LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 4/15 pp. 7-11
  • Ibbenefika bis-Sħiħ mill-Qari tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibbenefika bis-Sħiħ mill-Qari tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • AQRA U MMEDITA
  • STINKA BIEX TIFHEM DAK LI TAQRA
  • UŻA DAK LI TITGĦALLEM BIEX TGĦIN LIL ĦADDIEĦOR
  • IL-​QARI TAL-​BIBBJA JIPPROTEĠINA
  • IL-​QARI TAL-​BIBBJA JGĦINNA NISSAPORTU FL-​AĦĦAR JIEM
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fil-Kelma taʼ Alla
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 4/15 pp. 7-11

Ibbenefika bis-​Sħiħ mill-​Qari tal-​Bibbja

“Jien tassew nitgħaxxaq bil-​liġi t’Alla.”—RUM. 7:22.

FITTEX DAWN IL-​PUNTI

  • Kif se tibbenefika jekk taqra “minn taħt l-​ilsien”?

  • Kif tistaʼ tkun taf liema skritturi għandek tuża biex tgħin lil ħaddieħor?

  • Il-​qari bir-​reqqa tal-​Bibbja jagħtina liema protezzjoni?

1-3. X’benefiċċji tikseb meta taqra l-​Bibbja u tapplika t-​tagħlim tagħha?

“NIRRINGRAZZJA lil Ġeħova kull filgħodu talli jgħinni nifhem il-​Bibbja.” L-​oħt avanzata fl-​età li għamlet din l-​istqarrija qrat il-​Bibbja minn qoxra sa qoxra iktar minn 40 darba, u mhix beħsiebha tieqaf. Oħt iktar żagħżugħa kitbet li permezz tal-​qari tal-​Bibbja, Ġeħova sar iktar reali għaliha. Minħabba f’hekk, resqet eqreb lejn Missierha tas-​sema. Hi qalet, “Qatt ma ħassejtni daqshekk ferħana f’ħajti!”

2 L-​appostlu Pietru ħeġġeġ lil kulħadd biex ‘jifforma xenqa għall-​ħalib safi tal-​kelma.’ (1 Pt. 2:2) Dawk li jissodisfaw din ix-​xenqa billi jistudjaw il-​Bibbja u japplikaw it-​tagħlim tagħha jkollhom kuxjenza nadifa u skop f’ħajjithom. Huma jiżviluppaw ħbiberiji dejjiema m’oħrajn li bħalhom iħobbu u jaqdu lil Alla l-​veru. Dawn huma lkoll raġunijiet tajbin biex wieħed ‘jitgħaxxaq bil-​liġi t’Alla.’ (Rum. 7:22) Imma hemm saħansitra iktar benefiċċji. X’inhuma xi ftit minnhom?

3 Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova u dwar Ibnu, iktar se tikber imħabbtek lejhom u lejn sħabek il-​bnedmin. Għarfien Skritturali eżatt jgħinek tifhem kif Alla dalwaqt se jsalva lill-​bnedmin ubbidjenti minn din is-​sistema li riesqa lejn tmiemha. Int għandek aħbar tajba x’taqsam man-​nies fil-​ministeru tiegħek. Ġeħova se jbierkek hekk kif tgħallem lil oħrajn dak li tgħallimt mill-​qari tal-​Kelma t’Alla.

AQRA U MMEDITA

4. Xi jfisser li taqra l-​Bibbja “minn taħt l-​ilsien”?

4 Ġeħova ma jridx li l-​qaddejja tiegħu jaqraw Kelmtu bl-​għaġla. Hu qal lil Ġożwè tal-​qedem: “Dan il-​ktieb tal-​liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid taqrah u timmedita fuqu [jew, ‘trid taqrah minn taħt l-​ilsien’] lejl u nhar.” (Ġoż. 1:8, ntt.; Salm 1:2) Ifisser dan li letteralment trid tlissen minn taħt l-​ilsien kull kelma li taqra minn Ġenesi sa Rivelazzjoni? Le. Ifisser li għandek taqra bil-​mod biżżejjed biex timmedita dwar dak li tkun qed taqra. Il-​qari tal-​Bibbja “minn taħt l-​ilsien” se jgħinek tiffoka fuq siltiet li b’mod partikulari jkunu utli u taʼ inkuraġġiment għalik f’dak il-​waqt. Meta ssib frażijiet, versi, jew rakkonti bħal dawn, aqrahom bil-​mod, forsi anke billi tlissen il-​kliem minn taħt l-​ilsien. B’hekk, dak li tkun qed taqra jistaʼ verament imisslek qalbek. Dan għala hu importanti? Għax meta tassew tifhem il-​parir t’Alla, se tkun trid tapplikah f’ħajtek.

5-7. Spjega kif il-​qari tal-​Kelma t’Alla minn taħt l-​ilsien jistaʼ jgħinek biex (a) tibqaʼ nadif moralment; (b) tittratta lil oħrajn bil-​paċenzja u l-​qalb tajba; (ċ) tibni fiduċja f’Ġeħova saħansitra matul żminijiet diffiċli.

5 Ikun t’għajnuna li taqra minn taħt l-​ilsien meta tikkunsidra kotba tal-​Bibbja li m’intix midħla tagħhom. Pereżempju, immaġina tliet sitwazzjonijiet. L-​ewwel, aħseb dwar ħu żagħżugħ li fil-​qari persunali tiegħu jasal fil-​profezija taʼ Ħosea. F’kapitlu 4, wara li jaqra versi 11 sa 13 minn taħt l-​ilsien, jieqaf biex jaħseb ftit. (Aqra Ħosea 4:11-​13.) Għala? Dawn il-​versi jolqtuh fil-​laħam il-​ħaj għax fl-​iskola kellu pressjoni biex jagħmel affarijiet immorali. Hu jimmedita fuq il-​versi u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Ġeħova jara l-​affarijiet ħżiena li n-​nies jagħmlu anke fil-​privat. Ma rridx inweġġgħu.’ Il-​ħu jiddeċiedi li jibqaʼ nadif moralment quddiem Alla.

6 Fit-​tieni sitwazzjoni, oħt Kristjana qed taqra l-​profezija taʼ Ġoel u tasal f’kapitlu 2, vers 13. (Aqra Ġoel 2:13.) Hekk kif taqra minn taħt l-​ilsien, hi timmedita dwar kif għandha timita lil Ġeħova, li hu “grazzjuż u ħanin, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba.” Tiddeċiedi li tipprova ma titkellimx b’sarkażmu jew b’rabja kif ġieli tagħmel meta titkellem maʼ żewġha u m’oħrajn.

7 It-​tielet, immaġina missier Kristjan li tilef l-​impjieg u li qed jinkwieta dwar kif se jieħu ħsieb martu u wliedu. F’​Naħum 1:7, hu jaqra minn taħt l-​ilsien li Ġeħova “jaf b’dawk li jfittxu l-​kenn fih” u li jipproteġihom bħal “post taʼ sigurtà f’jum l-​hemm.” Dan il-​ħsieb iserraħlu moħħu. Hu jirrealizza li Ġeħova jħobb lilu u lil familtu, u għalhekk ma jibqax jinkwieta żżejjed. Imbagħad jaqra vers 15 minn taħt l-​ilsien. (Aqra Naħum 1:15.) Il-​ħu jinduna li meta jipprietka l-​aħbar tajba fi żminijiet diffiċli, ikun qed juri li hu tabilħaqq iqis lil Ġeħova bħala l-​post taʼ sigurtà tiegħu. Filwaqt li l-​ħu jkompli jfittex xogħol sekulari, issa jħossu mqanqal ukoll biex jappoġġa s-​servizz tal-​għalqa matul il-​ġimgħa.

8. Semmi fil-​qosor “djamant” spiritwali li skoprejt fil-​qari tal-​Bibbja tiegħek.

8 Il-​punti t’għajnuna li għadna kemm semmejna huma minn kotba Bibliċi li xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jifhmuhom. Hekk kif teżamina l-​kotba taʼ Ħosea, Ġoel, u Naħum bix-​xewqa li titgħallem, se tkun tixtieq taqra minn taħt l-​ilsien versi oħra minnhom. Immaġina kemm hemm għerf u faraġ maħżunin għalik fil-​kitbiet taʼ dawn il-​profeti! U xi ngħidu għall-​bqija tal-​Bibbja? Il-​Kelma t’Alla hi bħal minjiera fejn hemm ħafna djamanti fil-​fond taħt l-​art. Int u taqra l-​Bibbja kollha, ibqaʼ fittex id-​“djamanti,” jiġifieri, il-​gwida u l-​inkuraġġiment taʼ valur li fiha!

STINKA BIEX TIFHEM DAK LI TAQRA

9. Kif nistgħu nkabbru l-​fehma tagħna dwar ir-​rieda t’Alla?

9 Filwaqt li hu importanti li taqra silta mill-​Bibbja kuljum, għandek ukoll tikseb fehma u dehen. Għalhekk, uża tajjeb il-​pubblikazzjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex tagħmel riċerka dwar in-​nies, il-​postijiet, u l-​ġrajjiet li taqra dwarhom. Jew jekk m’intix ċert dwar kif ċertu tagħlim Bibliku jistaʼ jeffettwa ’l ħajtek, tistaʼ titlob l-​għajnuna t’anzjan fil-​kongregazzjoni jew taʼ Kristjan matur ieħor. Biex nagħtu eżempju li juri l-​importanza taʼ li nkabbru l-​fehma tagħna, ejja nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Kristjan fl-​ewwel seklu li stinka biex jagħmel preċiż hekk. Kien jismu Apollo.

10, 11. (a) Apollo kif ġie megħjun jitjieb bħala ministru tal-​aħbar tajba? (b) X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont dwar Apollo? (Ara l-​kaxxa “It-​Tagħlim Tiegħek Aġġornat?”)

10 Apollo kien Kristjan Lhudi li kien “midħla sew taʼ l-​Iskrittura” u “mħeġġeġ bl-​ispirtu.” Il-​ktieb tal-​Atti jirrakkonta hekk dwaru: “Beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù, imma kien jaf biss bil-​magħmudija taʼ Ġwanni.” Mingħajr ma induna, Apollo kien qed jgħallem fehma mhix aġġornata dwar il-​magħmudija. Wara li semgħuh jgħallem f’Efesu, koppja Kristjana jisimhom Prixilla u Akwila spjegaw “it-​triq t’Alla iktar eżatt.” (Atti 18:24-​26) Dan kif kien taʼ benefiċċju għal Apollo?

11 Wara li pprietka f’Efesu, Apollo mar l-​Akaja. “Meta wasal hemmhekk, kien t’għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla; għax b’ħeġġa kbira kien jagħti prova bis-​sħiħ quddiem kulħadd li l-​Lhud kienu żbaljati, waqt li kien juri mill-​Iskrittura li Ġesù kien il-​Kristu.” (Atti 18:27, 28) Sa dak iż-​żmien, Apollo setaʼ jispjega b’mod korrett x’kienet tfisser il-​magħmudija Kristjana. B’din il-​fehma ġdida, “kien t’għajnuna kbira” għall-​uħud ġodda biex jagħmlu progress fil-​qima vera. X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Bħal Apollo, nistinkaw biex nifhmu dak li naqraw mill-​Bibbja. Madanakollu, meta ħu jew oħt tal-​esperjenza tagħtina xi suġġeriment dwar kif nistgħu ngħallmu b’mod iktar effettiv, aħna rridu naċċettaw din l-​għajnuna b’umiltà u gratitudni. Jekk nagħmlu hekk, se nsiru għalliema aħjar.

UŻA DAK LI TITGĦALLEM BIEX TGĦIN LIL ĦADDIEĦOR

12, 13. Kif nistgħu nużaw l-​Iskrittura bit-​tattika ħalli ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress?

12 Bħal Prixilla, Akwila, u Apollo, aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn. Kif tħossok meta l-​inkuraġġiment tiegħek jgħin lil xi ħadd interessat jegħleb ostaklu li jkun żammu milli jagħmel progress spiritwali? Jew bħala anzjan, kif tħossok meta xi ħadd mill-​aħwa jirringrazzjak għal parir Skritturali li għenu matul żmien diffiċli? Bla dubju, il-​fatt li nużaw il-​Kelma t’Alla biex ngħinu lil ħaddieħor itejjeb ħajtu hu sors taʼ sodisfazzjon u ferħ.a Kif nistgħu nagħmlu dan?

13 Fi żmien Elija, ħafna Iżraelin kienu bejn ħaltejn dwar jekk isegwux il-​qima vera jew dik falza. Il-​parir taʼ Elija lil dawn in-​nies jistaʼ jgħin lil student tal-​Bibbja indeċiż li jkun qed iżomm lura milli jagħmel progress spiritwali. (Aqra l-​1 Slaten 18:21.) Ikkunsidra sitwazzjoni oħra: Jekk xi ħadd li juri interess jibżaʼ mir-​reazzjoni tal-​ħbieb jew tal-​familja, forsi tistaʼ ssaħħaħlu d-​determinazzjoni biex iqim lil Ġeħova billi tirraġuna fuq Isaija 51:12, 13.—Aqra.

14. X’se jgħinek tiftakar il-​versi tal-​Bibbja ħalli tkun tistaʼ tgħin lil ħaddieħor?

14 Jidher ċar li l-​Bibbja fiha ħafna kliem li jistaʼ jinkuraġġixxi, jikkoreġi, jew isaħħaħ lil min jaqraha. Imma għandek mnejn taħseb dwar kif tistaʼ tkun taf liema skritturi għandek tuża meta tiġi bżonnhom. Aqra l-​Bibbja u mmedita fuq il-​ħsibijiet t’Alla kuljum. B’dan il-​mod, se ssir iktar u iktar midħla tal-​Bibbja, u Ġeħova se jkun jistaʼ juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinek tiftakar dak li tgħid il-​Bibbja.—Mk. 13:11; aqra Ġwanni 14:26.b

15. X’se jgħinek tifhem iktar bis-​sħiħ il-​Kelma t’Alla?

15 Bħas-​Sultan Salamun, itlob lil Ġeħova għall-​għerf biex twettaq responsabbiltajiet teokratiċi. (2 Kron. 1:7-​10) Bħalma għamlu l-​profeti tal-​qedem, agħmel “stħarriġ bil-​għaqal” dwar il-​Kelma t’Alla, u ‘fittex bir-​reqqa’ fiha għall-​għarfien eżatt dwar Ġeħova u r-​rieda tiegħu. (1 Pt. 1:10-​12) L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex jistudja “l-​kliem tal-​fidi u taʼ l-​aqwa tagħlim.” (1 Tim. 4:6) Billi tagħmel dan, se tkun f’pożizzjoni mill-​aqwa biex tgħin lil oħrajn spiritwalment. Fl-​istess ħin, se tkattar il-​fidi tiegħek stess.

IL-​QARI TAL-​BIBBJA JIPPROTEĠINA

16. (a) Il-​Bereani kif ibbenefikaw għax “eżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum”? (b) Għala hu importanti li naqraw il-​Bibbja kuljum?

16 Il-​Lhud li kienu jgħixu fil-​belt taʼ Berea kellhom id-​drawwa li ‘jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum.’ Meta Pawlu pprietka l-​aħbar tajba lil dawn il-​Lhud, huma qabblu dak li qal maʼ dak li kienu jafu dwar l-​Iskrittura. X’kien ir-​riżultat? Ħafna minnhom saru konvinti li kien qed jgħallem il-​verità u “emmnu.” (Atti 17:10-​12) Dan jurina li l-​qari tal-​Bibbja kuljum jgħinna nibnu fidi soda f’Ġeħova. Fidi bħal din, “l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom,” hi vitali jekk irridu ngħaddu ħajjin għal ġod-​dinja l-​ġdida t’Alla.—Ebr. 11:1.

17, 18. (a) Il-​fidi soda u l-​imħabba kif jipproteġu lill-​qalb figurattiva taʼ Kristjan? (b) It-​tama kif tipproteġina mill-​periklu?

17 Mhux taʼ b’xejn li Pawlu kiteb: “Aħna li aħna tal-​jum, ħa nibqgħu f’sensina u nilbsu l-​kurazza tal-​fidi u l-​imħabba u bħala elmu t-​tama tas-​salvazzjoni.” (1 Tess. 5:8) Jeħtieġ li l-​qalb taʼ suldat ikollha l-​protezzjoni mill-​għadu. Bl-​istess mod, jeħtieġ li l-​qalb figurattiva taʼ Kristjan tiġi mħarsa mill-​qawwa tad-​dnub. X’jiġri meta qaddej taʼ Ġeħova jkollu kemm fidi soda fil-​wegħdi t’Alla kif ukoll imħabba Lejh u lejn il-​proxxmu? Qaddej bħal dan ikun qed jilbes kurazza spiritwali tal-​ogħla kwalità. Hu jagħmel kulma jistaʼ biex jibqaʼ jkun approvat minn Alla.

18 Pawlu semma wkoll elmu, “it-​tama tas-​salvazzjoni.” Fi żminijiet Bibliċi, jekk suldat ma kienx jipproteġi rasu, setaʼ faċilment jitlef ħajtu fil-​battalja. Imma b’elmu tajjeb, anke jekk kien jaqlaʼ xi daqqiet f’rasu, ma kien ikollu l-​ebda ferita gravi. Meta nistudjaw il-​Kelma taʼ Ġeħova, aħna nibnu l-​fidi fl-​abbiltà tiegħu li jsalvana. Fidi soda tgħinna nirreżistu l-​apostati u d-​“diskors vojt” tagħhom li jinxtered bħall-​kankru. (2 Tim. 2:16-​19) It-​tama tagħna se ssaħħaħna wkoll biex nevitaw kondotta ħażina.

IL-​QARI TAL-​BIBBJA JGĦINNA NISSAPORTU FL-​AĦĦAR JIEM

19, 20. Għala napprezzaw bil-​kbir il-​Kelma t’Alla, u kif nuru dan l-​apprezzament? (Ara l-​kaxxa “Ġeħova Jagħtini Eżatt Dak li Neħtieġ.”)

19 Hekk kif noqorbu iktar lejn tmiem din is-​sistema, irridu nistrieħu saħansitra iktar fuq il-​Kelma taʼ Ġeħova. Il-​pariri li niksbu minnha jgħinuna naqtgħu vizzji ħżiena u nikkontrollaw it-​tendenzi midinba tagħna. L-​inkuraġġiment u l-​faraġ li tagħtina se jgħinuna negħlbu l-​provi li jgħadduna minnhom Satana u d-​dinja tiegħu. Aħna nistgħu nibqgħu fit-​triq li tagħti għall-​ħajja grazzi għall-​gwida li Ġeħova jipprovdi f’Kelmtu.

20 Ftakar li r-​rieda t’Alla hi li l-​“bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.” Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma fost dawn il-​“bnedmin taʼ kull xorta”—l-​istess bħalma huma dawk li forsi ngħinu permezz tax-​xogħol tagħna tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Imma kull min jixtieq jikseb is-​salvazzjoni jrid jikseb “l-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:4) Għaldaqstant, li nsalvaw fl-​aħħar jiem imur id f’id maʼ li naqraw il-​Bibbja u napplikaw l-​istruzzjonijiet imnebbħin tagħha. Iva, il-​fatt li naqraw il-​Bibbja kuljum juri li aħna verament napprezzaw il-​Kelma prezzjuża taʼ Ġeħova!—Ġw. 17:17.

a Naturalment, m’għandniex nużaw il-​pariri tal-​Bibbja biex nagħmlu pressjoni lil ħaddieħor jew biex nikkundannawh. Għandna nkunu paċenzjużi u nuru qalb tajba maʼ student tal-​Bibbja, l-​istess bħalma jagħmel magħna Ġeħova.—Salm 103:8.

b X’tistaʼ tagħmel jekk tiftakar il-​kliem ewlieni taʼ xi skrittura imma ma tiftakarx il-​ktieb, il-​kapitlu, u l-​vers? Jekk tfittex dan il-​kliem fl-​indiċi li hemm fuq wara tal-​Bibbja x’aktarx li se ssib l-​iskrittura.

IT-​TAGĦLIM TIEGĦEK AĠĠORNAT?

Apollo ġie megħjun itejjeb l-​effettività tal-​ministeru tiegħu

Aħna rridu nibqgħu aġġornati mal-​fehma dwar il-​verità tal-​Bibbja ħalli nkunu nistgħu naqsmu għarfien eżatt maʼ ħaddieħor. B’dan f’moħħok, kieku int kif twieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin?

  • Ġesù lil min kellu f’moħħu meta tkellem dwar “din il-​ġenerazzjoni” msemmija f’​Mattew 24:34? —It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April, 2010, paġni 10-​11.

  • Meta se jinfirdu “n-​nagħaġ mill-​mogħoż” kif ġie deskritt f’​Mattew 25:32?—It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru, 1995, paġni 15-​17.

  • Bħalma jgħid Luqa 21:26, in-​nies meta se “jħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-​art abitata”?—It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu, 1994, paġni 16-​17.

Jekk naqraw il-​Bibbja kuljum u mbagħad nistudjaw dwar dak li naqraw, inkunu nistgħu ngħinu lil ħaddieħor isir jaf il-​veritajiet li Ġeħova qed jirrivela issa.—Prov. 4:18.

‘ĠEĦOVA JAGĦTINI EŻATT DAK LI NEĦTIEĠ’

Oħt żagħżugħa kitbet: “Mit-​tfakkiriet taʼ mħabba kollha li jagħtina Ġeħova, it-​tfakkiriet li jħeġġuna naqraw il-​Bibbja kuljum kellhom l-​akbar impatt fuq ħajti. Bdejt naqra l-​Bibbja fl-​aħħar sena tal-​iskola sekondarja, u domt sentejn biex naqraha mill-​bidu sal-​aħħar. Matul dak iż-​żmien, fil-​Kelma taʼ Ġeħova sibt kulma kelli bżonn biex niddeċiedi x’se nagħmel b’ħajti. Issa qed naqra l-​Bibbja għat-​tieni darba. Imma donni qed naqra affarijiet li qatt ma qrajthom qabel. Il-​qari tal-​Bibbja hu eċċitanti issa daqskemm kien l-​ewwel darba—jekk mhux iktar! Niskanta meta nara kif Ġeħova hu kapaċi jagħtini eżatt dak li neħtieġ.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja