LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/1 pp. 8-12
  • Nibbenefika mil-Lealtà tal-Maħbubin Tiegħi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nibbenefika mil-Lealtà tal-Maħbubin Tiegħi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Familja Akbar
  • Konvenzjoni Speċjali Għalina
  • Ġrajjiet li Effettwaw lil Ħajti
  • Iż-​Żwieġ u x-​Xogħol taʼ l-​Ivvjaġġar
  • Bidliet fil-​Familja
  • Inkampaw mal-​Marda taʼ John
  • Sfidi Ġodda
  • Niġi Inkuraġġita
  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imbierka B’Wirt Speċjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Infittxu l-Ewwel is-Saltna—Ħajja Hienja u fis-Sigurtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/1 pp. 8-12

Bijografija

Nibbenefika mil-​Lealtà tal-​Maħbubin Tiegħi

KIF RAKKONTATA MINN KATHLEEN COOKE

META kienet qed iżżur xi qraba fi Glasgow, l-​Iskozja, fl-​1911, nannti Mary Ellen Thompson attendiet taħdita taʼ Charles Taze Russell, membru prominenti taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, iktar tard magħrufin bħala x-​Xhieda taʼ Ġeħova. Nannti kienet ferħana ħafna b’dak li semgħet. Meta rritornat l-​Afrika t’Isfel, hi kkuntatjat lill-​Istudenti tal-​Bibbja lokali. F’April taʼ l-​1914, hi kienet waħda mis-​16-il persuna li tgħammdu fl-​ewwel konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja fl-​Afrika t’Isfel. Ommi, Edith, li kienet bintha, dak iż-​żmien kellha sitt snin.

Wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell fl-​1916, kien hemm nuqqas taʼ qbil fost l-​Istudenti tal-​Bibbja madwar id-​dinja. L-​għadd taʼ wħud leali f’Durban naqas minn 60 għal xi 12-il ruħ. Nannti Ingeborg Myrdal, li tiġi omm missieri, u Henry, binha, ġuvnott li kien għadu kif tgħammed, kienu fost dawk li baqgħu leali. Fl-​1924, Henry sar colporteur, kif kienu magħrufin il-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien. Hu ppriedka f’ħafna postijiet fin-​nofsinhar taʼ l-​Afrika għall-​ħames snin taʼ wara. Fl-​1930, Henry u Edith iżżewġu, u tliet snin wara twelidt jien.

Familja Akbar

Għal ftit taż-​żmien konna ngħixu fil-​Możambik, imma fl-​1939 morna noqgħodu man-​nanna u n-​nannu Thompson f’Johannesburg. In-​nannu ma kellu ebda interess fil-​verità Biblika u kultant kien jopponi lin-​nanna, imma minkejja dan kien ospitabbli ħafna. Oħti, Thelma, twieldet fl-​1940, u t-​tnejn li aħna tgħallimna kif nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ wħud imħaddlin fiż-​żmien. Ħafna drabi l-​ikla taʼ fil-​għaxija kienet iddum għax konna noqogħdu nirrakontaw xi nkunu għamilna matul il-​ġurnata jew nitkellmu dwar il-​passat.

Il-familja tagħna kienet tieħu pjaċir bil-​kumpanija taʼ Xhieda oħrajn li kienu jiġu jżuruna, speċjalment dawk fil-​ministeru full-time. Kienu jingħaqdu magħna fil-​konversazzjoni waqt l-​ikla taʼ fil-​għaxija, u l-​espressjonijiet tagħhom kabbru l-​apprezzament tagħna għall-​wirt spiritwali li kellna. Dan saħħaħ ix-​xewqa tiegħi u taʼ Thelma biex insiru pijunieri bħalhom.

Minn età żgħira ħafna ġejna mgħallmin nieħdu pjaċir naqraw. Ommi, missieri, u n-​nanna kienu jaqrawlna stejjer pjaċevoli minn kotba tajbin jew direttament mill-​Bibbja. Il-​laqgħat Kristjani u l-​ministeru kienu parti essenzjali minn ħajjitna. Missieri kien il-​qaddej tal-​kumpanija (issa msejjaħ l-​indokratur li jippresiedi) għall-​Kongregazzjoni taʼ Johannesburg, u għalhekk kollha kellna naslu kmieni għal-​laqgħat. Meta kien ikollna xi konvenzjoni, missieri kien ikollu ħafna x’jagħmel fl-​amministrazzjoni, filwaqt li ommi kienet tgħin lid-​delegati biex isibu akkomodazzjoni.

Konvenzjoni Speċjali Għalina

Il-​konvenzjoni li saret fl-​1948 f’Johannesburg kienet speċjali. Għall-​ewwel darba, kien hemm preżenti membri mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Missieri ngħata l-​inkarigu biex ikun is-​sewwieq għal Nathan Knorr u Milton Henschel bil-​karozza tiegħu għal matul iż-​żjara tagħhom kollha. F’din il-​konvenzjoni, jien tgħammidt.

Ftit taż-​żmien wara, missieri baqaʼ sorpriż meta missieru qallu li ddispjaċieh ħafna li wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell, hu kien ħalla lilu nnifsu jiġi effettwat minn dawk li kienu telqu lill-​Istudenti tal-​Bibbja. Mill-​banda l-​oħra, in-​nanna Myrdal baqgħet leali sakemm temmet il-​ħajja tagħha fuq l-​art fl-​1955.

Ġrajjiet li Effettwaw lil Ħajti

Bdejt naqdi bħala pijuniera regulari fl-​1 taʼ Frar, 1949. Ftit taż-​żmien wara, kien hemm avviż dwar konvenzjoni internazzjonali li kellha tinżamm fil-​belt taʼ New York is-​sena taʼ wara u dan qajjem eċċitament kbir. Aħna tassew ridna mmorru, imma ma kellniex il-​finanzi meħtieġa. Imbagħad, fi Frar taʼ l-​1950, in-​nannu Thompson miet, u n-​nanna użat il-​flus li wirtet biex tħallas il-​passaġġ għall-​ħamsa li aħna.

Ftit tal-​ġimgħat qabel ma kellna nitilqu, waslet ittra mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Kienet stedina biex nattendi s-​16-il klassi taʼ Gilgħad, l-​iskola għall-​missjunarji. Xi ġrajja eċċitanti, għax jien kont għadni m’għalaqtx is-​17-il sena! Meta l-​iskola bdiet, jien kont fost l-​għaxar studenti mill-​Afrika t’Isfel li gawdejna dan il-​privileġġ kbir.

Wara l-​gradwazzjoni tagħna fi Frar taʼ l-​1951, tmienja minna rritornajna biex naqdu bħala missjunarji fl-​Afrika t’Isfel. Għall-​ewwel ftit snin, jien u oħt oħra ppridkajna l-​iktar fi bliet żgħar fejn kienu jitkellmu bl-​Afrikaans. Għall-​ewwel ma kontx naf nitkellem b’din il-​lingwa, u niftakar li ġurnata minnhom waqt li kont sejra lura d-​dar fuq ir-​rota bdejt nibki għax ma kontx effettiva fil-​ministeru. Madankollu, maż-​żmien għamilt progress u Ġeħova bierek l-​isforzi tiegħi.

Iż-​Żwieġ u x-​Xogħol taʼ l-​Ivvjaġġar

Fl-​1955 sirt naf lil John Cooke. Hu kien għen biex jinbeda x-​xogħol taʼ l-​ippridkar fi Franza, il-​Portugall, u Spanja qabel u wara t-​tieni gwerra dinjija u kien ġie bħala missjunarju fl-​Afrika s-​sena li lqtajt miegħu jien. Iktar tard hu kiteb: “Kelli tliet soprizi f’ġimgħa waħda . . . Ħu ġeneruż ħafna tani karozza żgħira; ġejt maħtur bħala qaddej tad-​distrett; u sibt il-​maħbuba tiegħi.”a Iżżewwiġna f’Diċembru taʼ l-​1957.

Matul l-​għerusija tagħna, John assigurani li l-​ħajja miegħu dejjem kienet se tkun eċċitanti, u sewwa qal. Aħna konna nżuru kongregazzjonijiet madwar l-​Afrika t’Isfel, l-​iktar f’postijiet fejn kienu jgħixu s-​suwed. Kull ġimgħa kienet sfida biex niksbu l-​permess biex sempliċement nidħlu f’dawn il-​postijiet, aħseb u ara kemm kienu se jħalluna norqdu hemm. Kultant, konna norqdu maʼ l-​art f’ħanut vojt f’post fejn kienu joqogħdu l-​bojod, u konna nipprovaw ma nagħtux fl-​għajn. Ġeneralment kien ikollna noqogħdu max-​Xhieda bojod li kienu jgħixu l-​iktar viċin, li spiss kienu jkunu ħafna kilometri ’l bogħod.

Kellna wkoll niffaċċjaw l-​isfida li nużaw faċilitajiet sempliċi għall-​assembleat mibnijin fil-​bosk. Konna nuru filmati maħruġin mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li għenu lin-​nies jiksbu apprezzament għall-​fratellanza tagħna madwar id-​dinja. Konna nieħdu l-​ġeneratur tagħna, ladarba dawn il-​postijiet ġeneralment ma kellhomx elettriku. Kellna wkoll inkampaw mad-​diffikultajiet f’postijiet li kienu taħt il-​ħakma tal-​Britannja fejn il-​letteratura tagħna kienet projbita, kif ukoll maʼ l-​isfida li nitgħallmu l-​lingwa taż-​Żulu. Madankollu, konna ferħanin li stajna naqdu lil ħutna.

F’Awissu taʼ l-​1961, John sar l-​ewwel għalliem fl-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna fl-​Afrika t’Isfel li ddum erbaʼ ġimgħat u li kienet disinjata biex tgħin lill-​indokraturi tal-​kongregazzjonijiet. Hu kien bravu fl-​arti tat-​tagħlim u mess il-​qlub bil-​loġika sempliċi tiegħu u t-​tixbihat vivaċi li kien juża. Għal kważi sena u nofs, konna nivvjaġġaw minn post għall-​ieħor għal klassi wara l-​oħra li kienu jinżammu bl-​Ingliż. Waqt li John kien jgħallem, jien kont nieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa max-​Xhieda lokali. Imbagħad, ħadna sorpriża meta rċivejna ittra li stidnitna biex immorru naqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa fl-​Afrika t’Isfel ħdejn Johannesburg b’seħħ mill-​1 taʼ Lulju, 1964.

Però, f’dan il-​perijodu s-​saħħa taʼ John bdiet tħassibna xi ftit. Fl-​1948 qabditu t-​tuberkulosi u wara dan spiss kien iħossu bla enerġija. Hu esperjenza sintomi bħal taʼ l-​influwenza u kien ikun marid għal ġranet sħaħ​—ma setaʼ jagħmel xejn jew jara lil ħadd. Tabib li kkonsultajna ftit qabel ma ġejna mitlubin biex naqdu fil-​fergħa qalilna li John kien qed ibati mid-​dipressjoni.

Aħna lanqas biss kien jgħaddilna minn moħħna li nagħmlu inqas fis-​servizz tagħna, bħalma kien issuġġerixxa t-​tabib. Fil-​fergħa, John ġie inkarigat fid-​Dipartiment tas-​Servizz, u jien fil-​proofreading. U x’barka kienet li jkollna l-​kamra tagħna! John kien qeda f’territorji fejn kienu jitkellmu bil-​Portugiż qabel ma żżewwiġna, allura fl-​1967 ġejna mitlubin biex ngħinu l-​unika familja Portugiża li kienu Xhieda lokali biex nippridkaw lill-​komunità kbira taʼ Portugiżi ġo u madwar Johannesburg. Dan kien ifisser li kelli nerġaʼ nitgħallem lingwa oħra.

Minħabba li l-​komunità Portugiża kienet mifruxa ħafna, kellna nivvjaġġaw ħafna​—kultant sa 300 kilometru biex nilħqu lil dawk taʼ qalb onesta. Sadanittant, Xhieda li kienu jitkellmu bil-​Portugiż mill-​Możambik bdew iżuruna fi żmien l-​assembleat, u dan kien t’għajnuna kbira għal dawk l-​uħud ġodda. Matul il-​11-il sena li għamilna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar bil-​Portugiż, rajna l-​grupp żgħir tagħna taʼ madwar 30 ruħ jiffjorixxi f’erbaʼ kongregazzjonijiet.

Bidliet fil-​Familja

Sadanittant, kien hemm bidliet fid-​dar tal-​ġenituri tiegħi. Fl-​1960 oħti, Thelma, iżżewġet lil John Urban, pijunier mill-​Istati Uniti. Fl-​1965 attendew l-​40 klassi taʼ Gilgħad u qdew lealment bħala missjunarji fil-​Brażil għal 25 sena. Fl-​1990 irritornaw Ohio biex jieħdu ħsieb il-​ġenituri taʼ John li kienu morda. Minkejja l-​istress li esperjenzaw hekk kif jieħdu ħsieb il-​ġenituri taʼ John, huma għadhom fil-​ministeru full-time sa llum.

In-nanna Thompson temmet il-​ħajja tagħha fuq l-​art fl-​1965, u kienet għadha leali lejn Alla fl-​età taʼ 98 sena. Missieri rtira mix-​xogħol sekulari fl-​istess sena. Għalhekk, meta jien u John ġejna mitlubin biex ngħinu fil-​qasam lokali tal-​Portugiż, ommi u missieri ngħaqdu magħna. Huma għenu ħafna biex dan il-​grupp jissaħħaħ u wara ftit xhur ġiet ifformata l-​ewwel kongregazzjoni. Ftit taż-​żmien wara, ommi bdiet tħoss l-​effetti tal-​kanċer, li ħadilha ħajjitha fl-​1971. Missieri miet sebaʼ snin wara.

Inkampaw mal-​Marda taʼ John

Sas-​snin 70, deher ċar li s-​saħħa taʼ John ma kinitx qed tmur għall-​aħjar. Ftit ftit kellu jitlaq uħud mill-​privileġġi taʼ servizz li hu kien jgħożż, inkluż li jikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa li l-​fergħa jkollha kull ġimgħa u d-​diskussjonijiet taʼ fil-​għodu fuq il-​Bibbja. L-​inkarigu tiegħu nbidel mid-​Dipartiment tas-​Servizz għas-​sezzjoni tal-​posta u mbagħad għal xogħol fil-​ġnien.

Minħabba d-​determinazzjoni taʼ John, kien diffiċli għalih biex jagħmel bidliet. Meta jien b’mod persistenti kont nipprova nġagħlu jnaqqas il-​pass, hu kien jinkini u jgħidli li kont qed inżommu lura​—ġeneralment flimkien maʼ tgħanniqa t’apprezzament. Eventwalment ħassejna li kellna nitilqu l-​qasam tal-​Portugiż u naqdu mal-​kongregazzjoni li kienet tiltaqaʼ fis-​Sala tas-​Saltna tal-​fergħa.

Hekk kif is-​saħħa taʼ John bdiet tmur għall-​agħar, qalbi kienet tintmess meta kont nara r-​relazzjoni intima li kellu maʼ Ġeħova. Meta John kien iqum f’nofs taʼ lejl b’dipressjoni qawwija, konna nibqgħu nitkellmu flimkien sakemm kien iħossu kalm biżżejjed biex jitlob lil Ġeħova għall-​għajnuna. Eventwalment, irnexxielu jkampa waħdu f’dawn il-​mumenti ħżiena billi kien jisforza lilu nnifsu jirripeti bil-​mod il-​mod Filippin 4:​6, 7: “Tkunu ansjużi fuq xejn . . . ” Imbagħad kien iħossu kalm biżżejjed biex jibda jitlob. Spiss kont inkun imqajma u kont noqgħod siekta nara xofftejh jiċċaqalqu waqt li kien qed jitlob bil-​ħniena lil Ġeħova.

Peress li l-​fergħa tagħna kienet saret żgħira wisq, bdiet tinbena fergħa ġdida u kbira ftit ’il bogħod minn Johannesburg. Jien u John spiss konna mmorru nżuru dan il-​post paċifiku, ’il bogħod mill-​istorbju u t-​tniġġis tal-​belt. Kien t’għajnuna kbira għal John meta ngħatajna l-​permess biex immorru noqogħdu hemm f’akkomodazzjonijiet temporanji sakemm titlesta l-​fergħa l-​ġdida.

Sfidi Ġodda

Hekk kif John kompla jitlef l-​abbiltajiet tal-​ħsieb u l-​irraġunar, sar iktar diffiċli għalih biex iwettaq l-​inkarigi tax-​xogħol tiegħu. Il-​mod kif oħrajn għenu lil John fl-​isforzi tiegħu verament messli qalbi. Per eżempju, meta xi ħu kien iżur librerija pubblika biex jagħmel ftit riċerka, kien jieħu lil John miegħu. John kien jimla l-​bwiet b’fuljetti u rivisti għal matul il-​ħarġa. Dan għen lil John biex iħossu li kien għadu kapaċi jwettaq xi ħaġa u li kien għadu t’użu.

Eventwalment, minħabba l-​marda t’Alzheimer kien impossibbli għal John biex ikun jistaʼ jaqra. Kemm konna grati għall-​kasetts tal-​letteratura Biblika u l-​għanjiet tas-​Saltna! Konna nisimgħuhom darba wara l-​oħra. Ħafna drabi, John kien iħossu frustrat jekk jien ma kontx inkun bil-​qiegħda ħdejh nismaʼ, u għalhekk kont nibqaʼ bieżla matul dawn is-​sigħat billi noqgħod naħdem is-​suf. Żgur li ma konniex neqsin mill-​ġersijiet u l-​kutri!

Maż-żmien, John kellu bżonn iktar kura mingħandi. Għalkemm spiss kont inħossni għajjiena ħafna biex naqra jew nistudja, kien taʼ privileġġ għalija li nieħu ħsiebu sa l-​aħħar taʼ ħajtu. Dan wasal fl-​1998 meta John miet fis-​skiet f’idejja ftit wara li għalaq 85 sena​—leali u sod sa l-​aħħar. Kemm inħares ’il quddiem biex niltaqaʼ miegħu fl-​irxoxt, meta saħħtu u moħħu jkunu restawrati!

Niġi Inkuraġġita

Wara l-​mewt taʼ John, ma kienx faċli għalija biex ngħix il-​ħajja waħdi. Għalhekk, f’Mejju taʼ l-​1999 żort lil oħti, Thelma, u lil żewġha fl-​Istati Uniti. Kemm kien taʼ ferħ u taʼ inkuraġġiment li niltaqaʼ maʼ ħafna wħud leali, ħbieb għeżież, speċjalment waqt iż-​żjara tagħna fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi New York! Dan tassew kien l-​inkuraġġiment spiritwali li kelli bżonn.

Meta naħseb dwar il-​ħajjiet tal-​maħbubin leali tiegħi niftakar dwar il-​ħafna affarijiet li kienu taʼ benefiċċju għalija. Permezz taʼ l-​istruzzjoni, l-​eżempju, u l-​għajnuna tagħhom, tgħallimt kif inwessaʼ qalbi fl-​imħabba tiegħi għal nies taʼ ġnus u razez oħra. Tgħallimt il-​paċenzja, is-​sabar, u kif nadatta. Fuq kollox, esperjenzajt il-​qalb tajba taʼ Ġeħova, Semmiegħ it-​talb. Inħossni bħalma ħassu s-​salmista li kiteb: “Hieni l-​bniedem li inti tagħżel u tqiegħdu jgħammar fit-​tempju tiegħek. Bil-​ġid taʼ darek nixbgħu fit-​tempju mqaddes tiegħek.”​—Salm 65:5 (65:​4, NW).

[Nota taʼ taħt]

a Ara The Watchtower taʼ l-​1 t’Awissu, 1959, paġni 468-72.

[Stampa f’paġna 8]

In-​nanna mal-​bniet tagħha

[Stampa f’paġna 9]

Mal-​ġenituri tiegħi meta tgħammidt fl-​1948

[Stampa f’paġna 10]

Maʼ Albert Schroeder, ir-​reġistratur taʼ Gilgħad, u d-​disaʼ studenti l-​oħra mill-​Afrika t’Isfel

[Stampa f’paġna 10]

Maʼ John fl-​1984

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja