LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wp17 Nru. 2 pp. 10-12
  • Ħelsien mill-​iskjavitù—Fl-​imgħoddi u issa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħelsien mill-​iskjavitù—Fl-​imgħoddi u issa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​GWERER JAGĦMLU L-​ISKJAVITÙ NEGOZJU KBIR
  • ĦELSIEN MILL-​ISKJAVITÙ
  • IT-​TNEĦĦIJA GĦALKOLLOX TAL-​ISKJAVITÙ
  • “Kontu Mixtrijin bi Prezz”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Tjassru Għal Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
wp17 Nru. 2 pp. 10-12
Negozju tal-ilsiera bejn l-Afrika u l-Amerika

In-negozju tal-iskjavi bejn l-Afrika u l-Amerika kien wieħed mill-iktar negozji li jrendu

Ħelsien mill-​iskjavitù—Fl-​imgħoddi u issa

Blessinga waslet fl-​Ewropa mwiegħda li se taħdem bħala hairdresser. Imma wara għaxart ijiem taʼ swat kontinwu u theddid li se jweġġgħu l-​familja tagħha lura f’pajjiżha, ġiet sforzata taħdem bħala prostituta.

Tpinġija taʼ wħud li nqabdu lsiera fl-Eġittu tal-qedem

Stampa taʼ skjavi fil-jasar fl-Eġittu tal-qedem

Blessing kienet mistennija taqlaʼ bejn 200 u 300 ewro kull lejl biex tħallas id-​dejn taʼ aktar minn 40,000 ewro li l-​mara li tmexxi l-​burdell riditha tħallas. “Kemm-​il darba ħsibt li naħrab,” tispjega Blessing, “imma kont nibżaʼ minn dak li setgħu jagħmlu lil familti. Ħassejtni f’nassa.” L-​istorja tagħha hija simili għal dik taʼ xi erbaʼ miljun persuna li huma maqbudin fl-​industrija internazzjonali tas-​sess.

Kważi 4,000 sena ilu, żagħżugħ jismu Ġużeppi kien mibjugħ minn ħutu. Hu spiċċa jaqdi f’dar prominenti ġewwa l-​Eġittu. Kuntrarju għal Blessing, Ġużeppi għall-​ewwel ma kienx maħqur minn sidu. Imma meta rrifjuta l-​avvanzi tal-​mara taʼ sidu, ġie akkużat inġustament b’attentat taʼ stupru. Imbagħad ġie mixħut il-​ħabs u marbut bil-​ħadid.—Ġenesi 39:1-​20; Salm 105:17, 18.

Ġużeppi kien skjav tal-​imgħoddi; Blessing hija skjava tas-​seklu 21. Imma t-​tnejn li huma kienu vittmi taʼ prattika li nbdiet żmien twil ilu—it-​traffikar tan-​nies. F’dan in-​negozju, in-​nies huma meqjusa merkanzija u l-​unika ħaġa importanti hija l-​gwadann ekonomiku.

Il-​GWERER JAGĦMLU L-​ISKJAVITÙ NEGOZJU KBIR

Il-​gwerer kienu l-​aktar mod faċli biex in-​nazzjonijiet jakkwistaw l-​iskjavi. Huwa mifhum li minn kampanja militari waħda, is-​sultan Eġizzjan Thutmose III ġab lura miegħu 90,000 priġunier minn Kangħan. L-​Eġizzjani użawhom bħala skjavi biex jaħdmu fil-​minjieri, jibnu t-​tempji, u jħaffru l-​kanali.

Anke fiż-​żmien l-​Imperu Ruman, il-​gwerer ipprovdew skjavi bl-​abbundanza, u kultant kienu jinbdew il-​gwerer minħabba l-​bżonn għal aktar skjavi. Huwa stmat li sal-​ewwel seklu, kważi nofs il-​popolazzjoni taʼ Ruma kienet magħmula mill-​iskjavi. Ħafna skjavi Eġizzjani u Rumani ġew sfruttati b’mod aħrax. Pereżempju, it-​tul tal-​ħajja li kienu mistennija jgħixu l-​iskjavi li kienu jaħdmu fil-​minjieri Rumani kien biss madwar 30 sena.

Mal-​medda taż-​żmien, il-​kundizzjonijiet tal-​iskjavi ma tjibux. Mis-​16 sad-​19-​il seklu, in-​negozju tal-​iskjavi bejn l-​Afrika u l-​Amerika kien wieħed mill-​iktar negozji li jrendu fid-​dinja. ‘Huwa stmat li bejn 25 u 30 miljun raġel, mara, tifel, u tifla nħatfu u nbiegħu,’ jgħid rapport tal-​UNESCO. Jingħad li mijiet taʼ eluf mietu waqt li kienu qed jaqsmu l-​Atlantiku. Olaudah Equiano, skjav li baqaʼ ħaj, jirrapporta: “It-​twerżiq tan-​nisa u l-​krib taʼ dawk li kienu qed imutu, għamel din l-​esperjenza tant terribbli li hu impossibbli tiddeskriviha.”

B’dispjaċir, l-​iskjavitù mhijiex biss xi ħaġa li tkexkex tal-​passat. Skont l-​Organizzazzjoni Internazzjonali tax-​Xogħol xi 21 miljun raġel, mara, tifel, u tifla għadhom jaħdmu bħala skjavi, fil-​jasar u bi ftit jew xejn ħlas. L-​iskjavi fil-​ġurnata tal-​lum jaħdmu fil-​minjieri, fil-​fabbriki tal-​ħjata, fil-​fabbriki li jagħmlu l-​briks, fid-​djar tal-​prostituzzjoni, u fid-​djar privati. Għalkemm illegali, dan it-​tip taʼ skjavitù mid-​dehra qed jiżdied.

Tfal jaħdmu bħala lsiera f’fabbrika tal-briks

Miljuni taʼ nies għadhom jaħdmu fil-jasar

ĦELSIEN MILL-​ISKJAVITÙ

It-​trattament mill-​agħar wassal biex ħafna skjavi jiġġieldu għal-​libertà. Fl-​ewwel seklu qabel Kristu, il-​gladjatur Spartacus u xi 100,000 skjav ieħor organizzaw ribelljoni kontra l-​ħakma Rumana, imma ma kellhomx suċċess. Fis-​seklu 18, l-​iskjavi f’Hispaniola, gżira fil-​Karibew, qamu kontra s-​sidien tagħhom. It-​trattament aħrax li dawn l-​iskjavi kienu qed isofru fil-​kannamieli (sugar plantations) kien il-​kaġun li bdiet gwerra ċivili li damet 13-​il sena u li fl-​aħħar wasslet għall-​indipendenza tal-​Ħaiti fl-​1804.

Madankollu, żgur li l-​ħarba tal-​Iżraelin mill-​Eġittu tistaʼ titqies bħala l-​akbar ħarba mill-​iskjavitù li qatt kellha suċċess fl-​istorja. Madwar tliet miljun persuna—nazzjon sħiħ—inħelsu mill-​iskjavitù mill-​Eġittu. Ċertament li l-​ħelsien tagħhom kien mistħoqq. Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​ħajja tagħhom fl-​Eġittu bħala waħda diffiċli. Kienu taħt “kull tip taʼ jasar” u ġew użati “b’tirannija bħala lsiera.” (Eżodu 1:11-​14) Fargħun minnhom saħansitra beda kampanja biex joqtol it-​trabi Iżraelin ħalli jikkontrolla l-​popolazzjoni tagħhom li kienet qed tiżdied.—Eżodu 1:8-​22.

Il-​ħelsien tal-​Iżraelin mit-​trattament inġust fl-​Eġittu kien uniku għaliex kien Alla nnifsu li interviena. “Naf tajjeb kemm qed isofru,” Alla qal lil Mosè. “Se ninżel neħlishom.” (Eżodu 3:7, 8) Il-​Lhud, jgħixu fejn jgħixu, għadhom sal-​ġurnata tal-​lum jiċċelebraw il-​Qbiż kull sena biex ifakkru din il-​ġrajja.—Eżodu 12:14.

IT-​TNEĦĦIJA GĦALKOLLOX TAL-​ISKJAVITÙ

“Maʼ Ġeħova Alla tagħna m’hemmx inġustizzja,” tgħid il-​Bibbja, u tassigurana li hu ma jinbidilx. (2 Kronaki 19:7; Malakija 3:6) Alla bagħat lil Ġesù biex ‘jippriedka l-​ħelsien lill-​imjassrin u jeħles lill-​imgħakksin.’ (Luqa 4:18) Kien dan ifisser ħelsien għal kull skjav? Milli jidher le. Ġesù ġie mibgħut biex jeħles lin-​nies mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Hu aktar tard iddikjara: “Il-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Illum il-​ġurnata, il-​verità li għallem Ġesù teħles lin-​nies b’diversi modi.—Ara l-​kaxxa “Ħelsien minn skjavitù differenti.”

Fir-​realtà, Alla għen lil Ġużeppi u lil Blessing jinħelsu mill-​iskjavitù b’modi differenti. Ir-​rakkont tal-​għaġeb taʼ Ġużeppi tistaʼ ssibu fil-​Bibbja fil-​ktieb tal-​Ġenesi minn kapitli 39 sa 41. Anki l-​mod kif Blessing fittxet biex tinħeles kien straordinarju.

Wara li tkeċċiet minn pajjiż Ewropew, Blessing marret tgħix Spanja. Hemmhekk iltaqgħet max-​Xhieda taʼ Ġeħova u bdiet tistudja l-​Bibbja magħhom. Peress li kienet deċiża li tirranġa ħajjitha, sabet xogħol ieħor u kkonvinċiet lil dik li kienet tmexxi l-​burdell biex tnaqqsilha l-​ammont taʼ flus li kellha tħallas kull xahar. Darba minnhom, Blessing irċiviet telefonata mingħandha. Hi riedet taħfrilha d-​dejn li kellha u titlobha maħfra. X’kien ġara? Hi wkoll kienet bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova! “Il-​verità teħilsek b’modi tal-​għaġeb,” tgħid Blessing.

Alla Ġeħova ħassu mnikket minħabba t-​trattament aħrax li kienu qed isofru l-​ilsiera Iżraelin fl-​Eġittu; żgur li hu jħossu l-​istess meta jara inġustizzji simili llum. Veru li biex jintemmu l-​forom kollha tal-​iskjavitù hemm bżonn bidla enormi fis-​soċjetà umana. Imma Alla jwiegħed li se jagħmel preċiż hekk. “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13

a L-​isem ġie mibdul.

Ħelsien minn skjavitù differenti

Alonso u martu

Alonso kien skjav mod ieħor. Meta kien għadu ġuvnott, sar skjav tal-​kokaina u l-​eroina. “Biex inħallas għal dan il-​vizzju, sirt kriminal u bdejt nittraffika d-​droga,” jistqarr Alonso. “Għalkemm mort f’erbaʼ ċentri taʼ riabilitazzjoni differenti, ma stajtx naqtaʼ l-​vizzju. Il-​pulizija fl-​aħħar arrestawni u qattajt erbaʼ snin ħabs.”

Wara 30 sena lsir tad-​droga, Alonso beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​messaġġ tal-​Bibbja messlu qalbu u sar determinat li jegħleb dan il-​vizzju. “Kien verament diffiċli wara tant snin,” jiftakar hu. “Imma Alla Ġeħova għenni nirbaħ il-​battalja.”—Salm 55:22.

“Il-​mara tiegħi tgħidx kemm hi kuntenta li nbdilt,” jgħid Alonso. “M’għandix kliem biżżejjed biex nirringrazzja lil Ġeħova talli ħelisni minn ħajja li kienet se twassal għall-​qerda tiegħi. Mingħajr l-​għajnuna tiegħu, kieku għadni skjav. Jew agħar minn hekk, mejjet.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja