LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 10/1 pp. 21-25
  • Kuraġġ Imsaħħaħ bl-Imħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kuraġġ Imsaħħaħ bl-Imħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “L-​Imħabba Hi minn Alla”
  • Il-​Kuraġġ u l-​Imħabba fl-​Azzjoni
  • Tħallix l-​Imħabba Tiegħek Tibred
  • Niffaċċjaw il-​Provi Persunali b’Kuraġġ
  • L-​Imħabba Tgħin lil Dawk li Jagħmlu l-​Ħażen Iduru Lejn Ġeħova
  • “Kun kuraġġuż . . . u aġixxi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Agħtini l-Kuraġġ
    Kanta mill-qalb lil Ġeħova
  • “Kun Kuraġġuż u Agħmel il-Ħila”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • “Agħmel il-Ħila u Qawwi Qalbek!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 10/1 pp. 21-25

Kuraġġ Imsaħħaħ bl-​Imħabba

“Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.”—2 TIMOTJU 1:7.

1, 2. (a) L-imħabba x’tistaʼ tqanqal lil dak li jkun biex jagħmel? (b) Il-​kuraġġ li wera Ġesù għala kien jispikka?

KOPPJA li kienu għadhom kif jiżżewġu kienu qed jgħoddsu bit-​tankijiet viċin taʼ raħal fil-​lvant taʼ l-​Awstralja. Kienu waslu biex jitilgħu fil-​wiċċ meta kelb il-​baħar attakka lill-​mara. B’att qalbieni, ir-​raġel warrab lill-​mara u ħalla lill-​kelb il-​baħar jaħtaf lilu. “Ta ħajtu għalija,” qalet l-​armla fil-​funeral tiegħu.

2 Iva, l-​imħabba tqanqal lill-​bnedmin juru kuraġġ li jispikka. Ġesù Kristu nnifsu qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13) Inqas minn 24 siegħa wara li Ġesù qal dan il-​kliem hu ta ħajtu stess, mhux għal persuna waħda imma għall-​umanità kollha. (Mattew 20:28) Iktar minn hekk, Ġesù ma tax ħajtu sempliċement minħabba kuraġġ li ħass dak il-​ħin. Hu kien jaf minn qabel li kien se jiġi ridikolat u abbużat, sentenzjat b’mod inġust, u mogħti l-​mewt fuq zokk tat-​tortura. Hu saħansitra pprepara lid-​dixxipli tiegħu għal dak li kellu jiġri: “Hawn aħna, telgħin Ġerusalemm, u Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u dawn jikkundannawh għall-​mewt u jagħtuh f’idejn in-​nies tal-​ġnus, u jiddieħqu bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh.”—Marku 10:​33, 34.

3. X’għen lil Ġesù juri kuraġġ tant kbir?

3 X’wassal lil Ġesù juri kuraġġ tant kbir? Il-​fidi u l-​biżaʼ minn Alla kellhom sehem importanti f’dan. (Ebrej 5:7; 12:2) Madankollu, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, il-​kuraġġ taʼ Ġesù ġie mill-​imħabba li kellu kemm għal Alla u kemm għal sħabu l-​bnedmin. (1 Ġwanni 3:16) Jekk nikkultivaw imħabba bħal din flimkien mal-​fidi u l-​biżaʼ minn Alla, aħna wkoll inkunu nistgħu nuru kuraġġ bħalma wera Kristu. (Efesin 5:2) Kif nistgħu niżviluppaw imħabba bħal din? Hemm bżonn li nirrikonoxxu s-​Sors minfejn ġejja.

“L-​Imħabba Hi minn Alla”

4. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova huwa s-​Sors taʼ l-​imħabba?

4 Ġeħova huwa kemm il-​personifikazzjoni taʼ l-​imħabba kif ukoll is-​Sors tagħha. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, ħa nkomplu nħobbu lil xulxin, għax l-​imħabba hi minn Alla, u kulmin iħobb twieled minn Alla u jsir jaf dwar Alla. Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:​7, 8) Għalhekk, l-​imħabba bħalma juriha Alla tistaʼ tiżviluppa f’individwu biss jekk hu jersaq qrib Ġeħova permezz taʼ l-​għarfien eżatt u jaġixxi fuq dak l-​għarfien b’ubbidjenza mill-​qalb.—Filippin 1:9; Ġakbu 4:8; 1 Ġwanni 5:3.

5, 6. X’għen lis-​segwaċi tal-​bidu taʼ Ġesù jiżviluppaw imħabba bħal taʼ Kristu?

5 Fl-​aħħar talba tiegħu mal-​11-il appostlu leali li kellu, Ġesù wera li hemm konnessjoni bejn li tkun taf lil Alla u li l-​imħabba tikber meta qal: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-​imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.” (Ġwanni 17:26) Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu jiżviluppaw it-​tip taʼ mħabba li teżisti bejnu u bejn Missieru, billi wera kemm bil-​kliem u kemm bl-​eżempju dak li isem Alla jirrappreżenta—il-​kwalitajiet meraviljużi t’Alla. Għalhekk, Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.”—Ġwanni 14:​9, 10; 17:8.

6 L-​imħabba bħal taʼ Kristu hija prodott taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22) Meta l-​Kristjani tal-​bidu rċivew l-​ispirtu qaddis imwiegħed f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., huma mhux biss ftakru l-​ħafna affarijiet li Ġesù kien għallimhom imma wkoll fehmu sew it-​tifsira taʼ l-​Iskrittura. Milli jidher il-​fatt li kellhom iktar dehen saħħaħ l-​imħabba tagħhom għal Alla. (Ġwanni 14:26; 15:26) X’kien ir-​riżultat? Anki meta ħajjithom kienet fil-​periklu, huma ppridkaw l-​aħbar tajba b’kuraġġ u żelu.—Atti 5:​28, 29.

Il-​Kuraġġ u l-​Imħabba fl-​Azzjoni

7. Pawlu u Barnaba x’kellhom jissaportu fil-​vjaġġ missjunarju li għamlu flimkien?

7 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.” (2 Timotju 1:7) Pawlu kien qed jitkellem mill-​esperjenza persunali. Ikkunsidra dak li hu u Barnaba għaddew minnu fuq il-​vjaġġ missjunarju tagħhom flimkien. Huma ppridkaw f’numru taʼ bliet inkluż Antjokja, Ikonju, u Listra. F’kull belt, xi wħud saru jemmnu, imma oħrajn kienu jopponu b’mod ostili. (Atti 13:​2, 14, 45, 50; 14:​1, 5) F’Listra folla rrabjata saħansitra ħaġġret lil Pawlu, u kważi ħallietu mejjet! “Madankollu, meta daru miegħu d-​dixxipli, qam u daħal il-​belt. U l-​għada telaq maʼ Barnaba lejn Derbe.”—Atti 14:​6, 19, 20.

8. Il-​kuraġġ li wrew Pawlu u Barnaba kif irrifletta l-​imħabba profonda għan-​nies?

8 L-​attentat fuq ħajjet Pawlu beżżagħhom lilu u lil Barnaba biex ma jibqgħux jippridkaw? Għall-​kuntrarju! Wara li “għamlu ftit dixxipli mhux ħażin” f’Derbe, iż-​żewġt irġiel “reġgħu marru Listra u Ikonju u Antjokja.” Għala? Sabiex jinkuraġġixxu lil dawk li kienu ġodda biex jibqgħu sħaħ fil-​fidi. “Jeħtieġ li fis-​saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet,” qalu Pawlu u Barnaba. Jidher ċar li l-​kuraġġ ġie minn imħabba profonda għan-​“nagħaġ ċkejknin” taʼ Kristu. (Atti 14:​21-23; Ġwanni 21:​15-17) Wara li ħatru anzjani f’kull kongregazzjoni ġdida, iż-​żewġ aħwa offrew talba u “rħewhom f’idejn Ġeħova li kienu saru jemmnu fih.”

9. L-​anzjani minn Efesu kif wieġbu għall-​imħabba li Pawlu kellu għalihom?

9 Pawlu tant kien bniedem mimli mħabba u kuraġġ li ħafna mill-​Kristjani tal-​bidu saru jħobbuh ħafna. Ftakar x’kien ġara f’laqgħa li Pawlu kellu maʼ l-​anzjani minn Efesu, fejn hu kien qattaʼ tliet snin u kien esperjenza ħafna oppożizzjoni. (Atti 20:​17-31) Wara li inkuraġġiehom biex jirgħu l-​merħla li Alla kien fdalhom, Pawlu niżel għarkopptejh magħhom u talab. Imbagħad, “ilkoll infexxew jibku u nxteħtu fuq għonq Pawlu u bisuh b’tenerezza, għax l-​iktar li nikkithom kien il-​kliem li qalilhom, li ma kinux se jaraw lil wiċċu iktar.” Kemm kienu jħobbuh dawn l-​aħwa lil Pawlu! Tabilħaqq, meta wasal iż-​żmien biex jitilqu, l-​anzjani lokali ma kellhomx qalb jarawhom sejrin u Pawlu u sħabu li kienu jivvjaġġaw miegħu sabuha diffiċli ħafna biex jitilquhom.—Atti 20:36–21:1.

10. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova taʼ llum kif urew imħabba kuraġġuża għal xulxin?

10 Illum, l-​indokraturi li jivvjaġġaw, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u ħafna oħrajn huma maħbubin ħafna minħabba l-​kuraġġ li juru għan-​nagħaġ taʼ Ġeħova. Per eżempju, f’pajjiżi mifnijin mill-​gwerer ċivili jew fejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huwa ristrett, l-​indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom irriskjaw ħajjithom u l-​libertà tagħhom biex iżuru lill-​kongregazzjonijiet. Bl-​istess mod, ħafna Xhieda sofrew taħt idejn ħakkiema ostili u dawk li jappoġġawhom minħabba li huma ma ttradewx lil sħabhom ix-​Xhieda u lanqas kixfu minfejn kienu qed jirċievu l-​ikel spiritwali. Eluf t’oħrajn kienu persegwitati, torturati, u saħansitra maqtulin minħabba li huma la waqfu jippridkaw l-​aħbar tajba u lanqas waqfu jissieħbu maʼ sħabhom fit-​twemmin fil-​laqgħat Kristjani. (Atti 5:​28, 29; Ebrej 10:​24, 25) Jalla nimitaw il-​fidi u l-​imħabba t’aħwa kuraġġużi bħal dawn!—1 Tessalonikin 1:6.

Tħallix l-​Imħabba Tiegħek Tibred

11. Satana b’liema modi jiġġieled kontra l-​qaddejja taʼ Ġeħova, u x’jeħtieġ li jagħmlu?

11 Meta Satana ġie mitfugħ ’l isfel lejn l-​art, hu kien determinat li jisfoga r-​rabja tiegħu fuq il-​qaddejja taʼ Ġeħova minħabba li “josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:​9, 17) Waħda mit-​tattiki li juża x-​Xitan hi l-​persekuzzjoni. Madankollu, spiss din l-​istrateġija taħdem kontrih għax din iġġiegħel lill-​poplu t’Alla jersaq eqreb lejn xulxin fir-​rabtiet taʼ mħabba Kristjana u tqanqal lil ħafna biex juru iktar żelu. Tattika oħra li Satana juża hi li jappella għall-​inklinazzjonijiet umani midinbin. Biex nirreżistu din l-​istrateġija hemm bżonn tip ieħor taʼ kuraġġ għax il-​ġlieda hija waħda minn ġewwa, kontra x-​xewqat mhux xierqa li hemm fil-​‘qalb qarrieqa’ tagħna.—Ġeremija 17:9; Ġakbu 1:​14, 15.

12. Satana kif juża “l-​ispirtu tad-​dinja” fl-​attentat tiegħu li jdgħajjef l-​imħabba tagħna għal Alla?

12 Fl-​armerija taʼ Satana hemm arma qawwija oħra—“l-​ispirtu tad-​dinja,” jiġifieri, l-​inklinazzjoni jew il-​motivazzjoni dominanti tagħha, li tmur direttament kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla. (1 Korintin 2:12) L-​ispirtu tad-​dinja jinkuraġġixxi r-​regħba u l-​materjaliżmu—“ix-​xewqa taʼ l-​għajnejn.” (1 Ġwanni 2:16; 1 Timotju 6:​9, 10) Għalkemm l-​affarijiet materjali u l-​flus fihom infushom m’humiex taʼ ħsara, jekk l-​imħabba għalihom tkun akbar mill-​imħabba għal Alla, mela Satana jkun ħareġ rebbieħ. Il-​qawwa, jew “l-​awtorità,” taʼ l-​ispirtu tad-​dinja qiegħda fil-​mod kif jappella għall-​ġisem midneb, fil-​mod kif jidħol fin fin, kif ma jieqaf qatt, u kif jinxtered bħall-​arja maʼ kullimkien. Tħallix l-​ispirtu tad-​dinja jinfettalek qalbek!—Efesin 2:​2, 3; Proverbji 4:23.

13. Il-​kuraġġ biex inżommu l-​indafa morali kif jistaʼ jiġi ttestjat?

13 Madankollu, sabiex nirreżistu u nwarrbu l-​ispirtu mill-​agħar tad-​dinja hemm bżonn li jkollna kuraġġ biex inżommu l-​indafa morali. Per eżempju, jeħtieġ kuraġġ biex tqum u titlaq mit-​teatru jew titfi l-​kompjuter jew it-​televixin meta jkun hemm xi xena indeċenti. Jeħtieġ kuraġġ biex tirreżisti pressjoni negattiva minn dawk taʼ mparek u biex taqtaʼ minn sħubija ħażina. Bl-​istess mod, jeħtieġ kuraġġ biex iżżomm mal-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla meta tkun qed tiġi ridikolat, kemm jekk minn sħabek taʼ l-​iskola, kif ukoll minn sħabek taʼ fuq ix-​xogħol, ġirien, jew qraba.—1 Korintin 15:33; 1 Ġwanni 5:19.

14. X’għandna nagħmlu jekk ġejna infettati mill-​ispirtu tad-​dinja?

14 Mela għalhekk, kemm huwa importanti li nsaħħu l-​imħabba tagħna għal Alla u għal ħutna spiritwali! Ħu l-​ħin biex teżamina l-​miri tiegħek u ħajtek sabiex tara jekk l-​ispirtu tad-​dinja infettakx b’xi mod. Jekk iva—anki jekk ftit—itlob lil Ġeħova għall-​kuraġġ biex tqaċċtu ’l barra darba għal dejjem. Ġeħova mhux se jinjora talb sinċier bħal dan. (Salm 51:19 [51:​17, NW]) Iktar minn hekk, l-​ispirtu tiegħu huwa bil-​wisq iktar qawwi minn dak tad-​dinja.—1 Ġwanni 4:4.

Niffaċċjaw il-​Provi Persunali b’Kuraġġ

15, 16. L-​imħabba bħal taʼ Kristu kif tgħinna nkampaw maʼ provi persunali? Agħti eżempju.

15 Sfidi oħra li l-​qaddejja taʼ Ġeħova jridu jissieltu magħhom jinkludu l-​effetti taʼ l-​imperfezzjoni u xxjuħija, li ħafna drabi jirriżultaw f’mard, diżabilità, dipressjoni, u ħafna problemi oħrajn. (Rumani 8:22) L-​imħabba bħal taʼ Kristu tistaʼ tgħinna nkampaw maʼ dawn il-​provi. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Namangolwa, li trabbiet ġo familja Kristjana fiz-​Zambja. Namangolwa kellha diżabilità minn mindu kellha sentejn. “Kont konxja tiegħi nnifsi,” tgħid hi, “kont naħseb li l-​apparenza tiegħi kienet se taħsad lin-​nies. Imma ħuti spiritwali għenuni nara l-​affarijiet b’mod differenti. B’riżultat taʼ dan, ma bqajtx konxja tiegħi nnifsi, u maż-​żmien tgħammidt.”

16 Għalkemm Namangolwa għandha siġġu tar-​roti, ħafna drabi jkollha timxi fuq idejha u rkopptejha meta tgħaddi minn toroq maħmuġin u kollhom ramel. Madankollu, hi tieħu sehem fil-​ministeru bħala pijuniera awżiljarja minn taʼ l-​inqas darbtejn f’sena. Waħda mill-​inkwilini nfaqgħet tibki meta Namangolwa bdiet tagħtiha xiehda. Għala? Għax kienet verament imqanqla mill-​fidi u l-​kuraġġ t’oħtna. Ħamsa mill-​istudenti tal-​Bibbja taʼ Namangolwa tgħammdu, u wieħed jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni, u dan kollu huwa evidenza tal-​barka taʼ Ġeħova. “Saqajja spiss tgħidx kemm juġgħuni,” tgħid hi, “imma dan ma nħallihx iwaqqafni.” Din l-​oħt hija biss waħda mill-​ħafna Xhieda madwar id-​dinja li għandhom ġisem dgħajjef imma spirtu b’saħħtu minħabba l-​imħabba li għandhom għal Alla u għal għajrhom. Kemm huma għeżież uħud bħal dawn f’għajnejn Ġeħova!—Ħaggaj 2:7.

17, 18. X’jgħin lil ħafna wħud jissaportu l-​mard u provi oħra? Semmi xi eżempji lokali.

17 Il-​mard kroniku jistaʼ jkun skuraġġanti, saħansitra dipressanti. “Fil-​grupp fejn nattendi għall-​istudju tal-​ktieb,” jgħid wieħed anzjan tal-​kongregazzjoni, “oħt tbati mid-​dijabete u għandha kilwa waħda ma taħdimx, oħt oħra għandha kanċer, tnejn ibatu minn artrite qalila, u oħra għandha kemm marda fil-​ġilda bil-​ġrieħi kif ukoll fibromijalġija. Kultant iħossuhom skuraġġiti. Madankollu, l-​uniċi drabi li jfallu l-​laqgħat huwa meta jkunu verament morda jew għax ikunu l-​isptar. Ilkoll jieħdu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa b’mod regulari. Ifakkruni f’Pawlu li qal: ‘Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.’ Jien nammira l-​imħabba u l-​kuraġġ li għandhom. Forsi s-​sitwazzjoni tagħhom tgħinhom jiffokaw iktar fuq il-​ħajja u dak li verament huwa importanti.”—2 Korintin 12:10.

18 Jekk qed tikkumbatti xi nuqqas taʼ saħħa, mard, jew xi problema oħra, ‘itlob bla waqfien’ għall-​għajnuna sabiex ma ssirx vittma taʼ l-​iskuraġġiment. (1 Tessalonikin 5:​14, 17) M’għandniex xi ngħidu, x’aktarx li se jkun hemm drabi meta se tħossok tajjeb emozzjonalment u drabi oħra le, imma pprova ffoka fuq affarijiet pożittivi u spiritwali, speċjalment fuq it-​tama tas-​Saltna prezzjuża li għandna. “Għalija, il-​ministeru taʼ l-​għalqa huwa terapija,” tgħid waħda oħt. Il-​fatt li taqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn jgħinha żżomm attitudni pożittiva.

L-​Imħabba Tgħin lil Dawk li Jagħmlu l-​Ħażen Iduru Lejn Ġeħova

19, 20. (a) X’għandu mnejn jgħin lil dawk li waqgħu fid-​dnub biex jerġgħu jagħmlu l-​kuraġġ u jduru lejn Ġeħova? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

19 Ħafna li ddgħajfu spiritwalment jew li ġew megħlubin mid-​dnub ma jsibuhiex faċli li jduru lura lejn Ġeħova. Imma l-​kuraġġ meħtieġ jinstab jekk uħud bħal dawn jindmu sinċerament u jerġgħu jkebbsu l-​imħabba tagħhom għal Alla. Ikkunsidra lil Mario,a li jgħix l-​Istati Uniti. Mario telaq il-​kongregazzjoni Kristjana, sar alkoħoliku u beda jabbuża mid-​drogi u, wara 20 sena, spiċċa l-​ħabs. “Bdejt naħseb serjament dwar il-​futur tiegħi u rġajt bdejt naqra l-​Bibbja,” jgħid Mario. “Maż-​żmien bdejt napprezza l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova, speċjalment il-​ħniena tiegħu, li għaliha kont nitlob spiss. Wara li ħriġt mill-​ħabs, evitajt lil dawk li kont nissieħeb magħhom qabel, bdejt nattendi l-​laqgħat Kristjani, u eventwalment ġejt aċċettat lura fil-​kongregazzjoni. Jien qed naħsad il-​konsegwenzi fiżiċi taʼ dak li żrajt, imma għallinqas issa għandi tama mill-​aqwa. Ma nistax nirringrazzja lil Ġeħova biżżejjed għall-​mogħdrija u l-​maħfra tiegħu.”—Salm 103:​9-13; 130:​3, 4; Galatin 6:​7, 8.

20 Ovvjament, dawk li qegħdin f’sitwazzjoni bħal dik taʼ Mario jridu jaħdmu iebes biex iduru lura lejn Ġeħova. Imma l-​imħabba li jerġgħu jkebbsu—permezz taʼ studju tal-​Bibbja, talb, u meditazzjoni—se tagħtihom il-​kuraġġ u d-​determinazzjoni li jkollhom bżonn. Mario ġie msaħħaħ ukoll permezz tat-​tama tas-​Saltna. Iva, flimkien maʼ l-​imħabba, il-​fidi, u l-​biżaʼ minn Alla, it-​tama tistaʼ tkun forza qawwija li tgħinna nagħmlu t-​tajjeb f’ħajjitna. Fl-​artiklu li jmiss, se nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn dan ir-​rigal spiritwali prezzjuż.

[Nota taʼ taħt]

a L-isem ġie mibdul.

Taf Twieġeb?

• L-​imħabba kif għenet lil Ġesù juri kuraġġ li jispikka?

• L-​imħabba għall-​aħwa kif tat kuraġġ li jispikka lil Pawlu u Barnaba?

• Satana b’liema modi jipprova jherri l-​imħabba Kristjana?

• L-​imħabba għal Ġeħova tistaʼ tagħtina l-​kuraġġ biex nissaportu liema provi?

[Stampa f’paġna 23]

L-​imħabba li Pawlu kellu għan-​nies tatu l-​kuraġġ biex iżomm sħiħ

[Stampa f’paġna 24]

Jeħtieġ kuraġġ biex iżżomm mal-​livelli t’Alla

[Stampa f’paġna 24]

Namangolwa Sututu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja