Ħalli l-Kelma t’Alla Tiggwida l-Passi Tiegħek
“Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.”—SALM 119:105.
1, 2. Għala ħafna mill-bnedmin ma rnexxilhomx isibu paċi u hena veri?
TISTAʼ tiftakar f’xi okkażjoni meta kellek titlob lil xi ħadd għad-direzzjoni? Forsi kont qrib id-destinazzjoni tiegħek imma ma kontx ċert dwar l-aħħar ftit bidliet li kellek tagħmel fid-direzzjoni tat-triq. Jew jistaʼ jkun li kont mitluf għalkollox u kellek bżonn tibdel triqtek kompletament. F’kull każ, ma jkunx għaqli li ssegwi d-direzzjoni taʼ xi ħadd li hu midħla sew taʼ l-akkwati? Individwu bħal dan jistaʼ jgħinek tasal fid-destinazzjoni tiegħek.
2 Għal eluf taʼ snin, l-umanità in ġenerali pprovat tgħix ħajjitha mingħajr l-għajnuna t’Alla. Madankollu, mingħajr din l-għajnuna, il-bnedmin imperfetti huma mitlufin għalkollox. Huma sempliċement ma jistgħux isibu t-triq li twassal għal paċi u hena veri. Għala ma rnexxilhomx jaslu fid-destinazzjoni tagħhom? Iktar minn 2,500 sena ilu, il-profeta Ġeremija qal: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Kulmin jipprova jidderieġi l-passi tiegħu mingħajr ma jaċċetta l-għajnuna mingħand xi ħadd kwalifikat żgur li se jħossu frustrat. Tabilħaqq, il-bnedmin għandhom bżonn id-direzzjoni!
3. Alla Ġeħova għala hu l-iktar wieħed kwalifikat biex jidderieġi lill-bnedmin, u hu xi jwiegħed?
3 Alla Ġeħova hu l-iktar wieħed kwalifikat biex jipprovdi direzzjoni bħal din. Għala? Għaliex hu jifhem iktar minn kulħadd kif inhu magħmul il-bniedem. U hu jaf sew kif ir-razza umana ħarġet mit-triq it-tajba u ntilfet. Hu jaf ukoll x’hemm bżonn biex huma jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba. Iktar minn hekk, bħala l-Ħallieq, Ġeħova dejjem jaf x’inhu l-aħjar għalina. (Isaija 48:17) Għalhekk, aħna nistgħu nafdaw bis-sħiħ fil-wegħda tiegħu mniżżla f’Salm 32:8: “Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” M’hemm ebda dubju dwar dan: Ġeħova jipprovdi l-aqwa direzzjoni. Imma eżattament kif jiggwidana?
4, 5. Dak li jgħid Alla kif jistaʼ jidderiġina?
4 F’talba lil Ġeħova wieħed salmista qal: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Dak li jgħid Alla u t-tfakkiriet tiegħu jinsabu fil-Bibbja, u dawn jistgħu jgħinuna negħlbu l-ostakli li għandna mnejn niffaċċjaw f’ħajjitna. Tabilħaqq, meta naqraw il-Bibbja u nħalluha tiggwidana, aħna nkunu qed nesperjenzaw personalment dak li hu deskritt f’Isaija 30:21: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha.’”
5 Però, innota li Salm 119:105 jenfasizza żewġ funzjonijiet simili li għandha l-Kelma t’Alla. L-ewwel, din isservi bħala fanal għal riġlejna. Meta niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja taʼ kuljum, il-prinċipji li jinsabu fil-Bibbja jiggwidawlna l-passi tagħna sabiex aħna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u nevitaw in-nases u l-perikli taʼ din id-dinja. It-tieni, it-tfakkiriet t’Alla huma dawl fil-mogħdija tagħna, għaliex jgħinuna nagħmlu għażliet li huma konsistenti mat-tama tagħna li ngħixu għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art imwiegħda minn Alla. Bil-mogħdija taʼ quddiemna mdawla sew, aħna se nkunu nistgħu nagħrfu l-konsegwenzi—tajbin jew ħżiena—t’għażla partikulari. (Rumani 14:21; 1 Timotju 6:9; Rivelazzjoni 22:12) Ejja naraw iktar fid-dettall kif dak li jgħid Alla bħalma nsibuh fil-Bibbja jistaʼ jkun fanal għal riġlejna u dawl fil-mogħdija tagħna.
“Fanal għal Riġlejja”
6. Dak li jgħid Alla f’liema ċirkustanzi jistaʼ jkun fanal għal riġlejna?
6 Aħna kuljum nieħdu deċiżjonijiet. Xi deċiżjonijiet jistgħu jidhru relattivament żgħar, imma kultant nistgħu niffaċċjaw sitwazzjoni li tpoġġi taħt prova l-moralità, l-onestà, jew in-newtralità tagħna. Biex jirnexxilna niffaċċjaw provi bħal dawn, irid ikollna ‘s-sensi tagħna mħarrġin biex nagħrfu nagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’ (Ebrej 5:14) Billi niksbu għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla u niżviluppaw fehma tal-prinċipji tagħha, aħna nkunu qed inħarrġu l-kuxjenza tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova.—Proverbji 3:21.
7. Iddeskrivi sitwazzjoni li fiha Kristjan ikollu mnejn jitħajjar jissieħeb maʼ sħabu tax-xogħol li m’humiex taʼ l-istess twemmin.
7 Ikkunsidra eżempju wieħed. Int adult li bis-sinċerità qed tipprova tferraħ qalb Ġeħova? (Proverbji 27:11) Jekk iva, int taʼ min ifaħħrek. Imma immaġina għal mument li xi wħud minn sħabek tax-xogħol joffrulek biljett biex tattendi xi attività sportiva magħhom. Huma jieħdu gost bil-kumpanija tiegħek fuq ix-xogħol u jixtiequ jissieħbu miegħek barra l-ambjent tax-xogħol. Jistaʼ jkun li int sinċerament taħseb li dawn l-individwi m’humiex xi nies ħżiena. Għandu mnejn ikollhom prinċipji tajbin f’ħajjithom. X’se tagħmel? Jistaʼ jkun hemm xi periklu jekk int taċċetta l-istedina? Kif tistaʼ l-Kelma t’Alla tgħinek tieħu deċiżjoni tajba f’din il-kwistjoni?
8. Liema prinċipji Skritturali jgħinuna nirraġunaw dwar il-kwistjoni tas-sħubija tagħna?
8 Ikkunsidra ftit prinċipji Skritturali. Lewwel wieħed li jistaʼ jiġik f’moħħok jinsab fl-1 Korintin 15:33, fejn naqraw: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” Ifisser dan li jekk iżżomm maʼ dan il-prinċipju għandek taqtaʼ barra għalkollox lil dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin? It-tweġiba Skritturali hija le. Wara kollox, Pawlu nnifsu wera konsiderazzjoni bi mħabba lejn “nies taʼ kull xorta,” inkluż uħud li ma kinux taʼ l-istess twemmin. (1 Korintin 9:22) Il-Kristjanità nfisha tirrikjedi li aħna nieħdu interess f’oħrajn—inkluż dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna. (Rumani 10:13-15) Tabilħaqq, kif nistgħu nsegwu l-parir li “nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd” jekk niżolaw ruħna minn nies li forsi għandhom bżonn l-għajnuna tagħna?—Galatin 6:10.
9. Liema parir tal-Bibbja jgħinna nkunu bilanċjati fir-relazzjoni tagħna maʼ sħabna tax-xogħol?
9 Madankollu, hemm differenza ċara bejn li tkun dħuli maʼ sieħbek tax-xogħol u li tkun il-ħabib tal-qalb tiegħu. Hawnhekk jidħol prinċipju Skritturali ieħor. L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 6:14) Xi tfisser il-frażi “tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs”? Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu dan il-kliem “tingħaqdux fi grupp,” “taħdmux flimkien bħala ugwali,” jew “tibqgħux tifformaw relazzjonijiet mhux xierqa.” Relazzjoni maʼ sieħeb tax-xogħol meta ma tibqax xierqa? Meta taqbeż il-limitu u ssir madmad mhux indaqs? Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tistaʼ tiggwida l-passi tiegħek f’din is-sitwazzjoni.
10. (a) Ġesù kif għażel il-ħbieb tiegħu? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinu lil individwu jieħu deċiżjonijiet tajbin dwar il-ħbieb tiegħu?
10 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù li kien iħobb lill-bnedmin sa minn żmien il-ħolqien. (Proverbji 8:31) Meta kien fuq l-art, hu fforma rabta mill-qrib mas-segwaċi tiegħu. (Ġwanni 13:1) Hu saħansitra “ħass imħabba” għal raġel li kien żvijat minħabba r-reliġjon tiegħu. (Marku 10:17-22) Imma Ġesù għamel ukoll limiti ċari dwar l-għażla tiegħu taʼ ħbieb tal-qalb. Hu ma fforma ebda rabta mill-qrib maʼ wħud li ma kinux interessati sinċerament f’li jagħmlu r-rieda taʼ Missieru. Darba minnhom, Ġesù qal: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.” (Ġwanni 15:14) Veru, jistaʼ jkun li tingwalaha tajjeb maʼ xi sieħeb tax-xogħol partikulari. Imma staqsi lilek innifsek: ‘Huwa dan l-individwu lest li jagħmel dak li jikkmanda Ġesù? Hu jew hi trid titgħallem dwar Ġeħova, il-wieħed li Ġesù għallimna nqimuh? Hu jew hi għandha l-istess livelli morali li għandi jien bħala Kristjan?’ (Mattew 4:10) Hekk kif titkellem maʼ sħabek tax-xogħol u tagħmel ħiltek biex tapplika l-livelli tal-Bibbja, it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jkunu ċari.
11. Agħti eżempji taʼ sitwazzjonijiet li fihom dak li jgħid Alla jistaʼ jiggwidalna l-passi tagħna.
11 Hemm ħafna sitwazzjonijiet oħrajn li fihom dak li jgħid Alla jistaʼ jkun bħal fanal għal riġlejna. Per eżempju, Kristjan li m’għandux impjieg jistaʼ jiġi offrut xogħol li tant għandu bżonn. Madankollu, l-iskeda titlob ħafna minnu, u jekk jaċċetta l-impjieg, hu se jitlef diversi laqgħat Kristjani u se jitlef attivitajiet oħrajn konnessi mal-qima vera. (Salm 37:25) Kristjan ieħor jistaʼ jkun tassew imħajjar biex jara divertiment li b’mod ċar jikser il-prinċipji tal-Bibbja. (Efesin 4:17-19) Kristjan ieħor għandu mnejn jieħu għalih malajr minħabba l-imperfezzjonijiet taʼ sħabu fit-twemmin. (Kolossin 3:13) F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, aħna għandna nħallu l-Kelma t’Alla tkun fanal għal riġlejna. Tabilħaqq, billi nsegwu l-prinċipji tal-Bibbja, se jirnexxilna niffaċċjaw kwalunkwe sfida fil-ħajja. Il-Kelma t’Alla “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, [u] tiddixxiplina fis-sewwa.”—2 Timotju 3:16.
“Dawl fil-Mogħdija Tiegħi”
12. Dak li jgħid Alla kif inhu bħal dawl fil-mogħdija tagħna?
12 Salm 119:105 jgħid ukoll li dak li jgħid Alla jistaʼ jdawwal il-mogħdija tagħna, jiġifieri jitfaʼ d-dawl fuq it-triq li hemm quddiemna. Aħna ma nitħallewx fid-dlam rigward il-futur, għaliex il-Bibbja tispjega xi jfissru l-kundizzjonijiet taʼ niket li hawn fid-dinja u x’se jkun ir-riżultat. Tabilħaqq, aħna nirrealizzaw li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema mill-agħar. (2 Timotju 3:1-5) Il-fatt li nafu x’inhu ġej għandu jeffettwa bil-kbir il-ħajja tagħna bħalissa. L-appostlu Pietru kiteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova!”—2 Pietru 3:11, 12.
13. L-urġenza taʼ żmienna kif għandha teffettwa l-ħsibijiet tagħna u l-mod kif ngħixu?
13 Il-ħsibijiet tagħna u l-mod kif ngħixu għandhom jirriflettu l-konvinzjoni soda tagħna li “d-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll.” (1 Ġwanni 2:17) Jekk napplikaw il-gwida tal-Bibbja se niġu megħjunin nieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar il-miri tagħna għall-futur. Per eżempju, Ġesù qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:33) Kemm huma taʼ min ifaħħarhom il-ħafna żgħażagħ li qed juru fidi fil-kliem taʼ Ġesù billi jidħlu fil-ministeru full-time! Oħrajn—inkluż familji sħaħ—b’mod volontarju marru joqogħdu f’pajjiżi fejn hemm bżonn kbir taʼ proklamaturi tas-Saltna.
14. Familja Kristjana waħda kif żiedet il-ministeru tagħha?
14 Ikkunsidra familja Kristjana t’erbgħa min-nies li mill-Istati Uniti marret tgħix ir-Repubblika Dominikana biex taqdi f’kongregazzjoni f’belt li għandha popolazzjoni taʼ 50,000 ruħ. Il-kongregazzjoni tikkonsisti f’madwar 130 pubblikatur tas-Saltna. Però, fit-12 t’April, 2006, attendew xi 1,300 ruħ għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu! L-għalqa f’dawk l-inħawi tant hi ‘bajda għall-ħsad,’ li wara ħames xhur biss, dan il-missier, l-omm, l-iben, u l-bint kienu qed jikkonduċu total taʼ 30 studju tal-Bibbja. (Ġwanni 4:35) Il-missier jispjega: “Il-kongregazzjoni għandha 30 ħu u oħt li ġew jgħixu hawn biex joffru l-għajnuna. Xi 20 minnhom ġejjin mill-Istati Uniti, waqt li l-oħrajn ġejjin mill-Baħamas, mill-Italja, mill-Kanada, minn New Zealand, u minn Spanja. Huma jaslu ħerqanin biex jieħdu sehem fil-ministeru u għandhom effett qawwi fuq l-entużjażmu taʼ l-aħwa lokali.”
15. Liema barkiet gawdejt minħabba li poġġejt l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post f’ħajtek?
15 Nistgħu nifhmu li ħafna ma jistgħux imorru jgħixu f’pajjiż ieħor ħalli jgħinu fejn il-bżonn huwa akbar. Imma dawk li jistgħu—jew li jistgħu jaġġustaw iċ-ċirkustanzi tagħhom biex ikunu disponibbli—żgur li se jesperjenzaw għadd kbir taʼ barkiet billi jieħdu sehem f’dan l-aspett tal-ministeru. U taqdi fejn taqdi, tonqosx milli tibbenefika mill-ferħ li tistaʼ tikseb meta taqdi lil Ġeħova b’saħħtek kollha. Jekk tpoġġi l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post f’ħajtek, Ġeħova jwiegħed li ‘jsawwab fuqek barka bl-abbundanza.’—Malakija 3:10.
Ibbenefika mill-Gwida taʼ Ġeħova
16. Kif se nibbenefikaw jekk inħallu lil dak li jgħid Alla jiggwidana?
16 Kif rajna, dak li jgħid Ġeħova jiggwidana b’żewġ modi simili. Dan iservi bħala fanal għal riġlejna, jgħinna nimxu ’l quddiem fid-direzzjoni t-tajba u jiggwidana meta jkollna nieħdu xi deċiżjonijiet. U dan jitfaʼ d-dawl fuq il-mogħdija tagħna, billi jgħinna naraw ċar dak li hemm quddiemna. Mill-banda l-oħra, dan jgħinna nsegwu t-twissija taʼ Pietru: “Ħejju lil moħħkom għal attività intensiva, ibqgħu f’sensikom għalkollox; qiegħdu t-tama tagħkom fil-qalb tajba mhix mistħoqqa li se tintwera magħkom fir-rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu.”—1 Pietru 1:13.
17. L-istudju tal-Bibbja kif se jgħinna nsegwu ddirezzjoni t’Alla?
17 M’hemm ebda dubju li Ġeħova jipprovdi gwida. Il-mistoqsija hi, Int se tissottometti ruħek għaliha? Biex tifhem id-direzzjoni li jipprovdi Ġeħova, kun determinat li taqra silta mill-Bibbja kuljum. Immedita dwar dak li taqra, ipprova ifhem x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova dwar l-affarijiet, u aħseb f’diversi modi kif il-materjal jistaʼ japplika għal ħajtek. (1 Timotju 4:15) Imbagħad uża “l-qawwa tar-raġuni” tiegħek meta tieħu deċiżjonijiet persunali.—Rumani 12:1.
18. Meta nħallu l-Kelma t’Alla tiggwidana, liema barkiet se nirċievu?
18 Jekk inħalluhom, il-prinċipji li nsibu fil-Kelma t’Alla, se jagħtuna l-fehma u l-gwida li għandna bżonn meta nieħdu deċiżjonijiet dwar liema għażla se nagħmlu. Nistgħu nkunu fiduċjużi li dak li jgħid Ġeħova “jgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:8 [19:7, NW]) Meta nħallu il-Bibbja tiggwidana, aħna niġu mberkin b’kuxjenza nadifa u sodisfazzjon li jiġu meta nogħġbu lil Ġeħova. (1 Timotju 1:18, 19) Jekk inħallu dak li jgħid Alla jiggwidalna l-passi tagħna kuljum, Ġeħova se jippremjana bl-aqwa barka taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 17:3.
Tiftakar Int?
• Għala huwa importanti li nħallu lil Alla Ġeħova jiggwida l-passi tagħna?
• B’liema mod dak li jgħid Alla jistaʼ jkun fanal għal riġlejna?
• Dak li jgħid Alla kif jistaʼ jkun dawl fil-mogħdija tagħna?
• L-istudju tal-Bibbja kif se jgħinna nsegwu d-direzzjoni t’Alla?
[Stampa f’paġna 15]
Meta ma jkunx għaqli li nissieħbu maʼ xi ħadd li m’huwiex taʼ l-istess twemmin?
[Stampa f’paġna 16]
Il-ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù kienu dawk li kienu jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova
[Stampi f’paġna 17]
Turi ħajjitna li aħna npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel?