LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 12/15 pp. 16-20
  • “Żommu Sod u Araw Kif Ġeħova Se Jsalvakom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Żommu Sod u Araw Kif Ġeħova Se Jsalvakom”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħova Jsalva lill-​Poplu Tiegħu
  • “Araw Kif Ġeħova Se Jsalvakom”
  • Tgħallem mis-​Salvazzjoni taʼ Iżrael
  • Afda f’Ġeħova
  • “[Ġeħova] Għalija Sar is-Salvazzjoni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tgħallem it-Triqat taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Min Hu Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 12/15 pp. 16-20

“Żommu Sod u Araw Kif Ġeħova Se Jsalvakom”

“La l-​Mulej miegħi, m’għandix għax nibżaʼ; x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?”​—SALM 118:6.

1. Liema ġrajjiet kruċjali se tiffaċċja l-​umanità fil-​futur?

L-​UMANITÀ dalwaqt se tiffaċċja ġrajjiet taʼ gwaj tant kbir li qatt ma dehru bħalhom. Meta bassar dwar dan għal żmienna, Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn. Fil-​fatt, kieku dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat; imma minħabba l-​magħżulin dawk il-​jiem jitqassru.”—Mattew 24:21, 22.

2. X’inhu jżomm lura t-​tribulazzjoni l-​kbira milli tibda?

2 Għalkemm inviżibbli għall-​bnedmin, hemm forzi tas-​sema li issa qed iżommu lura din it-​tribulazzjoni kbira. L-​appostlu Ġwanni kien privileġġat jara r-​raġuni għal dan f’rivelazzjoni li ngħatatlu mingħand Ġesù. Dan hu l-​mod kif iddeskrivieha l-​appostlu xwejjaħ: “Rajt erbaʼ anġli weqfin fl-​erbaʼ rokniet taʼ l-​art, iżommu sew l-​erbat irjieħ taʼ l-​art . . . U rajt anġlu ieħor tielaʼ minn fejn titlaʼ x-​xemx, li kellu s-​siġill taʼ l-​Alla l-​ħaj; u għajjat b’leħen qawwi lill-​erbaʼ anġli . . . ‘Tagħmlux ħsara lill-​art jew lill-​baħar jew lis-​siġar, sakemm inkunu mmarkajna bis-​siġill lill-​ilsiera t’Alla tagħna fuq ġbinhom.’”—Rivelazzjoni 7:1-3.

3. X’se jkun l-​ewwel aspett tat-​tribulazzjoni l-​kbira?

3 L-​issiġillar finali taʼ l-​“ilsiera t’Alla tagħna,” il-​midlukin, wasal biex jitlesta. L-​erbaʼ anġli qegħdin għal-​lest biex jitilqu dawk l-​irjieħ taʼ qerda. Meta jagħmlu dan, x’se jiġri l-​ewwel? Din il-​mistoqsija titwieġeb minn anġlu: “Bil-​ħeffa se tinxteħet għal isfel Babilonja, il-​belt il-​kbira, u qatt iktar ma terġaʼ tinstab.” (Rivelazzjoni 18:21) Kemm se jkun hemm ferħ fis-​sema meta jiġri dan, meta jinqered l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza!—Rivelazzjoni 19:1, 2.

4. Liema żviluppi għad iridu jseħħu?

4 Il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jkunu ngħaqdu kontra l-​poplu taʼ Ġeħova. Se jirnexxilhom il-​ġnus jeqirdu lil dawn il-​Kristjani leali? Hekk ikun qisu se jiġri. Iżda ara! Armati tas-​sema mmexxijin minn Kristu Ġesù se jieħdu ħsieb li jeqirdu lil dawn il-​forzi umani. (Rivelazzjoni 19:19-21) Finalment, ix-​Xitan u l-​anġli tiegħu se jintefgħu f’abbiss simboliku fejn ikunu inattivi. Ma jkunux jistgħu jqarrqu iżjed bil-​bnedmin għax ikunu marbutin għal elf sena. O x’serħan ikun dan għall-​folla l-​kbira li tibqaʼ ħajja!—Rivelazzjoni 7:9, 10, 14; 20:1-3.

5. X’ferħ hemm jistenna lil dawk li jibqgħu leali lejn Ġeħova?

5 Aħna dalwaqt se nesperjenzaw dawn il-​ġrajjiet meraviljużi li jqanqlu l-​istagħġib. Kollha huma marbutin maʼ l-​ivvendikar tas-​sovranità universali taʼ Ġeħova, id-​dritt tiegħu bħala ħakkiem. U aħseb dwar dan: Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova u jekk inżommu sod mas-​sovranità tiegħu, se jkollna l-​opportunità li nieħdu sehem fit-​taqdis taʼ isem Ġeħova u t-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu. X’ferħ imprezzabbli jkun dan!

6. Minħabba l-​ġrajjiet li resqin, x’se nikkunsidraw?

6 Preparati aħna għal dawn il-​ġrajjiet sinifikanti? Għandna fidi fil-​qawwa taʼ Ġeħova li jsalvana? Fiduċjużi aħna li se jgħinna fil-​ħin eżatt u bl-​aħjar mod? Biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet persunali, nistgħu nżommu f’moħħna dak li qal l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani sħabu f’Ruma: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Fost l-​affarijiet li nkitbu għall-​istruzzjoni tagħna, affarijiet li jagħtuna faraġ u tama, hemm ir-​rakkont taʼ kif Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar kiefer taʼ l-​Eġittu. Jekk neżaminaw bir-​reqqa dawn il-​ġrajjiet eċċitanti meta Ġeħova mmanuvra s-​salvazzjoni taʼ wlied Iżrael, se niġu inkuraġġiti ħafna hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn it-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa bil-​ħeffa.

Ġeħova Jsalva lill-​Poplu Tiegħu

7. Fis-​sena 1513 Q.E.K., liema sitwazzjoni mimlija tensjoni qamet fl-​Eġittu?

7 Kienet is-​sena 1513 Q.E.K. u Ġeħova kien diġà ġab disaʼ kastigi fuq l-​Eġizzjani. Wara d-​disaʼ wieħed, il-​Fargħun keċċa bl-​herra lil Mosè minn quddiemu bil-​kliem: “Itlaq minn quddiemi. Qis li ma tiġix iżjed tara ’l wiċċi, għax dak in-​nhar li tara ’l wiċċi tmut.” Mosè wieġeb: “Kif għedt int. Wiċċek iktar ma narahx.”—Eżodu 10:28, 29.

8. Liema istruzzjonijiet ngħataw lill-​Iżraelin biex jibqgħu ħajjin, u x’kien ir-​riżultat?

8 Ġeħova mbagħad irrivela lil Mosè li kien hemm kastig ieħor imħejji għall-​Fargħun u l-​Eġizzjani kollha, kastig finali. Fl-​14 t’Abib (Nisan), l-​ewwel imwieled taʼ kull Eġizzjan u taʼ kull annimal tagħhom kien se jmut. Imma d-​djar Iżraelin kienu se jinħelsu jekk jiġu segwiti bir-​reqqa l-​istruzzjonijiet li Alla ta lil Mosè. Huma kellhom iroxxu ftit mid-​demm taʼ ħaruf fuq il-​koxox u l-​parti taʼ fuq tal-​bibien taʼ djarhom u jibqgħu ġewwa. X’ġara dak il-​lejl? Ħa jgħidilna Mosè stess: “Ġara li f’nofs il-​lejl il-​Mulej darab ’l ulied il-​kbar fl-​art taʼ l-​Eġittu.” Il-​Fargħun aġixxa mill-​ewwel. Sejjaħ lil Mosè u lil Aron għandu u qalilhom: “Qumu u oħorġu ’l barra minn nofs il-​poplu tiegħi, . . . morru u aqdu lill-​Mulej, kif għedtu.” U hekk għamlu l-​Iżraelin, li x’aktarx kienu iktar minn tliet miljuni, flimkien maʼ “kotra kbira” taʼ nies li ma kinux Iżraelin u li mhux magħruf kemm kien l-​ammont tagħhom.—Eżodu 12:1-7, 29, 31, 37, 38.

9. Alla minn liema rotta ħareġ lil Iżrael mill-​Eġittu, u għala?

9 L-​eqreb rotta għall-​Iżraelin biex jgħaddu minnha kienet mal-​kosta tal-​Baħar Mediterran u minn ġol-​pajjiż tal-​Filistin. Imma dak kien territorju taʼ l-​għadu. Għaldaqstant, x’aktarx biex ma jħallix lill-​poplu tiegħu jidħol fi gwerer, Ġeħova mexxieh lejn in-​naħa tax-​xagħri tal-​Baħar l-​Aħmar. Għalkemm kien hemm miljuni taʼ nies, ma kinux jidhru qishom xi folla diżorganizzata. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “U telgħu wlied Iżrael, mqassmin għall-​ġlied, mill-​art taʼ l-​Eġittu.”—Eżodu 13:17, 18.

“Araw Kif Ġeħova Se Jsalvakom”

10. Alla għala qal lill-​Iżraelin biex jikkampjaw quddiem Piħaħirot?

10 Imbagħad seħħ żvilupp sorprendenti għall-​aħħar. Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil ulied Iżrael jerġgħu lura u jieqfu quddiem Piħaħirot, bejn Migdol u bejn il-​baħar, quddiem Bagħal-sefon.” Hekk kif segwiet dawn l-​istruzzjonijiet, din il-​kotra kbira sabet ruħha maqbuda bejn il-​muntanji u l-​Baħar l-​Aħmar. Kien donnu li ma kienx hemm minfejn joħorġu. Iżda Ġeħova kien jaf x’inhu jagħmel. Hu qal lil Mosè: “Jien inwebbes qalb il-​Fargħun, u jiġi għal warajkom, u jien nuri l-​glorja tiegħi fuq il-​Fargħun u l-​eżerċti tiegħu, u jkunu jafu l-​Eġizzjani li jien il-​Mulej.”—Eżodu 14:1-4.

11. (a) X’għamel il-​Fargħun, u l-​Iżraelin kif irreaġixxew? (b) Mosè kif wieġeb għall-​ilmenti taʼ Iżrael?

11 Il-​Fargħun ħass li kien għamel żball li ħalla lill-​Iżraelin jitilqu mill-​Eġittu, u għalhekk telaq b’saħna għal warajhom b’600 karru magħżul tal-​gwerra. Hekk kif feġġet l-​armata Eġizzjana, l-​Iżraelin twerwru u bdew jgħajtu u jgħidu lil Mosè: “Jaqaw ma kienx hemm oqbra fl-​Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-​deżert?” Fiduċjuż li Ġeħova kien se jsalvahom, Mosè wieġeb: “La tibżgħux! [“Żommu sod u araw kif Ġeħova se jsalvakom,” NW]. . . . Il-​Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom.”—Eżodu 14:5-14.

12. Ġeħova kif salva lill-​poplu tiegħu?

12 Eżatt bħalma qal Mosè li Ġeħova nnifsu kien se jiġġieled għall-​Iżraelin, qawwiet sovrumani ħadu s-​sitwazzjoni f’idejhom. L-​anġlu taʼ Ġeħova ċaqlaq b’mod mirakoluż il-​kolonna tas-​sħab, li kienet mexxiet lill-​kamp taʼ l-​Iżraelin, u din issa ġiet warajhom. B’dan il-​mod, l-​istess kolonna tefgħet dlam fuq l-​Eġizzjani filwaqt li tat id-​dawl lill-​Iżraelin. (Eżodu 13:21, 22; 14:19, 20) B’ubbidjenza għall-​kmand t’Alla, Mosè issa medd idu fuq il-​baħar. Ir-​rakkont ikompli: “Il-​Mulej reġġaʼ lura l-​baħar b’riħ qawwi mil-​lvant matul il-​lejl kollu . . . U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-​niexef f’nofs il-​baħar; l-​ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug.” L-​Eġizzjani reġgħu marru għal warajhom, iżda Ġeħova kien qiegħed mal-​poplu tiegħu. Hu qajjem konfużjoni fil-​kamp taʼ l-​Eġizzjani, u mbagħad qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-​baħar, u l-​ilma jerġaʼ lura fuq l-​Eġizzjani, bil-​karrijiet u r-​rikkieba tagħhom.” Tant kienet sħiħa l-​qerda fuq l-​armati tal-​Fargħun li lanqas suldat wieħed ma baqaʼ ħaj!—Eżodu 14:21-28; Salm 136:15.

Tgħallem mis-​Salvazzjoni taʼ Iżrael

13. Ulied Iżrael kif irreaġixxew għall-​ħelsien tagħhom?

13 Dan il-​ħelsien mirakoluż x’effett kellu fuq dawk li baqgħu ħajjin? Tabilħaqq, Mosè u wlied Iżrael mill-​ewwel infexxew ikantaw u jfaħħru lil Ġeħova! Huma bdew ikantaw u jgħidu: “Ngħanni lill-​Mulej, għax tkabbar bis-​sħiħ. . . . Il-​Mulej isaltan għal dejjem taʼ dejjem.” (Eżodu 15:1, 18) Iva, l-​ewwel ħsieb li ġiehom f’moħħhom kien li jeżaltaw lil Alla. F’dik is-​sitwazzjoni ntweriet is-​sovranità taʼ Ġeħova.

14. (a) X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​esperjenza taʼ Iżrael? (b) X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2008?

14 Liema istruzzjoni, faraġ, u tama niksbu minn dawn il-​ġrajjiet kommoventi? Żgur li nistgħu naraw li Ġeħova kapaċi jegħleb kwalunkwe prova li jkollu jgħaddi minnha l-​poplu tiegħu. Hu kapaċi jissupera kwalunkwe sitwazzjoni li huma jistgħu jkollhom jiffaċċjaw. Il-​Baħar l-​Aħmar ma setax iwaqqaf lil Iżrael meta Ġeħova ġiegħel li jonfoħ dak ir-​riħ qawwi mil-​lvant. U kien kapaċi jġiegħel lill-​istess Baħar l-​Aħmar isir il-​qabar għall-​armati tal-​Fargħun. Meta nimmeditaw dwar dan, ma nistgħux ma nirripetux kliem is-​salmista li qal: “La l-​Mulej miegħi, m’għandix għax nibżaʼ; x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 118:6) Nistgħu nsibu faraġ ukoll fil-​kliem taʼ Pawlu li huwa mniżżel f’Rumani 8:31: “Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?” Kemm jagħtuna fiduċja dawn il-​versi ispirati! Dawn jikkalmaw kwalunkwe biżaʼ u dubji li jistaʼ jkollna u jimlewna bit-​tama. Għaldaqstant, kemm hija xierqa l-​iskrittura tagħna għas-​sena 2008: “Żommu sod u araw kif Ġeħova se jsalvakom”!—Eżodu 14:13, NW.

15. Kemm kienet importanti l-​ubbidjenza fil-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​Eġittu, u kemm hija importanti llum?

15 X’nistgħu nitgħallmu iktar mill-​ħruġ taʼ Iżrael mill-​Eġittu? Li għandna nobdu lil Ġeħova f’dak kollu li jitlob minna. L-​Iżraelin kienu ubbidjenti u għamlu t-​tħejjijiet dettaljati għall-​Qbiż. B’ubbidjenza baqgħu ġewwa matul il-​lejl taʼ l-​14 taʼ Nisan. Meta finalment telqu mill-​Eġittu, kellhom joħorġu “mqassmin għall-​ġlied.” (Eżodu 13:18) Illum, huwa ferm importanti li nsegwu l-​gwida li tiġi għandna permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli”! (Mattew 24:45) Irridu nisimgħu b’attenzjoni kbira l-​kelma t’Alla minn warajna li tgħidilna: “Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.” (Isaija 30:21) Hekk kif nersqu dejjem eqreb lejn it-​tribulazzjoni l-​kbira, huwa probabbli li nirċievu xi istruzzjonijiet dettaljati. Jekk ngħaddux qawwijin u sħaħ minn dawk il-​jiem taʼ inkwiet kbir jiddependi minn kemm inkunu f’armonija maʼ qaddejja leali oħrajn taʼ Ġeħova.

16. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova mmanuvra l-​affarijiet meta ħeles lill-​Iżraelin?

16 Ftakar ukoll li Ġeħova dawwar il-​pożizzjoni taʼ Iżrael b’tali mod li kienu qishom inqabdu bejn il-​muntanji fuq naħa u l-​Baħar l-​Aħmar fuq oħra. Ċertament li din ma kinitx tidher bħala mossa tajba. Iżda Ġeħova kellu kollox fil-​kontroll tiegħu, u r-​riżultat ġab tifħir lilu u salvazzjoni lill-​poplu tiegħu. Illum, forsi ma nkunux nistgħu naraw ċar għala xi affarijiet fl-​organizzazzjoni jiġu trattati b’ċertu mod, iżda aħna għandna kull raġuni biex nafdaw fil-​gwida li Ġeħova jagħtina permezz tal-​mezz taʼ komunikazzjoni leali tiegħu. Xi drabi, donnu li l-​għedewwa tagħna jkunu minn fuq. Mill-​ħarsa limitata tagħna, għandu mnejn ma nkunux nistgħu naraw il-​fatturi kollha involuti. Iżda Ġeħova kapaċi jimmanuvra l-​affarijiet eżatt fil-​waqt, sewwasew bħalma għamel għal ulied Iżrael.—Proverbji 3:5.

Afda f’Ġeħova

17. Għala jistaʼ jkollna fiduċja assoluta fil-​gwida t’Alla?

17 Tistaʼ timmaġina kemm ħassewhom fiduċjużi l-​Iżraelin meta rriflettew dwar dik il-​kolonna tas-​sħab bi nhar u l-​kolonna tan-​nar bil-​lejl? Kien evidenti li “l-​anġlu taʼ Alla” kien qed jiggwidahom fil-​vjaġġ tagħhom. (Eżodu 13:21, 22; 14:19) Illum, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova qiegħed mal-​poplu tiegħu biex jiggwidah, jipproteġih, u jeħilsu. Nistgħu nistrieħu fuq il-​wegħda: “[Ġeħova] ma jitlaqx it-​twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem.” (Salm 37:28) Ejja qatt ma ninsew li dawk il-​forzi t’anġli setgħanin qed jappoġġaw lill-​qaddejja t’Alla llum. Bl-​appoġġ tagħhom, nistgħu ‘nżommu sod u naraw kif Ġeħova se jsalvana.’—Eżodu 14:13, NW.

18. Għala għandna bżonn ‘nilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla’?

18 X’inhu li se jgħinna lkoll biex ‘inżommu sod’ fit-​triq tal-​verità? L-​armatura spiritwali deskritta minn Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin. Innota li l-​appostlu jwissina biex ‘nilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla.’ Qegħdin aħna nilbsu l-​partijiet kollha taʼ din l-​armatura spiritwali? Fis-​sena li ġejja jkun tajjeb għal kull wieħed minna li jeżamina lilu nnifsu biex ikun ċert li libes kull parti minn dik l-​armatura u li qed tiġih sew. L-​għadu tagħna, Satana x-​Xitan, jaf id-​dgħjufijiet tagħna, u jipprova jaqbadna fuq sieq waħda jew jattakkana fejn aħna dgħajfin. Aħna rridu ‘nissaraw’ kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar. Iżda xorta waħda, bis-​saħħa li jagħtina Ġeħova, nistgħu noħorġu rebbiħin!—Efesin 6:11-18; Proverbji 27:11.

19. Jekk nissaportu, liema privileġġ jistaʼ jkollna?

19 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Luqa 21:19) Jalla nkunu fost dawk li jissaportu fedelment kull tbatija li jistgħu jiltaqgħu magħha, u b’hekk permezz tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla nkunu privileġġati li ‘nżommu sod u naraw kif Ġeħova se jsalvana.’

Int Kif Twieġeb?

• Liema ġrajjiet kommoventi se jseħħu dalwaqt?

• Ġeħova kif wera l-​qawwa tiegħu li jsalva lill-​poplu tiegħu fis-​sena 1513 Q.E.K.?

• X’int determinat li tagħmel fil-​futur?

[Kumment f’paġna 20]

L-​iskrittura għas-​sena 2008 se tkun: “Żommu sod u araw kif Ġeħova se jsalvakom.”—Eżodu 14:13, NW.

[Stampa f’paġna 17]

“Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna”

[Stampa f’paġna 18]

Ir-​ras iebsa tal-​Fargħun ġabet diżastru fuq l-​Eġittu

[Stampa f’paġna 19]

Iżrael salva meta għamel dak kollu li kkmanda Ġeħova

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja