Rajtha Tikber fil-Korea
Kif rakkontata minn Milton Hamilton
“Jiddispjaċina ninformawkom li l-gvern tar-Repubblika tal-Korea annulla l-viżi kollha tagħkom il-missjunarji u wera li intom m’intomx milqugħin fil-pajjiż. . . . Minħabba dan l-iżvilupp, intom qed tintbagħtu temporanjament biex taqdu fil-Ġappun.”
FL-AĦĦAR taʼ l-1954, jien u marti rċivejna dan il-messaġġ minn Brooklyn, New York, fl-Istati Uniti. Iktar kmieni dik is-sena konna ggradwajna mit-23 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilegħad fin-naħa taʼ fuq taʼ l-istat taʼ New York. Meta rċivejna l-ittra, konna qed naqdu temporanjament f’Indianapolis, Indiana.
Marti, Liz (li qabel kienet Liz Semock), u jien konna fl-istess klassi fl-iskola sekondarja. Iktar tard, fl-1948, iżżewwiġna. Hi kienet tħobbu l-ministeru full-time imma ma xtaqitx titlaq mill-Istati Uniti biex taqdi f’pajjiż barrani. X’ġegħelha tbiddel il-ħsieb?
Liz qablet li tiġi miegħi għal-laqgħa li saret għal dawk li xtaqu jsiru studenti taʼ Gilegħad. Din il-laqgħa nżammet matul il-konvenzjoni internazzjonali li saret fil-Yankee Stadium, New York, fis-sajf taʼ l-1953. Wara din il-laqgħa inkuraġġanti mlejna l-applikazzjonijiet biex immorru Gilegħad. Ħaġa taʼ l-iskantament, aħna ġejna mistidnin biex nattendu l-klassi li kien imiss, li kellha tibda fi Frar taʼ l-1954.
Ġejna assenjati biex immorru l-Korea, minkejja li kienu għadhom kif intemmu tliet snin taʼ gwerra fis-sajf taʼ l-1953, li ħalliet warajha ħerba kbira fil-pajjiż. Bħalma ġejna istruwiti fl-ittra kwotata hawn fuq, aħna morna l-ewwel il-Ġappun. Wara li domna nivvjaġġaw għal 20 ġurnata fl-oċean, wasalna hemmhekk f’Jannar taʼ l-1955 flimkien maʼ sitt missjunarji sħabna, li wkoll kienu ngħataw l-inkarigu biex jaqdu fil-Korea. Lloyd Barry, l-indokratur tal-fergħa tal-Ġappun f’dak iż-żmien, iltaqaʼ magħna ħdejn il-moll fis-6:00 taʼ fil-għodu. Ma domniex ma tlaqna lejn id-dar missjunarja f’Yokohama. Iktar tard, dak l-istess jum, ħriġna fil-ministeru.
Sa fl-Aħħar Wasalna l-Korea
Maż-żmien ksibna l-viżi biex nidħlu fir-Repubblika tal-Korea. Fis-7 taʼ Marzu, 1955, l-ajruplan telaq mill-Ajruport Internazzjonali taʼ Haneda f’Tokjo għat-titjira taʼ tliet sigħat lejn l-Ajruport taʼ Yoido f’Seoul. Kien hemm iktar minn 200 Xhud Korean jilqgħuna, u aħna bdejna nibku bil-ferħ. Lura f’dak iż-żmien kien hemm biss 1,000 Xhud fil-Korea kollha. Bħal ħafna nies oħrajn tal-Punent, aħna konna naħsbu li n-nies kollha tal-pajjiżi taʼ l-Orjent huma wiċċ wieħed u jaġixxu bħal xulxin. Ma domniex ma indunajna li konna żbaljati. Il-Koreani mhux biss għandhom il-lingwa u l-alfabet tagħhom stess imma wkoll l-ikel tradizzjonali, il-karatteristiki fiżiċi, u l-ilbies tradizzjonali tagħhom stess, kif ukoll affarijiet oħrajn li huma uniċi, bħalma hu l-mod kif inhu disinjat il-bini tagħhom.
L-ewwel sfida kbira tagħna kienet li nitgħallmu l-lingwa. Ma kienx hemm kotba disponibbli għalina li jgħinuna nitgħallmu l-Korean. Malajr indunajna li kien impossibbli li timita eżatt il-mod kif jitlissen il-kliem Korean billi sempliċement illissnuh kif jinħass bl-Ingliż. Individwu jistaʼ jitgħallem il-pronunzja korretta biss jekk jitgħallem l-alfabet Korean.
Żbalji għamilna kemm trid. Per eżempju, Liz staqsiet lil inkwilina jekk kellhiex Bibbja. Din kollha ċċassata marret u ġabet kaxxa sulfarini. Liz kienet talbitha sungnyang (sulfarini) minflok sungkyung, il-kelma għal “Bibbja.”
Wara ftit xhur ngħatajna l-inkarigu biex immorru niftħu dar missjunarja f’Pusan, belt kbira fin-nofsinhar tal-Korea fejn hemm port. Hemmhekk stajna nikru tliet kmamar żgħar għalina t-tnejn u għaż-żewġ aħwa nisa li kienu se jaqdu flimkien magħna. Fil-kmamar ma kienx hemm provvista taʼ l-ilma jew tojlit li jifflaxxja. Bil-lejl biss kien ikun hemm biżżejjed pressa biex l-ilma jkun jistaʼ jitlaʼ minn ġo pajp sat-tieni sular. Għalhekk, kull wieħed minna, meta kien ikun imissu, kien iqum fis-sigħat bikrin taʼ fil-għodu biex jimla l-ilma fir-reċipjenti li kellna. L-ilma kellna ngħalluh jew nitfgħulu l-klorin biex ikun tajjeb għax-xorb.
Kellna sfidi oħrajn. Il-provvista taʼ l-elettriku tant kienet limitata li la stajna nużaw magna tal-ħasil u lanqas ħadida tal-mogħdija. Il-kċina tagħna kienet fl-intrata, u ħlief spiritiera tal-pitrolju ma kienx hemm fiha. Fi żmien qasir, kull wieħed minna tgħallem jipprepara ikla fil-ġurnata li fiha kien imissu jsajjar. Tliet snin wara li wasalna, kemm jien u kemm Liz qabditna l-epatite. Il-biċċa l-kbira mill-missjunarji dak iż-żmien kienet taqbadhom din il-marda. Għaddew ix-xhur sakemm fiqna, u kellna problemi oħrajn taʼ saħħa.
Megħjunin Biex Negħlbu l-Ostakli
Għal dawn l-aħħar 55 sena, il-peniżola Koreana kienet wieħed mill-postijiet l-iktar instabbli politikament fl-Asja. Id-DMZ, jew iż-żona demilitarizzata, taqsam il-peniżola. Qiegħda 55 kilometru lejn it-tramuntana taʼ Seoul, il-belt kapitali tar-Repubblika tal-Korea. Fl-1971, żarna Frederick Franz mill-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn. Jien mort miegħu d-DMZ, l-iktar fruntiera fortifikata fuq l-art. Matul is-snin, uffiċjali tal-Ġnus Magħquda spiss iltaqgħu hemmhekk maʼ rappreżentanti taż-żewġ gvernijiet.
M’għandniex xi ngħidu, aħna nibqgħu newtrali rigward il-politika taʼ din id-dinja, inkluż is-sitwazzjoni li hemm fuq il-peniżola Koreana. (Ġw. 17:14) Minħabba li rrifjutaw li jiggwerraw kontra popli oħrajn, iktar minn 13,000 Xhud Korean qattgħu total taʼ 26,000 sena fil-ħabs. (2 Kor. 10:3, 4) L-aħwa żgħażagħ kollha f’dak il-pajjiż huma konxji li se jiffaċċjaw din il-kwistjoni, imma ma jċedux minħabba l-biżaʼ. Huwa taʼ dispjaċir kbir li l-gvern jittimbra bħala “kriminali” lil ministri Kristjani li l-uniku “delitt” tagħhom hu li jirrifjutaw li jagħmlu kompromess min-newtralità Kristjana tagħhom.
Lura fl-1944, matul it-tieni gwerra dinjija, jien ukoll irrifjutajt li nidħol fis-servizz militari, u b’hekk kelli nqattaʼ sentejn u nofs fil-ħabs fl-Amerika ġo Lewisburg, Pennsylvania. Għalhekk, għalkemm ħutna Koreani ffaċċjaw żmien iktar diffiċli fil-ħabs, jien familjari maʼ dak li għaddew minnu dawn ix-Xhieda żgħażagħ. Ħafna ġew inkuraġġiti meta saru jafu li xi wħud minna l-missjunarji fil-Korea għaddejna minn esperjenza simili.—Is. 2:4.
Niffaċċjaw Sfida
In-newtralità tagħna kienet involuta fi kwistjoni li nqalgħet fl-1977. Xi uffiċjali immaġinaw li aħna konna influwenzajna lil xi żgħażagħ Koreani biex jirrifjutaw li jidħlu fis-servizzi armati u jużaw l-armi. Għalhekk, il-gvern iddeċieda li jiċħad il-permessi taʼ dħul mill-ġdid lill-missjunarji li jitilqu mill-pajjiż, tkun xi tkun ir-raġuni. Din ir-restrizzjoni damet mill-1977 sa l-1987. Kieku tlaqna mill-Korea matul dawk is-snin, ma kinux iħalluna nirritornaw. B’hekk, qatt ma morna lura pajjiżna saħansitra għal żjara matul dawk is-snin.
Ħafna drabi ltqajna maʼ l-uffiċjali tal-gvern u spjegajna l-pożizzjoni newtrali tagħna bħala segwaċi taʼ Kristu. Eventwalment, huma rrealizzaw li aħna ma konniex se nċedu minħabba l-biżaʼ, u b’hekk din ir-restrizzjoni sa fl-aħħar intemmet—wara għaxar snin. Matul dawk is-snin kien hemm xi missjunarji li kellhom jitilqu mill-pajjiż għal raġunijiet bħalma huma kwistjonijiet taʼ saħħa, imma l-bqija minna bqajna hemmhekk, u aħna kuntenti li għamilna hekk.
F’nofs is-snin tmenin, xi opponenti tal-ministeru tagħna akkużaw b’mod falz lid-diretturi tal-korporazzjoni legali tagħna li kienu qed jgħallmu liż-żgħażagħ biex jirrifjutaw li jidħlu fil-militar. Għal dan, il-gvern sejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex jinterrogana. Fit-22 taʼ Jannar, 1987, l-uffiċċju tal-prosekutur sab li l-akkużi kienu bla bażi. Dan għen biex l-affarijiet iċċaraw għall-futur.
Alla Jbierek ix-Xogħol Tagħna
Fil-Korea, l-oppożizzjoni għax-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna kienet ħraxet matul is-snin minħabba n-newtralità tagħna. Għaldaqstant sar iktar u iktar diffiċli biex insibu postijiet għall-assembleat il-kbar tagħna. Għalhekk, ix-Xhieda ħadu l-inizjattiva u bnew Sala taʼ l-Assemblea f’Pusan, l-ewwel waħda fl-Orjent. Kien il-privileġġ tiegħi li nagħti t-taħdita tad-dedikazzjoni fil-5 t’April, 1976, quddiem udjenza taʼ 1,300 ruħ.
Mill-1950 ’l hawn, kien hemm għaxriet t’eluf taʼ rġiel tal-militar mill-Istati Uniti stazzjonati fil-Korea. Wara li marru lura l-Istati Uniti, ħafna minnhom saru Xhieda attivi. Spiss nirċievu ittri mingħandhom, u nqisuha bħala barka li għenniehom spiritwalment.
B’sogħba, jien tlift lill-maħbuba sieħba tiegħi, Liz, meta mietet fis-26 taʼ Settembru, 2006. Tgħidx kemm nimmissjaha. Matul il-51 sena li kienet ilha hawnhekk, hi aċċettat bil-ferħ kwalunkwe inkarigu u qatt ma gergret. Hi qatt ma ssuġġeriet jew tagħtni x’nifhem li trid tmur lura lejn l-Istati Uniti, dik l-art li darba kienet qalet li qatt ma riedet titlaq minnha!
Jien għadni naqdi bħala membru tal-familja Betel fil-Korea. Il-familja żdiedet minn sempliċi erbgħa min-nies fl-ewwel snin għal 250 illum. Huwa l-privileġġ tiegħi li naqdi fil-Kumitat tal-Fergħa li hu magħmul minn sebat irġiel li jindokraw ix-xogħol hawnhekk.
Filwaqt li l-Korea kienet fqira ħafna meta wasalna, issa hija waħda mill-iktar ġnus avanzati tad-dinja. Hawn iktar minn 95,000 Xhud fil-Korea, kważi 40 fil-mija minnhom qed jaqdu bħala pijunieri regulari jew awżiljarji. Dan kollu jżid mar-raġunijiet għala jien apprezzajt il-fatt li stajt naqdi lil Alla hawnhekk u nara l-merħla t’Alla tikber.
[Stampa f’paġna 24]
Naslu l-Korea maʼ missjunarji sħabna
[Stampa f’paġna 24, 25]
Naqdu f’Pusan
[Stampa f’paġna 25]
Maʼ Ħuna Franz fid-DMZ, fl-1971
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ Liz ftit qabel ma mietet
[Stampa f’paġna 26]
Il-fergħa tal-Korea fejn għadni naqdi bħala membru tal-familja Betel