LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/15 pp. 8-11
  • Tkabbir Inkuraġġanti fuq Gżira Sabiħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tkabbir Inkuraġġanti fuq Gżira Sabiħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Tkabbir taʼ Xorta Oħra
  • Tkabbir Spiritwali fost it-​Tfal
  • Hekk Kif it-​Tfal Jikbru
  • Jingħelbu l-​Ostakli li Jfixklu t-​Tkabbir
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/15 pp. 8-11

Tkabbir Inkuraġġanti fuq Gżira Sabiħa

DAWK li jżuru t-​Tajwan ma jistgħux ma jibqgħux impressjonati bil-​ħdura tropikali li tiksi l-​gżira. L-​aħdar sabiħ tal-​pjanti żgħar tar-​ross jinbidel f’kulur dehbieni fi żmien il-​ħsad. Il-​foresti folti u kotrana jiksu l-​ġnub tal-​muntanji. B’kuntrast mal-​bliet iffollati, il-​ħdura abbundanti fl-​għelieqi u l-​muntanji hija tassew rifreskanti. Fil-​fatt, dan hu dak li qanqal l-​ewwel individwu mill-​Punent li ra l-​gżira biex jagħżel l-​isem Ilha Formosa, jew “Gżira Sabiħa.”

Iva, it-​Tajwan huwa gżira sabiħa imma żgħira​—hija twila 390 kilometru u madwar 160 kilometru fl-​iktar parti wiesgħa. Il-​muntanji għoljin jiksu l-​biċċa l-​kbira mill-​gżira. Yü Shan (Il-Muntanja Morrison) hija ogħla mill-​Muntanja Fuji fil-​Ġappun jew mill-​Muntanja Cook fi New Zealand. Madwar il-​muntanji ċentrali hemm pjanuri dojoq li jwasslu sal-​kosta u li huma mimlijin bil-​popolazzjoni bieżla tat-​Tajwan, li issa tammonta għal iktar minn 22 miljun ruħ.

Tkabbir taʼ Xorta Oħra

Madankollu, hemm tip ieħor taʼ tkabbir li qed jidher iktar u iktar fit-​Tajwan​—it-​tkabbir spiritwali. Dan jidher fiż-​żelu li n-​nies, kbar u żgħar, juru ladarba jsiru jafu lill-​Alla l-​veru, Ġeħova. Huwa verament impressjonanti li tara t-​tkabbir fl-​għadd taʼ dawk li b’żelu qed jaħdmu biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu.

Minħabba ż-​żjieda kien hemm bżonn tat-​tkabbir. F’Diċembru taʼ l-​1990 inxtrat proprjetà sabiex jitkabbar l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​fergħa taʼ qabel din, fit-​Taipei, kienet saret wisq żgħira biex tieħu ħsieb l-​attivitajiet taʼ l-​1,777 pubblikatur tas-​Saltna fit-​Tajwan f’dak iż-​żmien. Wara ftit snin taʼ xogħol iebes minn volontiera internazzjonali u lokali taʼ kull età, il-​faċilitajiet ġodda u sbieħ fi Hsinwu kienu lesti biex jintużaw f’Awissu taʼ l-​1994. Sa dak iż-​żmien kien hemm 2,515-il ruħ li kienu qed jagħtu sehemhom fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Issa, ftit iktar minn għaxar snin wara, dan l-​għadd żdied għal iktar mid-​doppju, jiġifieri, iktar minn 5,500 pubblikatur, u kull xahar madwar kwart minn dawn jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar full-time. U ma nistgħux ma nsemmux l-​irġiel u n-​nisa żgħażagħ li huma bħal “nida” rifreskanti taʼ fil-​għodu.​—Salm 110:​3, Saydon.

Tkabbir Spiritwali fost it-​Tfal

Ħafna mill-​pubblikaturi żelużi taʼ l-​aħbar tajba huma pjuttost żgħar fl-​età. Xi wħud huma studenti taʼ l-​iskola primarja. Per eżempju, f’raħal fit-​tramuntana tat-​Tajwan, koppja miżżewġa ġiet mistiedna għall-​ewwel darba biex tattendi l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jitgħallmu kif għandhom jgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja lil oħrajn. Il-​koppja skantat meta rat tifel żgħir, jismu Weijun, jaqra l-​Bibbja minn fuq il-​platform b’iktar sengħa mill-​adulti. Imbagħad, fil-​laqgħat l-​oħra li attendew, huma kienu verament impressjonati li saħansitra tfal li kienu għadhom ma bdewx imorru l-​iskola taw tweġibiet intelliġenti. Din il-​koppja kkummentat dwar l-​imġiba tajba tat-​tfal żgħar fis-​Sala tas-​Saltna.

Dawn it-​tfal għala huma daqshekk iffokati fuq l-​edukazzjoni tal-​Bibbja f’dan il-​pajjiż fejn il-​biċċa l-​kbira minn nies huma Buddisti u Taoisti? Minħabba li l-​ġenituri Kristjani tagħhom applikaw prinċipji Bibliċi u bnew ħajja tal-​familja ferħana u ffokata fuq relazzjoni maʼ Ġeħova. Minħabba li l-​ġenituri taʼ Weijun jistinkaw biex jagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja u l-​ministeru taʼ l-​għalqa pjaċevoli, ħu u oħt dan it-​tifel iż-​żgħir li huma akbar minnu huma diġà Xhieda mgħammdin. Meta reċentement Weijun staqsa biex jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku, ommu qalet li dak ix-​xahar it-​tifel kien diġà ħalla iktar rivisti minn kemm ħallew il-​kumplament tal-​familja f’daqqa. M’għandniex xi ngħidu, hu jieħu gost jitkellem dwar il-​verità, jikkummenta fil-​laqgħat, u jaqsam maʼ ħaddieħor dak kollu li jkun tgħallem.

Hekk Kif it-​Tfal Jikbru

X’jagħmlu tfal bħal dawn hekk kif jikbru? Ħafna jkomplu juru mħabba vera għal Ġeħova u għall-​ministeru. Per eżempju, Huiping hija studenta. Ġurnata minnhom l-​għalliem tagħha semma li l-​membri taʼ reliġjon partikulari ma jaċċettawx demm imma ma kienx jaf min huma. Wara li l-​istudenti ħarġu mill-​klassi, din iż-​żagħżugħa Kristjana spjegat lill-​għalliem tagħha li l-​grupp li hu rrefera għalih huwa x-​Xhieda taʼ Ġeħova u spjegatlu għala huma jieħdu deċiżjoni bħal din.

Għalliema oħra wriet vidjo dwar il-​mard trasmess sesswalment. Il-​vidjo semma l-​1 Korintin 6:​9, imma l-​għalliema qalet li l-​Bibbja ma tikkundannax l-​omosesswalità. Għal darb’oħra Huiping kienet kapaċi tispjega lill-​għalliema l-​ħarsa t’Alla lejn din il-​kwistjoni.

Meta Shuxia, ħabiba fil-​klassi tagħha, kienet qed tipprepara rapport dwar il-​vjolenza fil-​familja, Huiping tatha l-​Awake! tat-​8 taʼ Novembru, 2001, bit-​titlu “Help for Battered Women” (Għajnuna għan-​Nisa Msawta) u spjegat li dan kien fih ħafna informazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja dwar dan is-​suġġett. Maż-​żmien, Shuxia saret pubblikatriċi mhix mgħammda. Issa, hi u Huiping qed jaqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn.

Għal ħafna Kristjani fl-​iskola jkun taʼ sfida li jkunu magħrufin bħala nies li jgħixu mal-​prinċipji Bibliċi. Dan jiġri speċjalment fi rħula żgħar fil-​kampanja. Zhihao kellu jkampa mal-​pressjoni minn dawk taʼ mparu minħabba l-​fidi tiegħu u l-​attività taʼ l-​ippridkar. Hu jgħid: “Tant kont inħossni frustrat li kont nibżaʼ niltaqaʼ maʼ sħabi tal-​klassi meta kont nieħu sehem fil-​ministeru. Xi drabi, kien ikun hemm għaxra minnhom jgħajruni!” Ġurnata minnhom, l-​għalliem inkariga lil Zhihao biex ikellem lill-​klassi dwar ir-​reliġjon tiegħu. “Iddeċidejt li nibda d-​diskors b’Ġenesi kapitlu 1 u mbagħad niddiskuti mistoqsijiet bħal: Min ħalaq l-​art u l-​affarijiet kollha li fiha? U kif beda jeżisti l-​bniedem? Malli bdejt naqra mill-​Iskrittura, xi wħud bdew jidħqu bija, u jgħidu li jien kont superstizzjuż. Madankollu, jien komplejt nitkellem u spiċċajt id-​diskors tiegħi. Wara dan, kelli l-​opportunità li nitkellem maʼ ftit minn sħabi tal-​klassi b’mod individwali dwar ix-​xogħol u t-​twemmin tagħna. Issa, m’għadhomx jidħqu bija meta jarawni fil-​ministeru!”

Zhihao jkompli jgħid: “Peress li l-​ġenituri tiegħi huma Xhieda, aħna niddiskutu l-​iskrittura tal-​jum kull fil-​għodu. Ukoll, nistudjaw il-​Bibbja u nattendu l-​laqgħat b’mod regulari. B’hekk inkun nistaʼ niffaċċja lil kulmin forsi għadu jrid iwaqqagħni għaċ-​ċajt meta nkun qed nipprova naqsam veritajiet li jsaħħuk mill-​Bibbja m’oħrajn.”

Tingmei hija studenta fl-​iskola tas-​snajjaʼ tal-​bniet. Darba minnhom ġiet mistiedna biex tmur piknik maʼ wħud minn sħabha tal-​klassi flimkien maʼ xi subien minn skola oħra. Hi setgħet tara l-​periklu morali fi sħubija bħal din u ddeċidiet li ma tmurx. Ġiet mistiedna diversi drabi, avolja hi tkellmet maʼ sħabha tal-​klassi dwar punti tajbin fil-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.a It-​tfajliet għaddewha biż-​żmien u qalulha li kienet antikwata. Madankollu, l-​għaqal minħabba li segwiet prinċipji Bibliċi ma damx ma spikka meta waħda mit-​tfajliet ħarġet tqila u għamlet abort. Tingmei tgħid: “Li nagħmel dak li jgħid Ġeħova ħallieni b’kuxjenza nadifa. B’riżultat taʼ dan, għandi ferħ ġewwieni u nħoss sodisfazzjon kbir.”

Jingħelbu l-​Ostakli li Jfixklu t-​Tkabbir

Waħda mill-​ħbieb kbar taʼ Tingmei hija Ruiwen. Meta kienet iżgħar, Ruiwen kienet tħoss li l-​fatt li tmur il-​laqgħat Kristjani u li tieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa sempliċement kienet rutina tad-​dwejjaq. Madankollu, meta rat id-​differenza bejn l-​imħabba ġenwina taʼ dawk fil-​kongregazzjoni tagħha u l-​ħbiberija superfiċjali taʼ sħabha tal-​klassi, hi kkonvinċiet ruħha li kellha bżonn tagħmel xi bidliet f’ħajjitha. Ruiwen bdiet tippriedka lil sħabha taʼ l-​iskola u ma damitx ma rrealizzat b’mod iktar ċar x’kellha bżonn tagħmel. Hi bdiet taqdi bħala pijuniera awżiljarja billi tqattaʼ iktar minn 50 siegħa kull xahar fil-​ministeru. Imbagħad, hi bdiet taqdi bħala pijuniera regulari billi tqattaʼ iktar minn 70 siegħa kull xahar fis-​servizz. Ruiwen tgħid: “Huwa diffiċli għalija biex nesprimi l-​gratitudni tiegħi lil Ġeħova. Hu qatt ma qataʼ qalbu minni. Għalkemm għamilt affarijiet li ddiżappuntawh, hu xorta jħobbni. Ommi u oħrajn fil-​kongregazzjoni wrewni l-​istess attitudni mimlija mħabba. Issa li qed nikkonduċi ħames studji tal-​Bibbja nħoss li qed nieħu sehem fl-​iktar xogħol sodisfaċenti.”

Fi skola sekondarja tar-​raħal, żewġ subien Xhieda ġew inkarigati biex jirrappreżentaw l-​iskola f’kompetizzjoni taʼ żfin folkloristiku. Meta raw x’tip taʼ kompetizzjoni kienet din, ix-​Xhieda żgħażagħ ħassew li jekk kienu se jieħdu sehem kienu se jmorru kontra l-​kuxjenza Kristjana tagħhom. Meta pprovaw jispjegaw il-​ħarsa tagħhom u staqsew biex ma jiħdux sehem, it-​talba tagħhom ma ġietx milqugħa. Minflok, l-​għalliema qalulhom li peress li kienu ġew inkarigati, kellhom jipparteċipaw. Peress li ma ridux jagħmlu kompromess, ix-​Xhieda żgħażagħ daħlu fuq il-​Web site tad-​dipartiment taʼ l-​edukazzjoni u bagħtu ittra li fiha spjegaw il-​problema tagħhom. Għalkemm iż-​żgħażagħ ma ħadux tweġiba b’mod persunali, l-​iskola ma damitx ma rċiviet istruzzjoni biex ħadd ma jiġi sforzat jieħu sehem f’kompetizzjoni bħal din. Kemm ferħu dawn iż-​żewġ żgħażagħ meta raw li t-​taħriġ mill-​Bibbja li kienu rċivew mhux biss sawwar il-​kuxjenza tagħhom imma wkoll tahom is-​saħħa biex jibqgħu sodi għal dak li kien ġust!

Anki wħud li huma limitati fiżikament jieħdu ħafna pjaċir jaqsmu t-​tama tagħhom tal-​Bibbja m’oħrajn. Minyu ilha paralizzata mit-​twelid. Peress li ma tistax tuża idejha, hi ddawwar il-​paġni tal-​Bibbja b’ilsienha u ssib l-​iskrittura li tkun trid taqra. Waqt l-​inkarigi tagħha fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku fis-​Sala tas-​Saltna, hi timtedd fuq sufan baxx, u l-​assistenta tagħha toqgħod bil-​qiegħda fuq banketta baxxa u żżomm il-​mikrofonu għaliha. Kemm huwa inkuraġġanti li tara l-​isforzi taʼ Minyu biex tipprepara dawn it-​taħditiet!

Meta Minyu riedet issir pubblikatriċi tas-​Saltna, xi aħwa nisa fil-​kongregazzjoni tgħallmu kif jagħtu xiehda bit-​telefon sabiex ikunu jistgħu jgħinuha. Hi tagħfas il-​buttuni bi lsienha filwaqt li l-​aħwa nisa jgħinuha tieħu nota taż-​żjajjar tagħha. Hi tant tieħu pjaċir fix-​xogħol li issa qed taqdi bħala pijuniera awżiljarja, u tqattaʼ minn 50 sa 60 siegħa kull xahar titkellem m’oħrajn fuq it-​telefon dwar is-​Saltna t’Alla. Hi sabet uħud li jaċċettaw letteratura Biblika u jagħtuha ċ-​ċans li terġaʼ żżurhom. Issa, hi qed tikkonduċi tliet studji tal-​Bibbja maʼ individwi li għamlet kuntatt magħhom b’dan il-​mod.

Iva, bħal nida rifreskanti, il-​ġuvintur​—u t-​tfajliet​—fit-​78 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fit-​Tajwan, minn jeddhom u b’mod żeluż qegħdin iwasslu l-​aħbar tajba tas-​Saltna li tagħti l-​ħajja lil miljuni kbar taʼ nies fuq din il-​gżira li għandha popolazzjoni kbira. Din hija biss parti żgħira mit-​twettiq mad-​dinja kollha tal-​profezija tal-​Bibbja msemmija hawn: “Il-​poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-​qawwa tiegħek, fuq l-​iġbla mqaddsa; minn ġuf is-​sebħ lejk (jiġu) bħan-​nida ż-​żgħażagħ tiegħek.” (Salm 110:​3, Saydon) X’sors taʼ inkuraġġiment huma dawn iż-​żgħażagħ għall-​uħud akbar minnhom fost il-​ħaddiema sħabhom, u fuq kollox, x’sors taʼ ferħ huma dawn għal Missierhom tas-​sema, Alla Ġeħova!​—Proverbji 27:11.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]

HEMM BŻONN TAʼ IKTAR SWALI TAS-​SALTNA

Minħabba ż-​żjieda fl-​għadd taʼ pubblikaturi fit-​Tajwan, huwa diffiċli ferm li jkollok biżżejjed Swali tas-​Saltna. Għala? Għaliex art adattata għal bini taʼ Swali tas-​Saltna kważi m’għadx fadal, jekk mhux f’xi nħawi rurali. Iktar minn hekk, il-​prezzijiet taʼ l-​art huma verament għoljin, u l-​liġijiet taż-​żoni huma stretti. Fi rħula u bliet akbar, l-​unika alternattiva hija li jinxtara bini disinjat għall-​użu t’uffiċċji u jiġi mibdul fi Swali tas-​Saltna. Ukoll, ħafna mill-​uffiċċji għandhom soqfa baxxi ħafna, ħlas għoli għall-​manutenzjoni, aċċess limitat, jew fatturi oħrajn li ma jagħmluhomx adattati għall-​użu taʼ Swali tas-​Saltna.

Minkejja dan, fi snin reċenti, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fit-​Tajwan setgħu jiksbu għadd taʼ Swali tas-​Saltna ġodda. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jfittxu proprjetajiet ġodda, filwaqt li minn rajhom jieħdu ħsieb l-​ispejjeż li dejjem qed jiżdiedu, permezz tal-​kontribuzzjonijiet volontarji tagħhom, kif ukoll biex jiżviluppaw is-​sengħa għal bini li jkun hemm bżonn isir.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja