LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 4/15 pp. 17-21
  • Ħamsin Sena ta’ Servizz Full-Time Qrib iċ-Ċirku Artiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħamsin Sena ta’ Servizz Full-Time Qrib iċ-Ċirku Artiku
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NIDĦLU FIL-​MINISTERU FULL-​TIME
  • L-​IPPRITKAR F’KUNDIZZJONIJIET DIFFIĊLI
  • MINISTERU PREMJANTI
  • GĦADNA ATTIVI FIL-​MINISTERU
  • Il-Barkiet tal-Ministeru Bħala Pijunier
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kont Lesta “Nimxi Kilometru Ieħor”
    Stenbaħ!—2005
  • Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ix-Xogħol ta’ Pijunier Isaħħaħ ir-Relazzjoni li Għandna m’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 4/15 pp. 17-21

BIJOGRAFIJA

Ħamsin Sena taʼ Servizz Full-​Time Qrib iċ-​Ċirku Artiku

Kif rakkontata minn Aili u Annikki Mattila

“Huwa faċli għalik li taqdi bħala pijuniera. Il-​ġenituri tiegħek it-​tnejn fil-​verità, u jistgħu jappoġġawk.” Dan il-​kliem għednieh lill-​ħabiba tagħna li kienet qed taqdi fil-​ministeru full-​time. “Stenna ftit! Aħna lkoll għandna l-​istess Missier,” wieġbet hi. Fit-​tweġiba tagħha kien hemm lezzjoni importanti: Missierna tas-​sema jieħu ħsieb il-​qaddejja tiegħu u jsaħħaħhom. Tabilħaqq, l-​esperjenzi li għaddejna minnhom tul ħajjitna wrewna kemm hu minnu dan il-​fatt.

AĦNA trabbejna ġo razzett f’familja b’għaxart itfal fit-​Tramuntana taʼ Ostrobothnia, il-​Finlandja. It-​tfulija tagħna kienet effettwata mit-​Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm l-​eqqel tal-​ġlied kien ’il bogħod ħafna minn fejn konna noqogħdu aħna, il-​ħruxijiet tal-​gwerra ħallew impatt qawwi fuqna. Meta darba minnhom intefgħu l-​bombi bil-​lejl fuq il-​bliet fil-​viċin taʼ Oulu u Kalajoki, rajna dija ħamra fis-​swidija tas-​sema. Il-​ġenituri tagħna kienu jħeġġu lilna t-​tfal biex nistaħbew appena naraw l-​ajruplani tal-​gwerra jittajru fuqna. Għalhekk, l-​aħbar li tana ħuna l-​kbir Tauno dwar art magħmula ġenna mingħajr inġustizzji, messitilna qalbna.

Tauno tgħallem il-​veritajiet Bibliċi meta kellu 14-​il sena permezz tal-​letteratura tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Meta faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija, hu rrifjuta li jidħol fis-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja. Ġie mitfugħ il-​ħabs fejn ġie ttrattat bi ħruxija. Dan serva biss biex isaħħaħlu d-​determinazzjoni tiegħu li jaqdi lil Ġeħova, u wara li nħeles mill-​ħabs hu kien saħansitra iktar żeluż fil-​ministeru. L-​eżempju mill-​aqwa taʼ ħuna inkuraġġiena biex immorru l-​laqgħat li x-​Xhieda kienu jorganizzaw f’raħal fil-​viċin. Konna nattendu wkoll il-​konvenzjonijiet, għalkemm ridna nagħmlu sforz kbir biex infaddlu biżżejjed flus ħalli nħallsu għall-​vjaġġ. Konna nħitu l-​ħwejjeġ għall-​ġirien tagħna, niżirgħu l-​basal, u naqtgħu l-​frott mill-​foresti. Peress li kien ikollna ħafna x’nagħmlu fir-​razzett, normalment ma kienx ikun possibbli li nattendu l-​konvenzjonijiet it-​tnejn flimkien. Allura, darba tmur waħda, u darba tmur l-​oħra.

Mix-​xellug: Matti (missier), Tauno, Saimi, Maria Emilia (omm), Väinö (tarbija), Aili, u Annikki fl-​1935

Il-​veritajiet li tgħallimna dwar Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu saħħewlna mħabbitna lejh, u ddeċidejna li niddedikaw ħajjitna lilu. Fl-​1947, it-​tnejn li aħna ssimbolizzajna d-​dedikazzjoni tagħna bil-​magħmudija fl-​ilma—Annikki taʼ 15-​il sena u Aili taʼ 17-​il sena. Anki oħtna Saimi tgħammdet dik is-​sena. Studjajna l-​Bibbja maʼ oħtna Linnea wkoll, li kienet diġà miżżewġa. Hi u l-​familja tagħha saru Xhieda taʼ Ġeħova wkoll. Wara l-​magħmudija, iddeċidejna li minn żmien għal żmien naqdu bħala pijunieri għall-​vaganzi (jew, awżiljarji).

NIDĦLU FIL-​MINISTERU FULL-​TIME

Mix-​xellug: Eeva Kallio, Saimi Mattila-​Syrjälä, Aili, Annikki, u Saara Noponen fl-​1949

Fl-​1955, morna noqogħdu Kemi, belt li tinsab iktar lejn it-​Tramuntana. Għalkemm it-​tnejn li aħna konna naħdmu full-​time, xorta xtaqna naqdu bħala pijunieri imma konna nibżgħu li mhux se naqilgħu biżżejjed flus biex immantnu lilna nfusna. Kellna l-​ħsieb li l-​ewwel nitfgħu sold taħt rasna. Kien f’dak iż-​żmien li kellna d-​diskussjoni mal-​pijuniera li ssemmiet fil-​bidu. Dan għenna naraw li s-​servizz lil Ġeħova full-​time ma jiddependix biss minn dak li jkollna jew mill-​appoġġ tal-​familja tagħna. L-​iktar ħaġa importanti hi li nistrieħu fuq Missierna tas-​sema.

Fuq vjaġġ għall-​konvenzjoni f’Kuopio fl-​1952. Mix-​xellug: Annikki, Aili, u Eeva Kallio

Dak iż-​żmien, kellna biżżejjed flus imfaddlin biex immantnu lilna nfusna għal xahrejn. Għalhekk, f’Mejju tal-​1957, applikajna biex naqdu bħala pijunieri għal xahrejn f’Pello, il-​Lapponja, ’il fuq miċ-​Ċirku Artiku. Wara xahrejn, kien għad kellna l-​flus kollha li konna faddalna, u għalhekk applikajna biex naqdu bħala pijunieri għal xahrejn oħra. Xahrejn wara, xorta kien għad fadlilna l-​flus kollha. Issa konna ċerti li Ġeħova kien se jieħu ħsiebna. Wara 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri, għad għandna l-​flus li konna faddalna! Meta nħarsu lura, inħossu bħallikieku Ġeħova kien qed jaqbdilna jdejna u jgħidilna: ‘Tibżgħux. Jien stess ngħinkom.’—Is. 41:13.

Wara 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri, għad għandna l-​flus li konna faddalna!

Kaisu Reikko u Aili fil-​ministeru tal-​għalqa

Fl-​1958, l-​indokratur tas-​circuit staqsiena jekk stajniex immorru naqdu bħala pijunieri speċjali f’Sodankylä, il-​Lapponja. F’dak iż-​żmien, f’dawk l-​inħawi ma kienx hemm Xhieda, ħlief oħt waħda biss. Huwa pjuttost interessanti l-​mod kif saret taf bil-​verità. Binha kellu ħarġa, organizzata mill-​iskola, f’Ħelsinki, il-​belt kapitali tal-​Finlandja. Hekk kif il-​grupp kien għaddej mill-​belt, oħt imdaħħla fiż-​żmien offriet It-​Torri tal-​Għassa lit-​tifel, li kien l-​aħħar wieħed fil-​filliera, u talbitu jagħtih lil ommu. It-​tifel hekk għamel, u ommu mill-​ewwel intebħet li hi l-​verità.

Krejna kamra li kienet tinsab fuq impjant għall-​isserrar tal-​injam. Fiha konna nagħmlu l-​laqgħat. Għall-​ewwel, konna nkunu biss aħna t-​tnejn, l-​oħt tal-​lokal, u bintha. Konna naqraw il-​materjal għall-​istudju flimkien. Iktar tard, fl-​impjant ġie jaħdem raġel li kien studja l-​Bibbja max-​Xhieda. Hu u familtu bdew jattendu l-​laqgħat magħna. Maż-​żmien, kemm hu u kemm martu tgħammdu. Dan il-​ħu kien jieħu t-​tmexxija fil-​laqgħat tagħna. Iktar minn hekk, xi rġiel oħrajn li kienu qed jaħdmu fl-​impjant bdew jattendu l-​laqgħat u ħaddnu l-​verità tal-​Bibbja. Ftit tas-​snin wara, il-​grupp tagħna tant kien kiber li ġiet ifformata kongregazzjoni.

L-​IPPRITKAR F’KUNDIZZJONIJIET DIFFIĊLI

Konna nivvjaġġaw distanzi twal biex immorru nippritkaw. Fis-​sajf konna mmorru bil-​mixi, bir-​roti, u saħansitra bid-​dgħajjes biex nilħqu lin-​nies fit-​territorju tagħna. Ir-​roti kienu utli ħafna. Konna nużawhom ukoll biex nattendu l-​konvenzjonijiet u biex inżuru lill-​ġenituri tagħna, li kienu jgħixu mijiet taʼ kilometri ’l bogħod. Fix-​xitwa, konna naqbdu tal-​linja kmieni filgħodu biex immorru f’xi raħal f’dawk l-​inħawi u mbagħad konna nimxu minn dar għal dar. Wara li konna nlestu raħal wieħed, konna nerħulha bil-​mixi lejn ir-​raħal li jkun imiss. Kultant it-​toroq kienu jimtlew b’ħafna borra. Jekk kien ikun diġà għadda xi ħadd mit-​triq u jkun ħalla passaġġ warajh fil-​borra, kien ikun iktar faċli għalina biex nimxu. Imma jekk kienet terġaʼ tinżel il-​borra, il-​passaġġi kienu jerġgħu jinksew. Kmieni fir-​rebbiegħa, il-​borra kienet taqbad iddub u tirtab, tant li kienet tagħmilhielna diffiċli biex nimxu.

Flimkien fil-​ministeru f’ġurnata kiesħa tax-​xitwa

Minħabba t-​temperaturi kesħin ħafna u l-​borra tgħallimna nilbsu b’tali mod li nissaħħnu sew. Konna nilbsu tights tas-​suf, żewġ pari kalzetti jew tlieta, u bwiez għoljin. Il-​bwiez xorta waħda kienu jimtlew bil-​borra. Meta konna naslu ħdejn it-​taraġ taʼ xi dar, konna nneħħu l-​bwiez u nfarfru l-​borra minn ġo fihom. Biex tkompli tgħaxxaqha, aħna u nimxu bi tbatija fil-​borra, it-​truf tal-​kowtijiet twal kienu jixxarrbulna. Meta kienet tagħmel iktar kesħa, it-​truf kienu jiffriżaw u jsiru ebsin stanga. Darba, mara tad-​dar qaltilna, “Bilfors li għandkom fidi taʼ vera biex ħriġtu tiġġerrew f’dan it-​temp minn jeddkom.” Konna mxejna iktar minn 11-​il kilometru biex naslu sa dik id-​dar.

Minħabba d-​distanzi twal, spiss konna ngħaddu l-​lejl għand in-​nies tal-​lokal. Meta kien ikun ħa jaqbad jidlam, konna nibdew nistaqsu lin-​nies jekk nistgħux noqogħdu għandhom. Id-​djar kienu sempliċi, imma n-​nies kienu dħulin u ospitabbli, u mhux talli kienu joffrulna post fejn noqogħdu imma talli kienu joffrulna anki xi ħaġa x’nieklu. Spiss is-​sodda tagħna kienet tkun il-​ġilda taċ-​ċerv jew tal-​ors. Kultant konna nieħdu pjaċir għax kien ikollna ftit kumdità. Pereżempju, darba minnhom waħda mara li kienet tgħix f’dar kbira ħaditna fuq u daħħlitna f’kamra u sibna tistenniena sodda sabiħa b’lożor tal-​bizzilla nodfa u bojod. Ħafna drabi konna niddiskutu l-​Bibbja man-​nies tad-​dar sa tard filgħaxija. Darba minnhom, aħna u l-​koppja li kienu jgħixu fid-​dar irqadna f’kamra waħda, huma naħa u aħna oħra. Id-​diskussjoni tagħna fuq il-​Bibbja magħhom baqgħet għaddejja minn tard bil-​lejl sas-​sigħat bikrin taʼ filgħodu. Ir-​raġel u martu bdew jistaqsuna saħansitra iktar mistoqsijiet, waħda wara l-​oħra—darba hu u darba hi.

MINISTERU PREMJANTI

Il-​Lapponja hi pajjiż b’ħafna xagħri vojt imma mill-​isbaħ, u s-​sbuħija tiegħu tvarja skont l-​istaġun. Iżda għalina n-​nies li tgħallmu dwar Ġeħova kienu saħansitra isbaħ. Fost in-​nies sinċieri li tajniehom xhieda kienu rġiel li ġew il-​Lapponja biex jaqtgħu s-​siġar. Kultant aħna, li t-​tnejn ma fina xejn, konna nidħlu f’xi dar u nsibu bosta rġiel m’ogħla hawn. Dawn kienu jilqgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja u jieħdu pjaċir jaqraw il-​letteratura tagħna.

Kellna diversi esperjenzi eċċitanti. Jum fost l-​oħrajn, l-​arloġġ tal-​venda tal-​karozzi tal-​linja kellu ħames minuti ’l quddiem, u allura tlifna tal-​linja. Iddeċidejna li naqbdu tal-​linja oħra u mmorru f’raħal ieħor. Qatt ma konna ħdimna f’dawk l-​inħawi qabel. Fl-​ewwel dar iltqajna maʼ mara żagħżugħa li qaltilna, “Hemm intom! Kont qed nistenniekom.” Konna qed nikkonduċu studju tal-​Bibbja m’oħtha u kienet talbet lil oħtha tirranġalha biex inżuruha dakinhar stess. Madankollu, dan il-​messaġġ qatt ma waslilna. Inbeda studju tal-​Bibbja magħha u maʼ qrabatha li kienu jgħixu f’dar fil-​viċin. Ftit wara, għaqqadna dawn l-​istudji kollha fi studju wieħed u kien ikollna attendenza taʼ madwar għaxra min-​nies. Minn dakinhar ’l hawn, ħafna minn din il-​familja saru Xhieda taʼ Ġeħova.

Fl-​1965, ġejna assenjati fil-​kongregazzjoni fejn qed naqdu bħalissa f’Kuusamo, ftit ’l isfel miċ-​Ċirku Artiku. Dak iż-​żmien, il-​kongregazzjoni kienet tikkonsisti minn ftit pubblikaturi biss. Għall-​ewwel, it-​territorju l-​ġdid tagħna kien jidher kemxejn diffiċli. In-​nies kienu reliġjużi ħafna u preġudikati kontrina. Xorta waħda, ħafna wħud kienu jirrispettaw il-​Bibbja, u dan kien jipprovdi bażi komuni biex nibnu konversazzjoni. Għalhekk, ftit ftit ipprovajna nsiru nafu lin-​nies, u wara madwar sentejn, kien iktar faċli biex nibdew studji tal-​Bibbja.

GĦADNA ATTIVI FIL-​MINISTERU

Xi wħud li studjajna magħhom

Illum, m’għadx għandna l-​enerġija biex inqattgħu ġranet sħaħ fis-​servizz tal-​għalqa, imma xorta nieħdu sehem fil-​ministeru kważi kuljum. Ix-​xandir tal-​aħbar tajba lin-​nies fit-​territorju kbir tagħna sar iktar faċli meta Aili, bl-​inkuraġġiment tan-​neputi tagħna, bdiet titgħallem issuq il-​karozza u ġabet il-​liċenzja tas-​sewqan fl-​1987, fl-​età taʼ 56 sena. Ksibna iktar għajnuna meta nbniet Sala tas-​Saltna ġdida, u morna ngħixu f’appartament maġenbha.

Iż-​żieda li rajna b’għajnejna stess iġġibilna ferħ kbir. Meta bdejna naqdu fis-​servizz full-​time fit-​Tramuntana tal-​Finlandja, kien hemm biss ftit pubblikaturi mxerrdin ’l hawn u ’l hinn f’dak il-​post vast. Issa hemm diversi kongregazzjonijiet f’circuit wieħed. Spiss jiġri li fl-​assembleat jew fil-​konvenzjonijiet, individwu jintroduċi lilu nnifsu magħna u jistaqsina jekk niftakruhx. F’xi każijiet, konna nikkonduċu studju tal-​Bibbja fid-​dar tiegħu meta kien għadu żgħir. Iż-​żerriegħa li kienet inżergħet bosta snin, jew saħansitra għaxriet taʼ snin, qabel kienet tat il-​frott!—1 Kor. 3:6.

Nieħdu pjaċir fis-​servizz tal-​għalqa saħansitra fi ġranet bix-​xita

Fl-​2008, għalaqna 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri speċjali. Nirringrazzjaw lil Ġeħova talli stajna ninkuraġġixxu lil xulxin biex nibqgħu għaddejjin bix-​xogħol prezzjuż tiegħu. Ħajjitna kienet sempliċi, imma qatt ma naqasna xejn. (Salm 23:1) Għalxejn konna qgħadna naħsbuha fil-​bidu! B’ferħ, matul dawn is-​snin kollha, Ġeħova saħħaħna fi qbil mal-​wegħda tiegħu f’​Isaija 41:10: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-​leminija tas-​sewwa.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja