagħkom, u nifdikom bis-saħħa taʼ driegħi u nagħmel ħaqq minnhom b’għemejjel kbar. Jien naħtarkom u neħodkom biex tkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħkom.’”—Eżodu 6:6, 7; 15:1-7, 11.
2 Ftit wara l-Eżodu tagħhom mill-Eġittu, l-Iżraelin daħlu f’relazzjoni taʼ patt m’Alla tagħhom, Ġeħova. Minflok ma kien se jittratta maʼ individwi, familji, jew tribujiet, minn dakinhar ’il quddiem Ġeħova kien se jkollu poplu organizzat, ġens, fuq l-art. (Eżodu 19:5, 6; 24:7) Hu pprovda liġijiet għall-poplu tiegħu li kienu jmexxuhom fil-ħajja taʼ kuljum tagħhom u, iktar importanti minn hekk, fil-qima tagħhom. Mosè qalilhom: “Liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejjħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?”—Dewteronomju 4:7, 8.
Imweldin f’Ġens taʼ Xhieda
3, 4. X’kienet raġuni importanti għala Iżrael kien jeżisti bħala ġens?
3 Sekli wara, Ġeħova fakkar lill-Iżraelin, permezz tal-profeta Isaija, dwar raġuni importanti għala kienu jeżistu bħala ġens. Isaija qal: “Jgħid il-Mulej, dak li ħalqek, Ġakobb, dak li sawwrek, Iżrael: ‘La tibżax, għax jien fdejtek: jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi. Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael, is-Salvatur tiegħek. . . . Ġibli s-subjien mill-bogħod, ’il bnieti minn tarf l-art, lil kull min jissejjaħ b’ismi, lil min ħlaqt għall-glorja tiegħi, lil min sawwart u għamilt. Intom ix-xhieda tiegħi, oraklu tal-Mulej, u l-qaddej tiegħi li jiena ħtart, . . . il-poplu li sawwart għalija, biex ixandar it-tifħir tiegħi.’”—Isaija 43:1, 3, 6, 7, 10, 21.
4 Bħala poplu msejjaħ bl-isem taʼ Ġeħova, l-Iżraelin kellhom iservu bħala xiehda għas-sovranità tiegħu quddiem il-ġnus. Huma kellhom ikunu poplu ‘maħluq għall-glorja’ taʼ Ġeħova. Kellhom ‘ixandru t-tifħir’ taʼ Ġeħova, billi jitkellmu dwar l-għemejjel meraviljużi taʼ ħelsien tiegħu u b’hekk jigglorifikaw lill-isem qaddis tiegħu. Fi kliem ieħor, huma kellhom ikunu ġens taʼ xhieda għal Ġeħova.
5. B’liema mod kien Iżrael ġens dedikat?
5 Fis-seklu 11 Q.E.K., is-Sultan Salamun indika li Ġeħova għamel lil Iżrael ġens separat. F’talba lil Ġeħova, hu qal: “Int warrabthom għalik minn fost il-popli kollha taʼ l-art.” (1 Slaten 8:53) L-Iżraelin individwali wkoll kellhom relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova. Iktar kmieni, Mosè qalilhom: “Intom ulied il-Mulej, Alla tagħkom . . . Għaliex int poplu qaddis għall-Mulej, Alla tiegħek.” (Dewteronomju 14:1, 2) Għalhekk, l-Iżraelin żgħażagħ ma kellhomx għalfejn jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova. Huma twieldu bħala membri tal-poplu dedikat t’Alla. (Salm 79:13; 95:7) Kull ġenerazzjoni ġdida kienet tiġi mgħallma fit-tagħlim tal-liġijiet taʼ Ġeħova u kellha l-obbligu li żżomm miegħu minħabba l-patt li kien jorbot lil Iżrael maʼ Ġeħova.—Dewteronomju 11:18, 19.
Ħielsa biex Jagħżlu
6. Liema għażla kellhom jagħmlu l-Iżraelin individwalment?
6 Għalkemm l-Iżraelin twieldu f’ġens dedikat, kull individwu kellu jagħmel deċiżjoni persunali biex jaqdi lil Alla. Qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Nsejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul taʼ jiemek li tgħammar fl-art li Alla ħalef li jagħtiha lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.” (Dewteronomju 30:19, 20) Għalhekk, l-Iżraelin individwalment kellhom jagħżlu li jħobbu lil Ġeħova, jisimgħu l-kelma tiegħu, u jorbtu qalbhom miegħu. Ladarba l-Iżraelin kellhom ir-rieda ħielsa, huma kellhom iġorru l-konsegwenzi taʼ l-għażla li jagħmlu.—Dewteronomju 30:16-18.
7. X’ġara wara li mietet il-ġenerazzjoni taʼ Ġożwè?
7 Il-perijodu taʼ l-Imħallfin jipprovdi eżempju tajjeb tal-konsegwenzi li ġġib magħha l-lealtà u n-nuqqas taʼ lealtà. Eżatt qabel ma beda dan il-perijodu, l-Iżraelin segwew l-eżempju taʼ Ġożwè u ġew imberkin. “Il-poplu serva lill-Mulej il-jiem kollha taʼ Ġożwè u l-jiem kollha tax-xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè, u li kienu raw kull ma kien għamel il-Mulej, l-opri kbar kollha li għamel għal Iżrael.” Madankollu, ftit wara l-mewt taʼ Ġożwè, “telgħet ġenerazzjoni oħra warajhom, li ma kinitx taf il-Mulej u anqas x’għamel il-Mulej għal Iżrael. U wlied Iżrael għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej.” (Mħallfin 2:7, 10, 11) Milli jidher, membri tal-ġenerazzjoni li telgħet wara, li kienet bla esperjenza, m’apprezzawx il-wirt bħala parti mill-poplu dedikat, li għalih Alla tagħhom, Ġeħova, kien wettaq għemejjel taʼ qawwa fil-passat.—Salm 78:3-7, 10, 11.
Jgħixu Skond id-Dedikazzjoni Tagħhom
8, 9. (a) Liema arranġament ippermetta lill-Iżraelin juru d-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova? (b) Dawk li għamlu l-offerti volontarji x’kisbu għalihom infushom?
8 Ġeħova pprovda opportunitajiet lin-nies tiegħu biex jgħixu skond id-dedikazzjoni li għamlu bħala poplu. Per eżempju, il-Liġi tiegħu pprovdiet sistema taʼ sagrifiċċji, jew offerti, li fosthom kien hemm dawk obbligatorji waqt li oħrajn kienu volontarji. (Ebrej 8:3) Dawn is-sagrifiċċji inkludew offerti tal-ħruq, offerti tal-qamħ, u offerti tas-sliem li kienu volontarji—għotjiet preżentati lil Ġeħova biex jiksbu l-favur tiegħu u biex jesprimu l-gratitudni.—Levitiku 7:11-13.
9 Dawn l-offerti volontarji kienu jogħġbu lil Ġeħova. L-offerti tal-ħruq u tal-qamħ kienu kunsidrati bħala “riħa tfuħ quddiem il-Mulej.” (Levitiku 1:9; 2:2) Fis-sagrifiċċju tas-sliem, id-demm u x-xaħam taʼ l-annimal kienu jiġu offruti lil Ġeħova, waqt li l-porzjonijiet tal-laħam kienu jittieklu mill-qassisin u minn dak li joffrihom. Għalhekk, din kienet ikla simbolika li tfisser relazzjoni paċifika maʼ Ġeħova. Il-Liġi kienet tgħid: “Meta toffru s-sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, qisu li toffruh b’mod li tkunu milqugħin tajjeb.” (Levitiku 19:5) Waqt li l-Iżraelin kollha twieldu bħala wħud dedikati lil Ġeħova, dawk li xtaqu tassew jaqdu lil Ġeħova bħala Alla tagħhom billi jagħtu offerti volontarji ‘ġew milqugħin tajjeb’ u tbierku bil-kbir.—Malakija 3:10.
10. Ġeħova kif esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu fi żmien Isaija u fi żmien Malakija?
10 Madankollu, spiss il-ġens dedikat taʼ Iżrael ma kienx leali lejn Ġeħova. Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Ġeħova qalilhom: “Ma ġibtlix in-nagħaġ tiegħek għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u ma weġġaħtnix bis-sagrifiċċji tiegħek. Jien ma għabbejtekx bl-offerti.” (Isaija 43:23) Barra minn hekk, l-offerti li ma sarux mill-qalb u bl-imħabba ma kellhom ebda valur f’għajnejn Ġeħova. Per eżempju, tliet sekli wara Isaija, fi żmien il-profeta Malakija, l-Iżraelin offrew annimali difettużi. Minħabba f’hekk, Malakija qalilhom: “‘M’għandix pjaċir bikom,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘u minn idejkom ma nilqax offerti.’ . . . ‘Intom iġġibu vittmi misruqa u dak li hu magħtub u dak li hu marid, u dan iġġibuh bħala offerta. U jien se nilqagħha minn idejkom?’ Jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.”—Malakija 1:10, 13; Għamos 5:22.
Miċħud Bħala Ġens Dedikat
11. Liema opportunità ngħatat lil Iżrael?
11 Meta l-Iżraelin saru ġens dedikat lil Ġeħova, hu wegħedhom: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Il-Messija mwiegħed kellu jidher fosthom u jagħtihom l-ewwel opportunità biex isiru membri tal-gvern tas-Saltna t’Alla. (Ġenesi 22:17, 18; 49:10; 2 Samwel 7:12, 16; Luqa 1:31-33; Rumani 9:4, 5) Imma l-maġġuranza mill-membri tal-ġens taʼ Iżrael m’għexux skond id-dedikazzjoni tagħhom. (Mattew 22:14) Huma ċaħdu lill-Messija u sa fl-aħħar waslu biex qatluh.—Atti 7:51-53.
12. Liema stqarrijiet minn Ġesù juru li Iżrael ġie miċħud bħala ġens dedikat lil Ġeħova?
12 Ftit jiem qabel mewtu, Ġesù qal lill-mexxejja reliġjużi Lhud: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura, ‘Il-ġebla li twarrbet mill-bennejja saret il-ġebla tax-xewka ewlenija. Mingħand Ġeħova seħħ dan u f’għajnejna din hi xi ħaġa meraviljuża’? Għalhekk ngħidilkom, Is-Saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-frott minnha.” (Mattew 21:42, 43) Biex jurihom li Ġeħova kien ċaħadhom bħala ġens dedikat Lilu, Ġesù qal: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-qattiela tal-profeti u l-ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom ma ridtuhx. Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.”—Mattew 23:37, 38.
Ġens Dedikat Ġdid
13. Liema stqarrija profetika għamel Ġeħova fi żmien Ġeremija?
13 Fi żmien il-profeta Ġeremija, Ġeħova bassar xi ħaġa ġdida dwar il-poplu tiegħu. Hemmhekk naqraw: “Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid maʼ dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej. Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel maʼ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.”—Ġeremija 31:31-33.
14. Meta u fuq liema bażi beda jeżisti l-ġens dedikat ġdid taʼ Ġeħova? Spjega min hu dan il-ġens il-ġdid.
14 Il-bażi taʼ dan il-patt il-ġdid tpoġġiet meta Ġesù miet u iktar tard ippreżenta l-valur tad-demm imxerred tiegħu lil Missieru, fis-sena 33 E.K. (Luqa 22:20; Ebrej 9:15, 24-26) Madankollu, meta ġie mferraʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. u twieled ġens ġdid, “l-Iżrael t’Alla,” il-patt il-ġdid beda jiffunzjona. (Galatin 6:16; Rumani 2:28, 29; 9:6; 11:25, 26) Meta kien qed jikteb lill-Kristjani midlukin, l-appostlu Pietru ddikjara: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb. Għax darba ma kontux poplu, imma issa l-poplu t’Alla.” (1 Pietru 2:9, 10) Ir-relazzjoni speċjali bejn Ġeħova u Iżrael naturali ntemmet. Fis-sena 33 E.K., il-favur taʼ Ġeħova ma baqax fuq Iżrael taʼ l-art imma mar fuq Iżrael spiritwali, il-kongregazzjoni Kristjana, “ġens li jagħti l-frott” mis-Saltna Messjanika.—Mattew 21:34.
Dedikazzjoni Individwali
15. Fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pietru liema magħmudija ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex ikollhom?
15 Wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., kull individwu, Lhudi jew Ġentili, kellu jagħmel dedikazzjoni persunali lil Alla u jitgħammed “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis.”a (Mattew 28:19) F’Pentekoste, l-appostlu Pietru qal lil-Lhud u l-proseliti li semgħu: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet, u tirċievu l-ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.” (Atti 2:38) Dawn il-Lhud u l-proseliti kellhom juru bil-magħmudija tagħhom mhux biss li kienu ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova, imma wkoll li kienu aċċettaw lil Ġesù bħala l-mezz li bih Ġeħova kien se jaħfrilhom dnubiethom. Huma kellhom jirrikonoxxuh bħala l-Qassis il-Kbir taʼ Ġeħova u l-Mexxej tagħhom, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana.—Kolossin 1:13, 14, 18.
16. Fi żmien Pawlu, dawk li kellhom attitudni xierqa—Lhud u Ġentili—kif saru parti minn Iżrael spiritwali?
16 Snin wara, l-appostlu Pawlu qal: “Ħadt il-messaġġ l-ewwel lil dawk f’Damasku, imbagħad lil dawk f’Ġerusalemm, u l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u lill-ġnus biex jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu għemejjel li jixirqu lill-indiema.” (Atti 26:20) Wara li kkonvinċa lin-nies—Lhud u Ġentili—li Ġesù kien il-Kristu, il-Messija, Pawlu għenhom jiddedikaw ruħhom u jitgħammdu. (Atti 16:14, 15, 31-33; 17:3, 4; 18:8) Billi daru lejn Alla, dawn id-dixxipli ġodda saru membri taʼ Iżrael spiritwali.
17. Liema xogħol taʼ ssiġillar dalwaqt se jintemm, u liema xogħol ieħor qed isir bil-ħeffa?
17 Illum, l-issiġillar finali taʼ dak li baqaʼ minn Iżrael spiritwali jinsab fil-qrib. Ladarba jitlesta, l-“erbaʼ anġli” li qed iżommu lura l-irjieħ tal-qerda tat-“tribulazzjoni l-kbira” se jingħataw il-permess biex jitilquhom. Sadanittant, il-ġbir tal-“folla kbira,” li tittama li tgħix għal dejjem fuq l-art, qed isir bil-ħeffa. Dawn in-“nagħaġ oħrajn” jagħżlu minn jeddhom li jeżerċitaw fidi “fid-demm tal-Ħaruf” u jitgħammdu bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 7:1-4, 9-15; 22:17; Ġwanni 10:16; Mattew 28:19, 20) Fosthom hemm ħafna żgħażagħ li trabbew minn ġenituri Kristjani. Jekk int wieħed minn dawn iż-żgħażagħ, se tkun interessat biex taqra l-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
Bħala Reviżjoni
• L-Iżraelin żgħażagħ għala ma kellhomx għalfejn jagħmlu dedikazzjoni persunali lil Ġeħova?
• Kif setgħu l-Iżraelin juru li huma jgħixu skond id-dedikazzjoni tagħhom?
• Ġeħova għala ċaħad lil Iżrael bħala l-ġens dedikat tiegħu, u dan kif ġie mibdul?
• Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’il quddiem, il-Lhud u l-Ġentili x’kellhom jagħmlu biex isiru membri taʼ Iżrael spiritwali?
[Stampa f’paġna 21]
L-Iżraelin żgħażagħ twieldu bħala parti mill-ġens magħżul t’Alla
[Stampa f’paġna 23]
Kull Iżraeli kellu jagħmel deċiżjoni persunali biex jaqdi lil Alla
[Stampa f’paġna 23]
L-offerti volontarji taw l-opportunità lill-Iżraelin biex juru l-imħabba tagħhom għal Ġeħova
[Stampa f’paġna 25]
Wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., is-segwaċi taʼ Kristu kellhom jagħmlu dedikazzjoni persunali lil Alla u jissimbolizzawha bil-magħmudija