LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 2/15 pp. 17-21
  • Ibqaʼ fil-Wied taʼ Protezzjoni taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ fil-Wied taʼ Protezzjoni taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JIBDA ‘JUM LI HU TAʼ ĠEĦOVA’
  • ĠEĦOVA JIFFORMA “WIED KBIR FERM”
  • TIBDA L-​ĦARBA LEJN IL-​WIED!
  • JASAL “JUM IL-​GWERRA”
  • “ILMIJIET ĦAJJIN JOĦORĠU”
  • Ibqaʼ fil-“wied tal-muntanji”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
  • Ebda Arma Magħmula Kontrik Ma Tiswa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 2/15 pp. 17-21

Ibqaʼ fil-​Wied taʼ Protezzjoni taʼ Ġeħova

“Ġeħova se . . . jiggwerra kontra dawk il-​ġnus bħal f’jum il-​gwerra tiegħu, f’jum il-​ġlied.”—ŻAK. 14:3.

TISTAʼ TISPJEGA?

  • “Il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ” li “tinqasam minn nofsha,” x’tirrappreżenta?

  • Il-​“wied kbir ferm” x’jirrappreżenta, u kif nistgħu nibqgħu fih?

  • X’inhuma l-​“ilmijiet ħajjin” u min jibbenefika milli jixrob minnhom?

1, 2. Liema gwerra reali se sseħħ dalwaqt, u l-​qaddejja t’Alla x’mhux se jagħmlu f’din il-​gwerra?

FIT-​30 t’Ottubru, 1938, miljuni taʼ nies fl-​Istati Uniti kienu qed jisimgħu programm popolari tar-​radju li kien jittrasmetti d-​drammi. Dakinhar id-​dramm kien meħud mill-​ktieb tal-​fantaxjenza The War of the Worlds. Atturi li kienu qed jagħmluha taʼ qarrejja tal-​aħbarijiet iddeskrivew invażjoni minn Marte li kienet se teqred id-​dinja kollha. Għalkemm kien ixxandar li l-​programm kien sempliċement reċta, ħafna semmiegħa ħasbu li l-​attakk kien reali u beżgħu. Xi wħud saħansitra ħadu passi biex jipprovaw jipproteġu lilhom infushom minn aljeni immaġinarji.

2 Gwerra reali dalwaqt se sseħħ. Imma l-​maġġoranza tan-​nies mhumiex qed jippreparaw għaliha. Din il-​gwerra mhix imbassra f’xi ktieb tal-​fantaxjenza, imma fil-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja. Hi l-​gwerra t’Armageddon—il-​gwerra t’Alla kontra din is-​sistema mill-​agħar. (Riv. 16:14-​16) F’din il-​gwerra, il-​qaddejja t’Alla fuq l-​art mhux se jiddefendu ruħhom minn aljeni minn pjaneta oħra. Minflok, Ġeħova se juża l-​qawwa tiegħu biex isalvahom b’mod tal-​għaġeb.

3. Liema profezija se nikkunsidraw, u għala hi importanti għalina llum?

3 Profezija li naqraw f’​Żakkarija kapitlu 14 tgħidilna ħafna dwar il-​gwerra t’Armageddon. Għalkemm inkitbet xi 2,500 sena ilu, din il-​profezija hi importanti għalina llum. (Rum. 15:4) Din titkellem dwar l-​affarijiet li ġraw lin-​nies t’Alla mindu beda jirrenja Kristu fis-​sema fl-​1914. Titkellem ukoll fuq ġrajjiet eċċitanti li se jseħħu fil-​futur qarib. Din il-​profezija tgħidilna dwar “wied kbir ferm” u “ilmijiet ħajjin.” (Żak. 14:4, 8) F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu x’inhu dan il-​wied u kif l-​aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jsibu protezzjoni hemmhekk. Se nitgħallmu wkoll x’inhuma dawn l-​ilmijiet ħajjin u kif nistgħu nibbenefikaw minnhom. B’hekk, mhux biss se nirrealizzaw li għandna nixorbu minn dawn l-​ilmijiet, imma se nkunu rridu nixorbu minnhom. Mela, ħalli nagħtu l-​attenzjoni sħiħa tagħna lil din il-​profezija.—2 Pt. 1:19, 20.

JIBDA ‘JUM LI HU TAʼ ĠEĦOVA’

4. (a) Meta beda l-​‘jum li hu taʼ Ġeħova’? (b) Minn ħafna snin qabel l-​1914, x’kienu qed jiddikjaraw l-​aduraturi taʼ Ġeħova, u l-​mexxejja dinjin kif irreaġixxew?

4 Kapitlu 14 taʼ Żakkarija jiftaħ b’referenza għal ‘jum li hu taʼ Ġeħova.’ (Aqra Żakkarija 14:1, 2.) X’inhu dan il-​jum? Huwa “jum il-​Mulej,” li beda meta “s-​saltna tad-​dinja saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna u tal-​Kristu tiegħu.” (Riv. 1:10; 11:15) Dak il-​jum beda fl-​1914 mat-​twelid tas-​Saltna Messjanika fis-​smewwiet. Minn ħafna snin qabel l-​1914, l-​aduraturi taʼ Ġeħova ddikjaraw lill-​ġnus li t-​tmiem taż-​“żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” se jiġi f’dik is-​sena u li d-​dinja se tidħol f’perijodu taʼ inkwiet li qatt ma kien hawn bħalu. (Lq. 21:24) Kif irreaġixxew il-​ġnus? Minflok ma taw kas dik it-​twissija f’waqtha, il-​mexxejja politiċi u reliġjużi waqqgħu għaċ-​ċajt u ppersegwitaw lil dawk l-​evanġelizzaturi midlukin żelużi. Billi għamlu hekk, dawn il-​mexxejja dinjin żebilħu lill-​Alla li Jistaʼ Kollox innifsu, għax l-​ambaxxaturi midlukin tas-​Saltna jirrappreżentaw lil “Ġerusalemm tas-​sema”—is-​Saltna Messjanika—li jagħmlu parti minnha.—Ebr. 12:22, 28.

5, 6. (a) Liema azzjoni mbassra ħadu l-​ġnus kontra “l-​belt” u ċ-​‘ċittadini’ tagħha? (b) Min kienu l-​uħud ‘li baqaʼ mill-​poplu’?

5 Żakkarija bassar x’azzjoni kienu se jieħdu l-​ġnus meta qal: “Il-​belt [Ġerusalemm] se tinqabad.” “Il-​belt” tissimbolizza s-​Saltna Messjanika t’Alla. Fuq l-​art din hi rrappreżentata miċ-​‘ċittadini’ tagħha, il-​fdal tal-​Kristjani midlukin. (Flp. 3:20) Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, membri prominenti minn fost l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art ġew ‘maqbudin,’ jew arrestati, u mibgħutin f’ħabs f’Atlanta, Georgia, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. L-​għedewwa kienu inġusti u krudili mal-​Kristjani midlukin, ipprojbew il-​letteratura tagħhom, u pprovaw iwaqqfuhom milli jagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar. Kien bħallikieku l-​għedewwa ‘serqu,’ jew ħatfu bil-​vjolenza, id-​djar tal-​belt.

6 Għalkemm dawn l-​għedewwa potenti ppersegwitaw lin-​nies t’Alla u gidbu fuqhom, ma setgħux jeqirdu l-​qima vera. Kien hemm Kristjani midlukin li baqgħu leali. Bħalma semma Żakkarija, dawn kienu l-​uħud ‘li baqaʼ mill-​poplu’ li rrifjutaw li ‘jittieħdu mill-​belt.’

7. X’eżempju ħallew il-​Kristjani midlukin għalina llum?

7 Wara li spiċċat l-​Ewwel Gwerra Dinjija, waqfu l-​għedewwa jippersegwitaw lill-​poplu t’Alla? Le. Il-​persekuzzjoni li bassar Żakkarija kompliet. (Riv. 12:17) Pereżempju, kien hemm persekuzzjoni tal-​biżaʼ kontra ħutna matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. L-​eżempju taʼ fedeltà tal-​Kristjani midlukin jinkuraġġina biex nissaportu kwalunkwe prova li nistgħu ngħaddu minnha llum. Dawn il-​provi jinkludu oppożizzjoni fid-​dar, fuq ix-​xogħol, u fl-​iskola minn dawk li jwaqqgħuna għaċ-​ċajt minħabba t-​twemmin tagħna. (1 Pt. 1:6, 7) Noqogħdu fejn noqogħdu, aħna determinati li nibqgħu leali u li ma nibżgħux minn min jopponina. (Flp. 1:27, 28) Imma fejn nistgħu nsibu s-​sigurtà f’dinja li tobgħodna?—Ġw. 15:17-​19.

ĠEĦOVA JIFFORMA “WIED KBIR FERM”

8. (a) Il-​muntanji x’jistgħu jirrappreżentaw fil-​Bibbja? (b) “Il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ” x’tirrappreżenta?

8 Ladarba Ġerusalemm—“il-​belt”—tissimbolizza lil Ġerusalemm tas-​sema, “il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ, li qiegħda quddiem Ġerusalemm,” ukoll trid tinftiehem b’mod simboliku. Dik il-​muntanja x’tirrappreżenta? Kif se “tinqasam minn nofsha” u ssir żewġ muntanji? Ġeħova għala jirreferi għalihom bħala “l-​muntanji tiegħi”? (Aqra Żakkarija 14:3-​5.) Fil-​Bibbja, il-​muntanji jistgħu jirrappreżentaw saltniet, jew gvernijiet. Anki l-​barkiet u l-​protezzjoni huma assoċjati mal-​muntanja t’Alla. (Salm 72:3; Is. 25:6, 7) B’hekk, il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ tirrappreżenta l-​ħakma taʼ Ġeħova fuq il-​ħolqien kollu tiegħu.

9. Xi jfisser li l-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ “tinqasam minn nofsha”?

9 Il-​profezija tgħid li l-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ “tinqasam minn nofsha.” Dan xi jfisser? Li Ġeħova joħloq ħakma oħra għal skop speċjali. Din il-​ħakma hi t’Alla wkoll, u Ġesù Kristu hu s-​Sultan tagħha. Minħabba li ż-​żewġ ħakmiet huma taʼ Ġeħova, hu jsejjaħ iż-​żewġ muntanji “l-​muntanji tiegħi.”—Żak. 14:4.

10. Il-​“wied kbir ferm” bejn iż-​żewġ muntanji x’jirrappreżenta?

10 Meta l-​muntanja simbolika tinqasam, nofsha lejn it-​Tramuntana u nofsha lejn in-​Nofsinhar, saqajn Ġeħova jibqgħu fuq iż-​żewġ muntanji. Din il-​qasma tifforma “wied kbir ferm” taħt saqajn Ġeħova. Dan il-​wied simboliku jirrappreżenta l-​protezzjoni t’Alla. Sewwasew bħalma n-​nies huma protetti f’wied bejn żewġ muntanji, il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma protetti taħt il-​ħakma tiegħu u taʼ Ibnu. Ġeħova se jagħmel ċert li l-​qima pura qatt ma se tinqered. Il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ meta nqasmet? Dan ġara meta s-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita meta ntemmew Żminijiet il-​Ġentili fl-​1914. L-​aduraturi veri meta bdew jaħarbu lejn il-​wied simboliku?

TIBDA L-​ĦARBA LEJN IL-​WIED!

11, 12. (a) Il-​ħarba lejn il-​wied simboliku meta bdiet? (b) X’juri li d-​driegħ b’saħħtu taʼ Ġeħova qiegħed mal-​poplu tiegħu?

11 Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu: “Tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema, mill-​1914 ’l hawn, dik il-​mibegħda ħraxet iktar. Minkejja l-​attakk sfrenat kontra l-​fdal midluk mill-​għedewwa tagħhom matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, dan il-​grupp leali ma nqeridx. Fl-​1919, huma ġew liberati minn taħt idejn Babilonja l-​Kbira—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Riv. 11:11, 12)a Dan kien meta bdiet il-​ħarba lejn il-​wied tal-​muntanji taʼ Ġeħova.

12 Mill-​1919 ’l hawn, il-​wied taʼ protezzjoni divina jkompli jipproteġi lill-​aduraturi veri madwar id-​dinja. F’ħafna partijiet tad-​dinja, matul is-​snin kien hemm projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq il-​ministeru tal-​għalqa u l-​letteratura Biblika tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Restrizzjonijiet bħal dawn għadhom jeżistu f’ċerti pajjiżi. Madankollu, jipprovaw kemm jipprovaw, il-​ġnus qatt mhu se jirnexxilhom jeqirdu l-​qima vera! Id-​driegħ b’saħħtu taʼ Ġeħova se jkun mal-​poplu tiegħu.—Dt. 11:2.

13. Kif nistgħu nibqgħu fil-​wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova, u għala hu importanti iktar minn qatt qabel li nagħmlu dan?

13 Jekk nibqgħu qrib Ġeħova u nibqgħu sodi fil-​verità, hu u Ibnu, Ġesù Kristu, se jagħmlu l-​parti tagħhom. Alla mhu se jħalli xejn u ’l ħadd ‘jaħtafna minn idu.’ (Ġw. 10:28, 29) Ġeħova hu lest li jagħtina kwalunkwe għajnuna meħtieġa biex inkunu nistgħu nobduh bħala s-​Sovran Universali u nibqgħu sudditi leali tas-​Saltna Messjanika. Se jkollna bżonn l-​għajnuna t’Alla saħansitra iktar matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li dalwaqt tasal. Għalhekk, issa hu importanti iktar minn qatt qabel li nibqgħu fil-​wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.

JASAL “JUM IL-​GWERRA”

14, 15. F’“jum il-​gwerra” t’Alla kontra l-​għedewwa tiegħu, x’se tkun is-​sitwazzjoni taʼ dawk barra l-​wied?

14 Minn issa sa tmiem din id-​dinja mill-​agħar, l-​attakki taʼ Satana fuq il-​poplu t’Alla se jiħraxu iktar. Imma Satana dalwaqt se jagħmel l-​aħħar attakk tiegħu. Dakinhar, Ġeħova se jiġġieled kontra l-​għedewwa kollha tal-​poplu tiegħu u jeqridhom. Dak se jkun “jum il-​gwerra tiegħu” kif imbassar minn Żakkarija. Din il-​gwerra, iktar minn kwalunkwe gwerra oħra, se turi xi Gwerrier glorjuż hu Ġeħova.—Żak. 14:3.

15 F’jum il-​gwerra t’Alla, x’se tkun is-​sitwazzjoni taʼ dawk li huma barra l-​“wied kbir” taʼ protezzjoni? Dawn mhu se jkollhom “ebda dawl prezzjuż,” jew approvazzjoni divina, jiddi fuqhom. F’dak il-​jum taʼ ġlied li ġej, ‘iż-​żiemel, il-​bagħal, il-​ġemel, u l-​ħmar, u kull xorta t’annimal domestiku’—simboli tat-​tagħmir militari tal-​ġnus—se jiġu effettwati. Dan it-​tagħmir se ‘jagħqad,’ jew fi kliem ieħor ma jibqax jaħdem, bħallikieku se jiġġammja bil-​kesħa. Żakkarija jgħid li Ġeħova se jikkastiga lill-​għedewwa tiegħu bi “flaġell,” jew pesta. Għajnejhom u lsienhom “se jitmermru għalkollox.” Ma nafux jekk din hix se tkun marda letterali imma dak li nafu hu li mhumiex se jkunu jistgħu jagħmlulna l-​ħsara jew jitkellmu kontra Alla. (Żak. 14:6, 7, 12, 15) “Is-​slaten [kollha] taʼ l-​art u l-​armati tagħhom” se jkunu fuq in-​naħa taʼ Satana. Imma jkunu fejn ikunu fuq l-​art huma se jinqerdu. (Riv. 19:19-​21) “Dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-​tarf l-​ieħor taʼ l-​art.”—Ġer. 25:32, 33.

16. X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna meta naraw riesaq jum il-​gwerra t’Alla, u x’se jkollna bżonn nagħmlu?

16 Il-​gwerra dejjem iġġib magħha s-​sofferenza, anke lil min eventwalment jirbaħ. L-​ikel għandu mnejn jiskarsa. Forsi tinqered xi proprjetà. Il-​livelli t’għajxien jistgħu jitbaxxew. Nistgħu nitilfu d-​drittijiet li għandna issa. Kif se nirreaġixxu jekk insofru tbatijiet bħal dawn? Se nippanikjaw? Se nkunu skuraġġiti u nitilfu kull tama? Se nieqfu naqdu lil Ġeħova? Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira se jkun vitali li nżommu l-​fidi tagħna fil-​qawwa li Ġeħova għandu biex isalvana u nibqgħu fil-​wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.—Aqra Ħabakkuk 3:17, 18.

“ILMIJIET ĦAJJIN JOĦORĠU”

17, 18. (a) X’inhuma l-​“ilmijiet ħajjin”? (b)  “Il-​baħar tal-​lvant” u “l-​baħar tal-​punent” għal xiex jirreferu? (ċ) X’inti determinat li tagħmel hekk kif tħares ’il quddiem lejn il-​futur?

17 Wara Armageddon, “ilmijiet ħajjin joħorġu” kontinwament mis-​Saltna taʼ Kristu. Dawn l-​“ilmijiet ħajjin” huma l-​provvedimenti taʼ Ġeħova għall-​ħajja taʼ dejjem. “Il-​baħar tal-​lvant” jirreferi għall-​Baħar il-​Mejjet, u “l-​baħar tal-​punent” jirreferi għall-​Baħar Mediterran. It-​tnejn li huma jirreferu għan-​nies. Il-​Baħar il-​Mejjet jirrappreżenta lil dawk kollha li huma fil-​qabar komuni tal-​umanità. Ladarba l-​Baħar Mediterran hu miżgħud bil-​ħajja, bix-​xieraq jirrappreżenta lill-​‘folla l-​kbira’ li tibqaʼ ħajja matul Armageddon. (Aqra Żakkarija 14:8, 9; Riv. 7:9-​15) B’hekk, iż-​żewġ gruppi se jibbenefikaw billi jinħelsu mill-​kundanna tal-​mewt taʼ Adam waqt li jibqgħu jaqtgħu l-​għatx għax jixorbu mill-​ilmijiet ħajjin simboliċi, jew mix-​“xmara taʼ ilma tal-​ħajja.”—Riv. 22:1, 2.

Kun determinat li tibqaʼ fil-​wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova

18 Taħt il-​protezzjoni taʼ Ġeħova, se nsalvaw mit-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar u nidħlu fid-​dinja l-​ġdida ġusta t’Alla. Għalkemm il-​ġnus kollha jobogħduna, ejja dejjem inkunu determinati li nibqgħu sudditi leali tas-​Saltna t’Alla u nibqgħu fil-​wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.

a Ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 169-​170.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja