Kulħadd Huwa Meħtieġ biex ix-Xogħol Isir
1 Kull dixxiplu taʼ Ġesù Kristu għandu japprezza li l-isforzi tiegħu biex jappoġġja u jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna huma importanti ħafna. Ġesù rrealizza li d-dixxipli tiegħu kienu se jipproduċu frott tas-Saltna fi kwantitajiet varji. (Mt. 13:23) Għalkemm porzjon kbir mill-attività taʼ l-ippridkar qed isir minn ħafna pijunieri li jaħdmu iebes, dawk kollha li bil-ħerqa jkomplu jigglorifikaw lil Alla billi jipproduċu kemm jistaʼ jkun frott huma taʼ min ifaħħarhom.—Ġw. 15:8.
2 Sforzi Kollettivi Jwettqu Ħafna: Ġesù bassar li l-isforzi kumulattivi tad-dixxipli kollha tiegħu kienu se jipproduċu xogħlijiet akbar minn tiegħu. (Ġw. 14:12) Kemm jekk iċ-ċirkostanzi persunali tagħna jillimitawlna dak li nistgħu nagħmlu u kemm jekk jippermettulna niddedikaw ħafna ħin għall-ippridkar tas-Saltna, ilkoll kemm aħna meħtiġin biex ix-xogħol isir. Huwa eżatt bħalma qal l-appostlu Pawlu: “Il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz taʼ l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma taʼ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.”—Efes. 4:16.
3 Xi wħud jistgħu jħossu li l-isforzi tagħhom ma jammontawx għal ħafna. Madankollu, f’għajnejn Jehovah l-importanti hu li s-servizz tagħna nagħmluh b’ruħna kollha. Kulma nagħmlu għalih huwa taʼ valur u apprezzat.—Qabbel Luqa 21:1-4.
4 Kompli Appoġġja x-Xogħol: Ilkoll kemm aħna għandna l-privileġġ li nikkontribwixxu materjalment għax-xogħol mad-dinja kollha. Xi wħud jistgħu jgħinu wkoll f’xogħol fiżiku involut f’li jiġi appoġġjat ix-xogħol tas-Saltna. Kulħadd jistaʼ jistinka biex jagħti kummenti ppreparati tajjeb fil-laqgħat u jipparteċipa fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Billi nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex ninkuraġġixxu lil oħrajn, aħna nagħmlu kontribuzzjoni prezzjuża għall-ispiritwalità tal-kongregazzjoni, u dan itejjeb l-abbiltà tagħha biex twettaq ix-xogħol fdat lilha.
5 Iva, kulħadd huwa meħtieġ biex ix-xogħol isir. Ħadd m’għandu jħossu li qed jitħalla barra. L-isforzi magħqudin tagħna, kemm kbar u kemm żgħar, f’li naqdu lil Jehovah jiddistingwuna bħala l-uniċi adoraturi veri t’Alla. (Mal. 3:18) Kull wieħed minna jistaʼ jkollu sehem sinjifikanti f’li jonora lil Jehovah u f’li jgħin lil oħrajn isiru jafuh u jaqduh.