X’Se Tagħti Int Biex Tibqaʼ Ħaj?
“X’se jagħti bniedem flok ruħu?”—MT. 16:26.
1. Ġesù għala ċaħad iċ-ċanfir taʼ Pietru?
L-APPOSTLU PIETRU ma setax jemmen lil widnejh. Ġesù Kristu, il-Mexxej maħbub tiegħu, kien qed jgħid “ċar u tond” li Hu kien dalwaqt se jsofri u jmut! Bi tweġiba, Pietru—bla dubju b’intenzjoni tajba—ċanfar lil Ġesù, u qallu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Ġesù ta dahru lil Pietru u ħares lejn id-dixxipli l-oħrajn. X’aktarx li huma wkoll kellhom din l-opinjoni żbaljata. Imbagħad qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.”—Mk. 8:32, 33; Mt. 16:21-23.
2. Ġesù x’qal li kienu l-ħtiġijiet taʼ dixxiplu veru?
2 Il-kliem li Ġesù qal wara setaʼ għen lil Pietru biex jara r-raġuni għala Ġesù rreaġixxa b’daqshekk qawwa għaċ-ċanfira tiegħu. Ġesù “sejjaħ lill-folla lejh mad-dixxipli tiegħu” u qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja. Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba jsalvaha.” (Mk. 8:34, 35) Ġesù uża l-kelma “ruħ” hawnhekk biex ifisser “ħajja.” Jidher ċar li hu ma kienx biss wasal biex jissagrifika ħajtu imma wkoll kien jistenna li s-segwaċi tiegħu kellhom ikunu lesti li jissagrifikaw ħajjithom fis-servizz t’Alla. Kieku kienu se jagħmlu hekk, kienu se jirċievu premju kbir.—Aqra Mattew 16:27.
3. (a) Ġesù liema mistoqsijiet staqsiehom lis-semmiegħa tiegħu? (b) It-tieni mistoqsija taʼ Ġesù dwar xiex setgħet fakkret lis-semmiegħa tiegħu?
3 F’dik l-istess okkażjoni, Ġesù staqsa żewġ mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb: “X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u jitlef ruħu?” u, “Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?” (Mk. 8:36, 37) Ir-risposta għall-ewwel mistoqsija hi ovvja għall-bnedmin. Ma jiswielu xejn bniedem li jikseb id-dinja kollha jekk jitlef ħajtu, ruħu. Il-ġid hu utli biss jekk wieħed ikun ħaj biex igawdih. It-tieni mistoqsija taʼ Ġesù: “Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?” setgħet fakkret lis-semmiegħa tiegħu fl-akkuża taʼ Satana fi żmien Ġob: “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” (Ġob 2:4) Dan il-kliem taʼ Satana jistaʼ jgħodd għal xi wħud li ma jqimux lil Ġeħova. Ħafna jagħmlu kwalunkwe ħaġa u jabbandunaw kwalunkwe prinċipju sempliċement biex jibqgħu ħajjin. Iżda, il-Kristjani jaraw l-affarijiet b’mod differenti.
4. Il-mistoqsijiet taʼ Ġesù għala għandhom tifsira iktar profonda għall-Kristjani?
4 Aħna nafu li Ġesù ma ġiex fuq l-art biex jagħtina saħħa, għana, u ħajja twila f’din id-dinja. Hu ġie biex jiftħilna l-opportunità li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida, u huwa l-prospett taʼ dik il-ħajja li aħna napprezzaw l-iktar. (Ġw. 3:16) Kristjan jifhem li l-ewwel mistoqsija taʼ Ġesù tfisser, “X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u jitlef it-tama tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem?” Ir-risposta hi, Ma jiswielu assolutament xejn. (1 Ġw. 2:15-17) Biex jgħinna nwieġbu t-tieni mistoqsija taʼ Ġesù, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Kemm lest li nissagrifika issa biex it-tama tiegħi taʼ ħajja fid-dinja l-ġdida nagħmilha ċerta?’ Ir-risposta tagħna għal din il-mistoqsija, kif tidher f’ħajjitna, tirrivela kemm hi b’saħħitha din it-tama fi qlubna.—Qabbel Ġwanni 12:25.
5. Kif nistgħu nirċievu l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem?
5 Naturalment, Ġesù ma kienx qed jgħid li l-ħajja taʼ dejjem tistaʼ tinkiseb bis-saħħa tagħna. Il-ħajja—anki l-ħajja relattivament qasira tagħna f’din is-sistema—hi għotja. Ma nistgħux nixtruha jew nagħmlu xi ħaġa biex tkun tistħoqqilna. L-uniku mod kif nistgħu nirċievu l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem hu li ‘npoġġu l-fidi tagħna fi Kristu Ġesù’ u f’Ġeħova, “li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Gal. 2:16; Ebr. 11:6) Minkejja dan, il-fidi trid tintwera bl-azzjonijiet, ladarba “fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġak. 2:26) Għaldaqstant, meta nimmeditaw iktar fuq il-mistoqsija taʼ Ġesù, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw bis-serjetà kemm lesti li nċedu affarijiet f’din is-sistema u x’aħna lesti li nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova biex nuru li l-fidi tagħna hi verament ħajja.
‘Kristu Ma Fittixx li Jogħġob Lilu Nnifsu’
6. X’kienet il-prijorità taʼ Ġesù?
6 Minflok ma xeħet il-ħarsa tiegħu fuq dak li kellha x’toffri d-dinja taʼ żmienu, Ġesù ffoka fuq l-affarijiet importanti u ċaħad it-tentazzjoni li jikseb l-affarijiet materjali biex ikollu ħajja komda. Ħajtu kienet waħda taʼ sagrifiċċju u ubbidjenza lejn Alla. Minflok ma jogħġob lilu nnifsu, hu qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob [lil Alla].” (Ġw. 8:29) Ġesù x’kien lest li jagħmel sabiex jogħġob lil Alla?
7, 8. (a) Ġesù x’sagrifiċċju għamel, u kif ġie premjat? (b) Liema mistoqsija għandna nistaqsu lilna nfusna?
7 Darba minnhom, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Qabel, meta Ġesù beda jwissi lis-segwaċi tiegħu li dalwaqt kien se jkollu “jagħti ruħu,” Pietru ħeġġu biex ikun ħanin miegħu nnifsu. Xorta waħda, Ġesù baqaʼ sod. Hu, minn rajh, ta ruħu, il-ħajja umana u perfetta tiegħu, għall-umanità. Minħabba l-ħajja mhix egoistika tiegħu, il-futur taʼ Ġesù kien fis-sigurtà. Hu ġie rxoxtat u “tgħolla għal fuq il-lemin t’Alla.” (Atti 2:32, 33) B’hekk, hu sar eżempju meraviljuż għalina.
8 L-appostlu Pawlu ta parir lill-Kristjani f’Ruma biex ‘ma jogħġbux lilhom infushom’ u fakkarhom li “lanqas il-Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rum. 15:1-3) Mela, sa liema punt se napplikaw dan il-parir appostoliku u nagħtu minna nfusna biex nimitaw lil Kristu?
Ġeħova Jixtieq li Nagħtu l-Aqwa Tagħna
9. Kristjan x’jagħmel attwalment meta jiddedika ruħu lil Alla?
9 F’Israel tal-qedem, skond il-Liġi Mosajka l-ilsiera Ebrej kellhom jinħelsu jew fis-sebaʼ sena tal-jasar jew inkella matul is-sena tal-Ġublew. Madankollu, kellhom għażla oħra. Jekk ilsir kien isir iħobb lil sidu, hu setaʼ jagħżel li jibqaʼ lsir fid-dar għall-bqija taʼ ħajtu. (Aqra Dewteronomju 15:12, 16, 17.) Aħna nagħmlu għażla simili meta niddedikaw ruħna lil Alla. Minn jeddna naqblu li nagħmlu r-rieda t’Alla, minflok ma nsegwu l-inklinazzjonijiet tagħna stess. Meta nagħmlu hekk nuru l-imħabba profonda tagħna lejn Ġeħova u x-xewqa tagħna li naqduh għal dejjem.
10. B’liema mod aħna l-proprjetà t’Alla, u dan il-fatt kif għandu jeffettwa l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna?
10 Jekk bħalissa qed tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, qed tieħu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, u qed tattendi l-laqgħat Kristjani, ħaqqek prosit. Aħna nittamaw li dalwaqt se tħossok imqanqal biex tiddedika ruħek lil Ġeħova u tistaqsi l-mistoqsija li l-Etjopjan staqsa lil Filippu: “X’qed iżommni milli nitgħammed?” (Atti 8:35, 36) Imbagħad ir-relazzjoni tiegħek m’Alla se tkun bħal taʼ dawk il-Kristjani li lilhom Pawlu kiteb: “M’intomx tagħkom infuskom, għax kontu mixtrijin bi prezz.” (1 Kor. 6:19, 20) Kemm jekk it-tama tagħna hi għas-sema u kemm jekk hi għall-art, jekk iddedikajna ruħna lil Ġeħova, hu s-Sid tagħna. Għalhekk, kemm hu importanti li rrażżnu x-xewqat egoistiċi u ma ‘nibqgħux insiru lsiera tal-bnedmin’! (1 Kor. 7:23) Xi privileġġ hu li tkun qaddej leali biex Ġeħova jużak kif jogħġbu!
11. Il-Kristjani x’sagrifiċċju huma mħeġġin biex joffru, u dan xi jfisser tassew, kif muri mis-sagrifiċċji taħt il-Liġi Mosajka?
11 Pawlu wissa lil sħabu fit-twemmin: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom.’ (Rum. 12:1) Dan il-kliem għandu mnejn fakkar lill-Kristjani Lhud dwar is-sagrifiċċji li kienu karatteristika tal-qima tagħhom qabel ma saru segwaċi taʼ Ġesù. Huma kienu jafu li taħt il-Liġi Mosajka, l-annimali offruti fuq l-artal taʼ Ġeħova riedu jkunu l-aqwa li kellhom. Kwalunkwe ħaġa inferjuri ma kinitx aċċettabbli. (Mal. 1:8, 13) L-istess hu minnu meta nippreżentaw l-iġsma tagħna bħala “sagrifiċċju ħaj.” Lil Ġeħova nagħtuh l-aqwa tagħna, mhux sempliċement dak li jifdal wara li nkunu ssodisfajna x-xewqat persunali kollha tagħna. Meta niddedikaw ruħna lil Alla, nagħtuh ‘ruħna,’ ħajjitna bla riserva—inkluż is-saħħa, il-ġid materjali, u l-abbiltajiet tagħna. (Kol. 3:23) Xi jfisser dan b’mod prattiku?
Uża Ħinek bil-Għaqal
12, 13. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nagħtu l-aqwa tagħna lil Ġeħova?
12 Mod wieħed kif nagħtu lil Ġeħova l-aqwa tagħna hu billi nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal. (Aqra Efesin 5:15, 16.) Dan jirrikjedi r-rażna. L-influwenzi mid-dinja flimkien maʼ l-imperfezzjoni li writna għandhom it-tendenza li jġegħluna nużaw il-ħin purament għat-tgawdija tagħna stess jew għall-benefiċċju persunali. Veru, “għal kollox hemm żmien stabbilit,” li jinkludi r-rilassament pjaċevoli u l-impjieg sekulari biex inkunu nistgħu nwettqu l-obbligi Kristjani tagħna. (Ekk. 3:1) Madankollu, Kristjan dedikat jeħtieġ li jibqaʼ bilanċjat u juża l-ħin tiegħu bil-għaqal.
13 Meta Pawlu żar Ateni, hu nnota li “n-nies kollha t’Ateni u l-barranin li kienu jżuruha f’xejn ma kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom għajr li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.” (Atti 17:21) Illum, ħafna bl-istess mod jaħlu l-ħin tagħhom. Distrazzjonijiet moderni jinkludu li wieħed jara t-televixin, jilgħab logħob tal-kompjuter, u jfittex fuq l-Internet. Iktar u iktar distrazzjonijiet jikkompetu dejjem iżjed għall-ħin tagħna. Jekk inċedu għalihom, nistgħu nittraskuraw il-ħtiġijiet spiritwali tagħna. Għandu mnejn saħansitra nibdew nemmnu li għandna wisq x’nagħmlu biex nieħdu ħsieb “dak li hu iktar importanti”—kwistjonijiet relatati maʼ li naqdu lil Ġeħova.—Flp. 1:9, 10.
14. Liema mistoqsijiet jixraq li nikkunsidrawhom bis-serjetà?
14 Għalhekk, bħala qaddej dedikat taʼ Ġeħova, staqsi lilek innifsek, ‘Tinkludi l-iskeda taʼ kuljum tiegħi ħin għall-qari tal-Bibbja, il-meditazzjoni, u t-talb?’ (Salm 77:12; 119:97; 1 Tess. 5:17) ‘Inwarrab ħin biex nipprepara għal-laqgħat Kristjani? Ninkuraġġixxi lil oħrajn billi nikkummenta fil-laqgħat?’ (Salm 122:1; Ebr. 2:12) Il-Kelma t’Alla tistqarr li Pawlu u sħabu qattgħu “ħafna ħin jitkellmu bil-qlubija permezz taʼ l-awtorità li tahom Ġeħova.” (Atti 14:3) Tistaʼ int taġġusta ċ-ċirkustanzi tiegħek sabiex tqattaʼ iktar ħin, saħansitra “ħafna ħin,” fix-xogħol taʼ l-ippridkar, forsi billi taqdi bħala pijunier?—Aqra Ebrej 13:15.
15. L-anzjani kif jużaw il-ħin tagħhom bl-għaqal?
15 Meta l-appostlu Pawlu u rġiel leali oħrajn żaru l-kongregazzjoni Kristjana f’Antjokja, “għamlu ftit taż-żmien mhux ħażin mad-dixxipli” sabiex jinkuraġġuhom. (Atti 14:28) Illum, anzjani kollhom imħabba bl-istess mod jużaw ħafna mill-ħin tagħhom biex isaħħu lil oħrajn. Minbarra l-ministeru tagħhom taʼ l-għalqa, l-anzjani jaħdmu iebes biex jirgħu l-merħla, ifittxu n-nagħaġ mitlufin, jgħinu lill-morda, u jieħdu ħsieb ħafna responsabbiltajiet oħrajn ġewwa l-kongregazzjoni. Jekk int ħu mgħammed, jippermettulek iċ-ċirkustanzi tiegħek biex tirsisti għal iktar minn dawn il-privileġġi taʼ servizz?
16. X’inhuma xi modi kif nistgħu “nagħmlu t-tajjeb maʼ . . . min jiġi minna fil-fidi”?
16 Ħafna sabu l-ferħ f’li jgħinu biex jipprovdu serħan lil dawk li batew xi telf minħabba diżastri naturali jew dawk magħmulin mill-bniedem. Per eżempju, waħda oħt li għandha madwar 65 sena u li taqdi f’Betel ivvjaġġat distanzi twal f’diversi okkażjonijiet biex tagħti l-għajnuna bħala volontiera. Għala użat il-leave tagħha b’dan il-mod? Hi tgħid: “Għalkemm m’għandix xi sengħa speċjali, kien privileġġ li nagħmel kulma kien hemm bżonn. Ksibt ħafna inkuraġġiment meta rajt il-fidi qawwija taʼ ħuti rġiel u nisa li kienu sofrew telf materjali kbir.” Barra minn hekk, eluf madwar id-dinja jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna u Swali taʼ l-Assembleat. Billi jkollna sehem f’dawn l-attivitajiet, bla egoiżmu “nagħmlu t-tajjeb maʼ . . . min jiġi minna fil-fidi.”—Gal. 6:10.
“Jien Magħkom il-Jiem Kollha”
17. X’se tagħti int personalment biex tikseb il-ħajja taʼ dejjem?
17 Is-soċjetà umana mbiegħda minn Alla dalwaqt se tgħaddi. Ma nafux eżatt meta se jseħħ dan. Xorta waħda, żgur li nafu li “ż-żmien li fadal tqassar” u “x-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.” (Aqra l-1 Korintin 7:29-31.) Dan jagħti iktar tifsir lill-mistoqsija taʼ Ġesù: “Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?” Aħna żgur li se nagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju li jitlobna nagħmlu Ġeħova sabiex niksbu l-“ħajja vera.” (1 Tim. 6:19) Tabilħaqq, hu imperattiv li nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu mexjin warajh’ u biex ‘infittxu l-ewwel is-saltna.’—Mt. 6:31-33; 24:13.
18. Liema fiduċja jistaʼ jkollna, u għala?
18 M’għandniex xi ngħidu, li ssegwi lil Ġesù m’huwiex dejjem faċli, u fi qbil mat-twissija taʼ Ġesù, lil xi wħud switilhom ħajjithom f’din is-sistema dinjija. Minkejja dan, bħal Ġesù, aħna nevitaw it-tentazzjoni biex nuru ‘ħniena magħna nfusna.’ Għandna l-fidi fl-assiguranza li hu ta lis-segwaċi midlukin tiegħu taʼ l-ewwel seklu: “Jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:20) Għalhekk, ejja nużaw kemm jistaʼ jkun possibbli l-ħin u l-abbiltajiet tagħna fis-servizz sagru. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nkunu qed nuru l-fiduċja tagħna li Ġeħova se jħallina ħajjin biex ngħaddu mit-tribulazzjoni l-kbira jew inkella jerġaʼ jagħtina l-ħajja fid-dinja l-ġdida. (Ebr. 6:10) B’hekk, inkunu wrejna kemm napprezzaw bil-kbir l-għotja tal-ħajja.
Int Kif Twieġeb?
• Ġesù kif wera b’mod taʼ l-għaġeb li kien lest li jaqdi lil Alla u lill-bniedem?
• Wieħed għala għandu jiċħad lilu nnifsu, u dan kif isir?
• F’Israel tal-qedem, liema kien l-uniku tip taʼ sagrifiċċju li kien aċċettat minn Ġeħova, u llum dan kif jiggwidana?
• B’liema modi nistgħu aħna nużaw il-ħin tagħna b’mod għaqli?
[Stampi f’paġna 26]
Ġesù dejjem għamel dak li kien jogħġob lil Alla
[Stampa f’paġna 28]
L-Israelin li kienu japprezzaw taw l-aqwa tagħhom biex jappoġġaw il-qima vera
[Stampi f’paġna 29]
Aħna nogħġbu lil Alla billi nużaw il-ħin tagħna b’mod għaqli