L-Imħabba—Iċ-Ċavetta għal Ministeru Produttiv
1 “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom.” (Mt. 11:28) Dan il-kliem mimli ħlewwa rrifletta l-imħabba profonda taʼ Ġesù għan-nies. Bħala ministri Kristjani, aħna nixtiequ nimitaw lil Ġesù f’li nuru mħabbitna għan-nies li huma mifnijin minn din id-dinja mingħajr imħabba. Kif nistgħu nagħmlu dan hekk kif naqsmu l-aħbar tajba?
2 Bil-Kliem: L-imħabba għan-nies qanqlet lil Ġesù biex jieħu vantaġġ minn kull opportunità biex jaqsam l-aħbar tajba. (Ġw. 4:7-14) L-imħabba se tgħinna ma nżommux lura milli nagħtu xiehda informali. Tifla taʼ sitt snin tat xiehda mill-aqwa lil waħda mara li kienet bil-qiegħda ħdejha huma u jistennew biex jidħlu għand it-tabib. X’ġagħalha tagħmel dan? Hi spjegat, “Il-mara donnha kellha bżonn tkun taf dwar Ġeħova.”
3 Aħna nistgħu nuru l-interess tagħna fin-nies billi jkollna tbissima dħulija u sinċiera u nkunu ħelwin fit-ton taʼ leħinna. Ukoll, nistgħu nuru mħabbitna billi nagħtu widen bir-reqqa għall-kummenti t’oħrajn, nirrikonoxxu dak li tassew jinteressahom, u nuru interess persunali ġenwin. (Prov. 15:23) Billi nimitaw lil Ġesù, għandna nenfasizzaw il-messaġġ inkuraġġanti tas-Saltna u l-mogħdrija kollha mħabba taʼ Ġeħova lejn in-nies.—Mt. 24:14; Lq. 4:18.
4 Bl-Għemejjel: Ġesù kien jaġixxi minnufih għall-bżonnijiet t’oħrajn b’modi prattiċi u fiżiċi. (Mt. 15:32) Aħna wkoll jistaʼ jkollna opportunitajiet biex nuru qalb tajba bl-imħabba fil-ministeru. Waħda oħt osservat mara li kienet qed tipprova tifhem telefonata importanti. Oħtna offriet li tgħinha billi tittraduċilha x’kienet qed tgħidilha l-persuna fuq it-telefon. Dan il-ġest kollu mħabba fetaħ it-triq għal diskussjoni Skritturali li wasslet biex il-mara taċċetta studju tal-Bibbja. F’każ ieħor, wieħed ħu waqt li kien qed jagħmel żjara lura sab lill-inkwilin irrabjat, għax kien qed jipprova jdaħħal sufan tqil fl-intrata imma kien weħel fil-bieb. Wara li għenu jdaħħlu, il-ħu poġġa bil-qiegħda fuq l-istess sufan u beda studju tal-Bibbja mar-raġel li apprezza l-għajnuna tiegħu.
5 Hekk kif nieħdu sehem fil-ministeru, aħna nuru mħabbitna għal Alla u għall-proxxmu. (Mt. 22:36-40) Meta nuru dan bil-kliem u bl-għemejjel ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta jirrealizzaw li għandna l-verità.