‘Agħti Ruħek Kollha Kemm Hi’ għall-Ministeru Tiegħek
1 Meta naqraw li l-appostlu Pawlu kien jagħmel it-tined waqt li kien f’Korintu, nistgħu nikkonkludu li dan setaʼ għamillu limitu fl-opportunità tiegħu biex ixandar. Madankollu, Atti 18:5 jgħidilna: “Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija.” (Korsiv tagħna.) Pawlu għala kien imħabbat daqshekk fl-attività taʼ l-ippridkar? Avolja ħafna f’Korintu kienu diġà emmnu, il-Mulej ikkonferma li kien għad baqaʼ ħafna iktar min isir dixxiplu f’dik il-belt. (Atti 18:8-11) Għandna aħna raġuni bħal din biex nagħtu ruħna kollha kemm hi għall-ministeru tagħna? Iva. Ħafna iktar nies għadhom jistgħu jinstabu u jiġu mgħallma l-verità.
2 Qattaʼ Iktar Ħin fis-Servizz Matul April: Probabbilment hija l-mira tiegħek li żżomm ruħek bieżel biex tippriedka l-aħbar tajba kull xahar. Iżda ċerti xhur jagħtuna opportunitajiet iktar minn oħrajn sabiex ‘nagħtu ruħna kollha kemm hi’ għal din l-attività. Dawn jinkludu x-xahar t’April, meta l-istaġun tal-Mafkar ikun fl-aqwa tiegħu. Iċ-ċirkustanzi tiegħek ħallewk taqdi bħala pijunier awżiljarju jew iżżid l-isforzi tiegħek fil-ministeru din ir-rebbiegħa? Ħafna pubblikaturi li qed jagħmlu dan tbierku bil-kbir. (2 Kor. 9:6) Jekk int qed tagħmel dak kollu li tistaʼ, ftakar li Jehovah qed jieħu gost bis-servizz li qed tagħtih b’ruħek kollha. (Lq. 21:2-4) Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħek, agħmilha mira li ‘tagħti ruħek kollha kemm hi’ għall-ministeru tiegħek matul April. U tinsiex tagħti r-rapport tiegħek tas-servizz taʼ l-għalqa fl-aħħar tax-xahar sabiex b’hekk l-isforzi tiegħek jingħaddu maʼ dawk tal-bqija tal-poplu taʼ Jehovah.
3 Żur lil Uħud Ġodda li Attendew għall-Mafkar: Is-sena l-oħra f’Malta, l-attendenza għall-Mafkar kienet taʼ 947. It-total taʼ l-attendenza għal din is-sena għad irridu nsiru nafuh. Madankollu, ir-rapporti juru li hemm potenzjal eċċellenti għal “ħsad” akbar. (Mt. 9:37, 38) Għalhekk, malajr kemm jistaʼ jkun, irranġa biex iżżur lil dawk interessati li attendew għall-Mafkar sabiex tgħinhom spiritwalment. Jekk tħalli dawn iż-żjajjar għal iktar tard jistaʼ jiġri li ‘jersaq il-ħażin u jisirqilhom il-kelma tas-Saltna li nżergħet f’qalbhom.’ (Mt. 13:19) Żjara fil-pront se turi li int verament qed ‘tagħti ruħek kollha kemm hi’ għall-ministeru tiegħek.
4 Kompli Għin lil Dawk Inattivi: Fi Frar beda jsir sforz speċjali biex jiġu megħjuna dawk li huma inattivi. Jekk hemm xi wħud li għad ma saritilhomx żjara pastorali, l-anzjani għandhom ikunu ċerti li jżuruhom ħafna qabel ma jispiċċa April. L-anzjani se jagħmlu ħilithom kollha biex jagħrfu x’inhu l-għerq tal-problema taʼ l-individwu u kif jistgħu jagħtuh l-aħjar għajnuna biex jerġaʼ jibda jaqdi lil Jehovah b’mod attiv. Din l-għajnuna mimlija mħabba turi li l-anzjani jieħdu r-responsabbiltà tagħhom bis-serjetà bħala rgħajja tal-“merħla taʼ Alla.” (1 Pt. 5:2; Atti 20:28) Il-ħarġa tal-15 taʼ Settembru, 1993, taʼ The Watchtower, f’paġni 22-3, tipprovdi suġġerimenti eċċellenti li jistgħu jintużaw mill-anzjani meta jkunu qed jikkunsidraw xi waħda mill-ħames problemi normali li tistaʼ tkun qed teffettwa lil uħud inattivi. L-iktar ħaġa mixtieqa hi li xi wħud jerġgħu jsiru attivi fil-ministeru taʼ l-għalqa matul April.
5 Għin lil Iktar Uħud biex Isiru Pubblikaturi Mhux Mgħammdin: It-tfal tiegħek ikkwalifikaw biex isiru pubblikaturi ġodda taʼ l-aħbar tajba? Xi ngħidu għal oħrajn li qed tistudja l-Bibbja magħhom? Jekk uħud bħal dawn huma approvati mill-anzjani, ma jkunx April żmien eċċellenti għalihom biex isiru pubblikaturi? Jekk xi ħadd qed jagħmel progress u studja l-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien, l-istudju tal-Bibbja jistaʼ jitkompla bil-ktieb Magħqudin fil-Qima. Il-mira tiegħek hi li tgħin lill-istudent jikseb għarfien akbar tal-verità, jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed, u jsir Xhud dedikat u mgħammed taʼ Jehovah.—Efes. 3:17-19; 1 Tim. 1:12; 1 Pt. 3:21.
6 L-interess konsistenti u ġenwin li turi fl-istudenti tal-Bibbja tiegħek jistaʼ jgħinhom biex maż-żmien il-verità jagħmluha tagħhom stess. Xhud wieħed iltaqaʼ maʼ koppja anzjana li minn qalbhom aċċettaw li jibdew jieħdu studju tal-Bibbja. Iżda l-koppja ħassru l-istudju darba wara l-oħra għal tliet ġimgħat wara xulxin. Maż-żmien l-istudju nbeda. Imbagħad il-koppja bdiet kważi dejjem tħassar l-istudju ġimgħa iva u ġimgħa le. Sa fl-aħħar, però, il-mara għamlet progress u waslet sal-magħmudija. “Wara li tgħammdet,” jiftakar il-ħu, “għajnejha kienu mimlijin bid-dmugħ daqs kemm kienet ferħana, u dan wassal lili u lil marti biex nibku bil-ferħ aħna wkoll.” Iva, li tkun qed ‘tagħti ruħek kollha kemm hi’ għall-aħbar tajba jġib ferħ kbir ferm!
7 Il-profezija tal-Bibbja u l-affarijiet li qed jiġru madwar id-dinja juruna li qegħdin ngħixu fl-aħħarnett taż-żmien tat-tmiem. Issa huwa ż-żmien li l-poplu kollu t’Alla jrid ‘jagħti ruħu kollha kemm hi’ biex jaqsam l-aħbar tajba maʼ ħaddieħor. L-appostlu Pawlu jiżgurana li din il-ħidma “fil-Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Kor. 15:58.