LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 12/15 pp. 7-11
  • Se Żżommha Soda l-Integrità Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Se Żżommha Soda l-Integrità Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Nistgħu Nkunu Nies taʼ Integrità?
  • Kif Nistgħu Nżommu l-​Integrità Tagħna?
  • Xi Ngħidu Jekk Xi Ħadd Ma Jżommx l-​Integrità?
  • Għala Żżomm l-Integrità Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Żomm l-integrità tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Imxi fit-Triq taʼ l-Integrità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Aħna Se Nimxu bl-Integrità Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 12/15 pp. 7-11

Se Żżommha Soda l-​Integrità Tiegħek?

“Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!”—ĠOB 27:5.

1, 2. F’liema proġett taʼ bini rridu nieħdu sehem, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

IMMAĠINA li qed tħares lejn il-​pjanta taʼ dar. Int tiskanta kemm id-​disinn huwa prattiku. Tieħu pjaċir taħseb fuq il-​modi li bihom id-​dar tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalik u għall-​familja tiegħek. Imma ma taqbilx int li kemm din il-​pjanta u kemm kwalunkwe ħsieb li jistaʼ jkollok dwarha ma tantx se jkunu siewja jekk int ma tibnix id-​dar, ma tmurx toqgħod fiha, u mbagħad ma tiħux ħsiebha?

2 Bl-​istess mod, għandna mnejn inħossu li l-​integrità hija kwalità importanti ferm li se tagħmel ħafna ġid kemm lilna u kemm lil dawk li nħobbu. Imma billi naħsbu b’mod tajjeb dwar l-​integrità ftit se jagħmlilna ġid jekk ma nibnux u ma nżommux l-​integrità Kristjana tagħna. Fid-​dinja taʼ llum, il-​proġetti letterali tal-​bini spiss iqumu ħafna flus. (Lq. 14:28, 29) Bl-​istess mod, biex nibnu l-​integrità jirrikjedi ħin u sforz, u madankollu dan verament hu siewi. Mela ejja niddiskutu tliet mistoqsijiet: Kif nistgħu nkunu nies taʼ integrità? Kif nistgħu nżommu l-​integrità tagħna? X’jistaʼ jsir jekk xi ħadd għal xi żmien ma jkunx żamm l-​integrità tiegħu?

Kif Nistgħu Nkunu Nies taʼ Integrità?

3, 4. (a) Ġeħova b’liema modi se jgħinna nibnu l-​integrità? (b) Kif nistgħu nibnu l-​integrità, bħalma jurina l-​eżempju taʼ Ġesù?

3 Fl-​artiklu taʼ qabel għedna li Ġeħova jonorana billi jħallina nagħżlu jekk irridux inkunu nies taʼ integrità jew le. Madankollu, b’ferħ hu mhux se jħallina waħedna f’din il-​kwistjoni. Hu jgħallimna kif nistgħu nibnu din il-​kwalità prezzjuża, u jagħtina b’mod ġeneruż mill-​ispirtu qaddis tiegħu, li jgħinna napplikaw it-​tagħlim tiegħu. (Lq. 11:13) Hu saħansitra jipprovdi protezzjoni spiritwali għal dawk li jistinkaw biex jimxu bl-​integrità.—Prov. 2:7.

4 Ġeħova kif għallimna nżommu l-​integrità? Fuq kollox, billi bagħat lil Ibnu, Ġesù, fuq l-​art. Ġesù għex ħajja t’ubbidjenza perfetta. Hu “sar ubbidjenti sal-​mewt.” (Flp. 2:8) F’dak kollu li għamel, Ġesù obda lil Missieru tas-​sema, anki meta kien diffiċli ħafna. “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi,” hu qal lil Ġeħova. (Lq. 22:42) Kull wieħed minna jagħmel tajjeb jistaqsi lilu nnifsu, ‘Għandi jien spirtu simili t’ubbidjenza?’ Jekk nuru ubbidjenza b’motiv tajjeb, aħna se nkunu wħud li nżommu l-​integrità. Ikkunsidra xi aspetti fil-​ħajja li fihom l-​ubbidjenza hija importanti b’mod speċjali.

5, 6. (a) David kif enfasizza l-​importanza li nżommu l-​integrità saħansitra meta ħadd ma jkun qed jarana? (b) Il-​Kristjani llum liema sfidi għall-​integrità jiffaċċjaw meta jkunu waħedhom?

5 Irridu nobdu lil Ġeħova anki meta naħsbu li aħna waħedna. Is-​salmista David wera l-​importanza taʼ l-​integrità f’okkażjonijiet meta hu forsi kien waħdu. (Aqra Salm 101:2.) Bħala sultan, David kien dejjem imdawwar bin-​nies. Żgur li kien hemm ħafna drabi meta hu kellu mijiet, saħansitra eluf, t’osservaturi. (Qabbel Salm 26:12.) Kien importanti li f’mumenti bħal dawn iżomm l-​integrità, għax is-​sultan kellu jagħti eżempju tajjeb lin-​nies tiegħu. (Dt. 17:18, 19) Madankollu, David tgħallem li meta hu forsi kien waħdu—‘ġewwa daru’—hu xorta kellu bżonn jimxi bl-​integrità. Xi ngħidu għalina?

6 F’Salm 101:3 nsibu l-​kliem taʼ David: “M’iniex se nqiegħed quddiem għajnejja xi ħaġa li m’hi tajba għal xejn.” Hemm ħafna opportunitajiet illum biex inpoġġu quddiem għajnejna affarijiet li m’huma tajbin għal xejn, speċjalment meta nkunu waħedna. Għal ħafna wħud, l-​aċċess għall-​Internet jippreżentalhom sfida f’dan ir-​rigward. Huwa faċli li tiġi ttantat biex tħares lejn materjal suġġestiv, saħansitra pornografiku. Imma jekk tagħmel hekk, tkun int qed tobdi lil dak Alla li nebbaħ lil David biex jikteb dan il-​kliem? Il-​pornografija tagħmel il-​ħsara, għax tqajjem xewqat ħżiena u rgħiba, tħassar il-​kuxjenza, tkisser iż-​żwiġijiet, u tbaxxi lil kulmin hu involut.—Prov. 4:23; 2 Kor. 7:1; 1 Tess. 4:3-5.

7. Liema prinċipju jistaʼ jgħinna nżommu l-​integrità meta nkunu waħedna?

7 M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda qaddej taʼ Ġeħova m’huwa qatt verament waħdu. Missierna tas-​sema jgħasses fuqna bi mħabba. (Aqra Salm 11:4.) Min jaf kemm ikun ferħan Ġeħova meta jarak tirreżisti t-​tentazzjonijiet! Jekk tagħmel hekk, int tkun qed tagħti kas it-​twissija implikata fil-​kliem taʼ Ġesù li hemm f’Mattew 5:28. Għaldaqstant kun determinat li ma tħarisx lejn stampi li jistgħu jittantawk tagħmel dak li hu ħażin. Tpartatx l-​integrità prezzjuża tiegħek maʼ l-​att taʼ mistħija taʼ li tħares lejn jew taqra l-​pornografija!

8, 9. (a) Danjel u sħabu ffaċċjaw liema sfida għall-​integrità tagħhom? (b) Żgħażagħ Kristjani llum kif iferrħu lil Ġeħova u lil sħabhom il-​Kristjani?

8 Aħna wkoll nistgħu nibqgħu nżommu l-​integrità billi nobdu lil Ġeħova meta nkunu fost dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin. Aħseb f’Danjel u t-​tliet sħabu. Bħala żgħażagħ, huma ttieħdu bħala lsiera lejn Babilonja. Hemmhekk, imdawrin minn dawk li ma kinux taʼ l-​istess twemmin u li ftit li xejn kienu jafu dwar Ġeħova, l-​erbaʼ Ebrej kienu taħt pressjoni biex jieklu mill-​ikel li l-​Liġi t’Alla kienet tipprojbixxi. Dawn is-​subien setgħu faċilment sabu raġunijiet biex jagħmlu kompromess. Wara kollox, il-​ġenituri tagħhom, l-​anzjani, u l-​qassisin ma setgħux jaraw x’kienu qed jagħmlu dawn l-​erbgħa. Min kien se jkun jaf? Ġeħova nnifsu kien se jkun jaf. Għalhekk, huma ħadu waqfa soda u obdewh minkejja l-​pressjoni u r-​riskju.—Dan. 1:3-9.

9 Madwar id-​dinja, iż-​żgħażagħ tax-​Xhieda taʼ Ġeħova qed jieħdu waqfa simili, billi jżommu l-​livelli t’Alla għall-​Kristjani u jirrifjutaw li jċedu għall-​pressjoni minn dawk taʼ mparhom li tant tagħmel ħsara. Meta intom iż-​żgħażagħ tirrifjutaw li tinvolvu ruħkom fid-​drogi, il-​vjolenza, il-​kliem baxx, l-​immoralità, u f’atti ħżiena oħra, intom tkunu qed tobdu lil Ġeħova. Hekk kif tagħmlu hekk, intom tkunu qed iżżommu l-​integrità tagħkom. Tkun qed tibbenefika int innifsek, u tkun qed tferraħ lil Ġeħova u lil sħabek il-​Kristjani!—Salm 110:3.

10. (a) Liema ideat ħżiena dwar il-​fornikazzjoni wasslu lil xi żgħażagħ biex jagħmlu kompromess mill-​integrità tagħhom? (b) L-​integrità kif iġġegħelna naġixxu meta niġu ffaċċjati mill-​periklu tal-​fornikazzjoni?

10 Irridu wkoll inkunu ubbidjenti meta nittrattaw mal-​membri tas-​sess oppost. Nafu li l-​Kelma t’Alla tipprojbixxi l-​fornikazzjoni. Madankollu, huwa faċli li spirtu ubbidjenti jinbidel f’wieħed permissiv. Per eżempju, xi żgħażagħ ħadu sehem f’sess orali jew anali jew immasturbaw lil xulxin, billi kkonkludew li dawn l-​atti m’humiex daqstant ħżiena minħabba li huma jaħsbu li teknikament mhux “qed ikollhom relazzjoni sesswali.” Żgħażagħ bħal dawn jinsew—jew jagħżlu li jinjoraw—li l-​kelma li l-​Bibbja tuża għal fornikazzjoni tinkludi dawn il-​prattiki kollha, kondotta ħażina li għaliha dak li jkun jistaʼ jiġi maqtugħ mis-​sħubija.a Madankollu, agħar minn hekk, huma jinjoraw il-​bżonn li jżommu l-​integrità. Ladarba nistinkaw biex inżommu l-​integrità, aħna ma nfittxux modi biex niskużaw kondotta ħażina. Aħna mhux se nabbużaw billi naslu sal-​punt li kważi nkunu dnibna imma mhux sal-​punt li jkun ħaqqna kastig. Ma niffokawx biss fuq il-​konsegwenzi ġudizzjarji li għemil ħażin jistaʼ jġib fuqna. Minflok, niffokaw fuq li nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova, billi nevitaw li nweġġgħulu s-​sentimenti tiegħu. Minflok ma naraw kemm nistgħu niġu viċin li nidinbu, aħna nżommu ’l bogħod mid-​dnub u ‘naħarbu miż-​żína.’ (1 Kor. 6:18) B’hekk, inkunu qed nuru li aħna nies taʼ integrità ġenwina.

Kif Nistgħu Nżommu l-​Integrità Tagħna?

11. Kull att t’ubbidjenza għala huwa sinifikanti? Agħti eżempju.

11 Aħna nibnu l-​integrità permezz taʼ l-​ubbidjenza, u għalhekk inżommu l-​integrità tagħna billi nibqgħu nobdu. Att wieħed t’ubbidjenza jistaʼ jidher insinifikanti—kwistjoni żgħira. Madankollu, atti ubbidjenti bħal dawn maż-​żmien isarrfu ħafna. Sabiex nagħtu eżempju: Briksa waħda tistaʼ tidher insinifikanti, imma jekk inpoġġu bir-​reqqa ħafna minnhom ħdejn xulxin, nistgħu nibnu dar sabiħa. Għalhekk, billi nkomplu nżidu maʼ l-​atti taʼ l-​ubbidjenza tagħna, aħna nżommu l-​integrità tagħna.—Lq. 16:10.

12. David kif ta eżempju f’li jżomm l-​integrità meta ffaċċja trattament ħażin u inġustizzja?

12 L-​integrità tagħna tidher b’mod speċjali meta nissaportu t-​tbatija, it-​trattament ħażin, jew l-​inġustizzja. Ikkunsidra l-​eżempju Bibliku taʼ David. Bħala żagħżugħ, hu ssaporta persekuzzjoni minn sultan li suppost kien jirrappreżenta l-​awtorità taʼ Ġeħova. Madankollu, is-​Sultan Sawl kien tilef il-​favur taʼ Ġeħova u kien jgħir ħafna għal David, li kellu l-​approvazzjoni t’Alla. Madankollu, Sawl baqaʼ fl-​awtorità għal xi żmien u uża l-​armata taʼ Israel biex jiġri wara David u jippersegwitah. Ġeħova ppermetta din l-​inġustizzja sabiex tibqaʼ għaddejja għal xi snin. Kien David irrabjat għal Alla? Iddeċieda hu li ma kienx hemm għalfejn jissaporti? Għall-​kuntrarju, hu baqaʼ jirrispetta bil-​kbir il-​pożizzjoni taʼ Sawl bħala l-​midluk t’Alla, u rrifjuta li jivvendika ruħu minn Sawl meta ġietu l-​opportunità.—1 Sam. 24:2-7.

13. Kif nistgħu nżommu l-​integrità jekk ġejna mweġġgħin jew offiżi?

13 Kemm huwa qawwi l-​eżempju taʼ David għalina llum! Aħna nagħmlu parti minn kongregazzjoni madwar id-​dinja taʼ bnedmin imperfetti, li kull wieħed minnhom jistaʼ jonqosna jew saħansitra ma jibqax leali. M’għandniex xi ngħidu, aħna mberkin li qed ngħixu fi żmien meta l-​poplu taʼ Ġeħova in ġenerali qatt ma jistaʼ jiġi korrott. (Is. 54:17) Madankollu, kif se nirreaġixxu jekk xi ħadd jiddiżappuntana jew iweġġagħna? Jekk inħallu l-​imrar lejn xi aduratur sħabna jivvelenalna lil qalbna, l-​integrità tagħna lejn Alla tistaʼ tkun fil-​periklu. Il-​kondotta t’oħrajn qatt m’hi skuża biex inħossuna rrabjati għal Alla jew nabbandunaw it-​triq tal-​lealtà. (Salm 119:165) Jekk nissaportu saħansitra meta niffaċċjaw il-​provi se niġu megħjunin inżommu l-​integrità tagħna.

14. Dawk li jżommu l-​integrità b’liema mod jirreaġixxu għall-​bidliet li jsiru fl-​organizzazzjoni u meta jkun hemm irfinar taʼ xi tagħlim?

14 Aħna nistgħu wkoll inżommu l-​integrità billi nevitaw li jkollna spirtu taʼ li noqogħdu nfittxu n-​nuqqasijiet u nikkritikaw. M’għandniex xi ngħidu, dan ifisser li tkun leali lejn Ġeħova. Hu qed ibierek lill-​poplu tiegħu issa iktar minn qatt qabel. Il-​qima pura qatt fl-​istorja kollha ma kienet daqstant eżaltata fuq l-​art. (Is. 2:2-4) Meta jsiru xi aġġustamenti biex jispjegaw xi siltiet mill-​Bibbja jew fil-​mod kif isiru l-​affarijiet, aħna rridu naċċettawhom. Aħna nifirħu meta naraw evidenza li d-​dawl spiritwali għadu jiżdied. (Prov. 4:18) Jekk insibuha diffiċli biex nifhmu għala saret ċerta bidla, nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nifhmu l-​punt. Sadanittant, aħna nissaportu billi nkunu ubbidjenti u nżommu l-​integrità tagħna.

Xi Ngħidu Jekk Xi Ħadd Ma Jżommx l-​Integrità?

15. Min biss jistaʼ jġiegħlek titlef l-​integrità tiegħek?

15 Din hija mistoqsija taʼ min jaħseb fuqha bis-​serjetà, hux tassew? Bħalma tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel, l-​integrità hija assolutament essenzjali. Mingħajrha, m’għandniex relazzjoni maʼ Ġeħova u ma jkollna l-​ebda tama reali. Żomm dan f’moħħok: Hemm biss individwu wieħed fl-​univers li jistaʼ jġiegħlek titlef l-​integrità. Dan huwa int innifsek. Ġob fehem din il-​verità sew. Hu qal: “Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!” (Ġob 27:5) Jekk għandek l-​istess determinazzjoni u jekk tibqaʼ qrib Ġeħova, int qatt m’għandek għalfejn titlef l-​integrità tiegħek.—Ġak. 4:8.

16, 17. (a) Jekk xi ħadd jaqaʼ fi dnub serju, x’m’għandux jagħmel? (b) X’għandu jagħmel?

16 Xorta waħda, xi wħud ma jibqgħux iżommu l-​integrità tagħhom. Saħansitra bħalma ġara meta l-​appostli kienu għadhom preżenti, xi wħud illum jibdew jipprattikaw xi dnub serju. Jekk dan ġara lilek, hija s-​sitwazzjoni tiegħek bla tama? Mhux neċessarjament. X’jistaʼ jsir? Ejja l-​ewwel nikkunsidraw dak li m’għandekx tagħmel. It-​tendenza umana hi li naħbu l-​ħażen mill-​ġenituri, mill-​Kristjani sħabna, jew mill-​anzjani. Madankollu, il-​Bibbja tfakkarna: “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.” (Prov. 28:13) Dawk li jfittxu li jgħattu d-​dnubiet tagħhom jagħmlu żball kbir, għax xejn ma jistaʼ jinħeba minn Alla. (Aqra Ebrej 4:13.) Xi wħud saħansitra jipprovaw jgħixu ħajja doppja, billi jippretendu li jaqdu lil Ġeħova u fl-​istess ħin ikunu qed jieħdu sehem fi dnub serju. Ħajja bħal din hija nieqsa mill-​integrità—dan hu, fil-​fatt, eżattament l-​oppost taʼ l-​integrità. Ġeħova ma jiħux pjaċir b’atti taʼ qima li jwettqu wħud li jkunu qed jaħbu dnubiet serji. Għall-​kuntrarju, din l-​ipokrisija tirrabjah.—Prov. 21:27; Is. 1:11-16.

17 Meta Kristjan jinvolvi ruħu f’ħażen serju, dak li għandu jagħmel huwa ċar. Huwa ż-​żmien li jfittex l-​għajnuna taʼ l-​anzjani Kristjani. Ġeħova għandu arranġament li bih jiġi trattat il-​mard spiritwali serju. (Aqra Ġakbu 5:14.) Tħallix il-​biżaʼ minħabba dixxiplina jew korrezzjoni li tistaʼ tingħata jżommok lura milli tiġri wara s-​saħħa spiritwali tiegħek. Wara kollox, se jħalli individwu għaqli l-​uġigħ temporanju taʼ injezzjoni jew saħansitra operazzjoni jżommu lura milli jieħu ħsieb problema taʼ saħħa li tkun qed tipperikolalu ħajtu?—Ebr. 12:11.

18, 19. (a) L-​eżempju taʼ David kif juri li l-​integrità tistaʼ terġaʼ tinkiseb? (b) X’inhi d-​determinazzjoni tiegħek rigward l-​integrità tiegħek?

18 Hemm tama li dak li jkun jirkupra kompletament? Tistaʼ l-​integrità terġaʼ tinkiseb ladarba tkun intilfet? Erġaʼ kkunsidra l-​eżempju taʼ David. Hu waqaʼ fi dnub serju. Ħares b’xenqa b’għira lejn il-​mara taʼ raġel ieħor, ikkommetta adulterju, u rranġa biex ir-​raġel innoċenti jinqatel. Huwa diffiċli li tqis lil David bħala raġel taʼ integrità matul dak iż-​żmien, hux hekk? Madankollu, kienet is-​sitwazzjoni tiegħu bla tama? David kellu bżonn dixxiplina qawwija u rċivieha. Imbagħad l-​indiema sinċiera tiegħu wasslet lil Ġeħova biex ikollu ħniena minnu. David tgħallem mid-​dixxiplina u reġaʼ kiseb l-​integrità tiegħu billi baqaʼ jobdi lil Alla. Il-​ħajja taʼ David hija eżempju taʼ dak li naqraw fi Proverbji 24:16: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.” X’se jkun ir-​riżultat? Ikkunsidra dak li Ġeħova qal lil Salamun dwar David wara li dan miet. (Aqra l-​1 Slaten 9:4.) Alla ftakar f’David bħala raġel taʼ integrità. Tabilħaqq, Ġeħova jistaʼ jnaddaf lil dawk li dinbu u li huma nedmin mit-​tebgħa taʼ dnub, saħansitra dnubiet serji.—Is. 1:18.

19 Iva, int se tkun persuna taʼ integrità jekk turi ubbidjenza bi mħabba. Ibqaʼ ssaporti bil-​lealtà, u jekk tikkommetti dnub serju, uri ndiema ġenwina. Kemm hi prezzjuża l-​integrità! Jalla kull wieħed minna jkollu l-​istess determinazzjoni taʼ David: “Min-​naħa tiegħi, jien se nimxi bl-​integrità tiegħi.”—Salm 26:11.

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Frar, 2004, paġna 13, paragrafu 15.

Int Kif Twieġeb?

• Kif tistaʼ tkun persuna taʼ integrità?

• B’liema modi tistaʼ żżomm l-​integrità tiegħek?

• Kif tistaʼ terġaʼ tikseb l-​integrità?

[Kaxxa f’paġna 8]

“KIENET ĦAĠA MILL-​ISBAĦ”

Dan il-​kliem qalitu mara, li kellha ħames xhur tqala, rigward il-​qalb tajba u l-​integrità taʼ stranġiera. Hi kienet f’kafetterija, u xi sigħat wara indunat li kienet ħalliet il-​portmoni warajha. Il-​portmoni kien fih 1,290 ewro, ħafna iktar flus milli kienet imdorrija ġġorr magħha. “Kont verament inkwetata,” qalet hi iktar tard lil ġurnalist taʼ gazzetta lokali. Madankollu, żagħżugħa sabet il-​portmoni u mill-​ewwel bdiet tfittex taʼ min kien. Peress li ma rnexxilhiex, ħaditu għand il-​pulizija, u l-​pulizija finalment sabu lill-​mara li kienet tqila. “Tassew kienet ħaġa mill-​isbaħ,” qalet hi b’apprezzament. Iż-​żagħżugħa għala għamlet daqstant sforz biex tagħti l-​flus lura? Il-​gazzetta qalet li bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi “tagħti l-​kredtu taʼ l-​integrità tagħha lir-​reliġjon li trabbiet fiha.”

[Stampa f’paġna 9]

Iż-​żgħażagħ jistgħu jibqgħu juru l-​integrità meta jkunu għaddejjin minn prova

[Stampa f’paġna 10]

David naqas milli jżomm l-​integrità għal xi żmien, imma hu rkupra

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja