Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież qaddejja sħabna:
Hu l-pjaċir tagħna li nistgħu niktbulkom fil-bidu taʼ din is-sena sinifikanti! Sal-aħħar tal-2014, ikun għadda seklu sħiħ minn meta s-Sultan maħbub tagħna Ġesù Kristu beda jsaltan f’nofs l-għedewwa tiegħu.—Salm 110:1, 2.
Fil-bidu taʼ din is-sena taʼ servizz, fil-laqgħa annwali tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida nieda l-edizzjoni bl-Ingliż, riveduta mill-ġdid, tal-aqwa traduzzjoni tal-Bibbja disponibbli għall-umanità. Ġeħova oriġinalment uża lil uliedu mnisslin bl-ispirtu biex jipprovdi t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. (Rum. 8:15, 16) Ma taqbilx li dan il-fatt biss żgur li jagħmilha traduzzjoni speċjali?
Għal ħafna snin, il-Kumitat tal-Kitba tal-Ġemgħa li Tiggverna ta prijorità lit-traduzzjoni tal-Bibbja. Illum, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida hi disponibbli sħiħa jew parti minnha b’121 lingwa. Ninkuraġġukom turu lil Ġeħova kemm tapprezzaw il-Bibbja li għandkom. Aqrawha u mmeditaw fuqha kuljum. B’hekk, tersqu eqreb lejn l-Awtur tagħha, Alla Ġeħova.—Ġak. 4:8.
Aħna nitnikktu meta nisimgħu dwar il-provi li ħutna rġiel u nisa l-għeżież qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Hu naturali li minn żmien għal żmien jistgħu jsibuha diffiċli jifirħu maʼ ħuthom. Pereżempju, reċentement il-ħajja taʼ familja fl-Asja nqalbet taʼ taħt fuq meta l-omm ħabta u sabta spiċċat ipparalizzata kompletament. Konfużi, l-esperti mediċi ma setgħux jgħinuha. X’sitwazzjoni taʼ niket! Ir-raġel issa jipprovdi għajnuna 24 siegħa kuljum lil martu. Binhom u ż-żewġt ibniet tagħhom qed jagħtu eżempju tajjeb bħala Kristjani billi jappoġġaw bl-imħabba lill-ġenituri tagħhom. Din il-familja mill-aħjar kif ukoll intom ilkoll li tiffaċċjaw provi diversi tistgħu tesperjenzaw il-ferħ li jiġi meta tissaportu l-provi tal-fidi tagħkom. (Ġak. 1:2-4) Ġeħova jassigura lill-midlukin tiegħu fuq l-art u lin-nagħaġ oħrajn li se nkunu ferħanin li bqajna nissaportu l-provi, għax se nkunu mberkin bl-għotja taʼ ħajja eterna!—Ġak. 1:12.
Is-sena l-oħra, l-attendenza għat-Tifkira kienet taʼ 19,241,252. Kemm hu inkuraġġanti li naraw tant nies jonoraw lil Ġeħova u lil Ġesù billi jattendu l-iktar laqgħa importanti tas-sena għall-poplu t’Alla! Matul żmien it-Tifkira, għajta kbira taʼ tifħir instemgħet hekk kif miljuni qdew bħala pijunieri awżiljarji f’Marzu u April. X’inkuraġġiment! U ma kontux ferħanin li ssiru tafu li dawk li qdew bħala pijunieri awżiljarji matul iż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jistgħu jattendu l-laqgħa kollha li jkollu mal-pijunieri, anki jekk iż-żjara tiegħu ma tkunx matul Marzu jew April? Dawk għaqlin spiritwalment jifhmu l-valur taʼ li jibqgħu attivi fix-xogħol tal-ippritkar u fl-attività tal-kongregazzjoni. Li nkunu medhijin jgħinna nibqgħu sodi u ma nitħarrkux, u b’hekk infixklu l-pjanijiet tax-Xitan biex idgħajfilna l-fidi u jiżvijana.—1 Kor. 15:58.
Kemm isaħħaħna li naraw li matul is-sena taʼ servizz li għaddiet, 277,344 issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom bil-magħmudija tal-ilma u issa huma fit-triq li tieħu għall-ħajja flimkien maʼ ħuthom madwar id-dinja! (Mt. 7:13, 14) Dawn l-uħud ġodda għandhom bżonn is-sapport tagħna biex ‘jissodaw fil-fidi.’ (Kol. 2:7) Komplu inkuraġġixxu lil xulxin biex tissaportu sat-tmiem. (Mt. 24:13) “Ikkonslaw lid-dipressi, wieżnu lid-dgħajfin, uru sabar fit-tul lejn kulħadd.” (1 Tess. 5:14) Fl-aħħar, jalla kull wieħed minna ‘jitlob bla waqfien,’ u jgħid: “Ħa tiġi saltnatek.”—1 Tess. 5:17; Mt. 6:10.
Jekk jogħġobkom ħudu pjaċir aqraw . . . il-Yearbook, u kunu afu li nħobbu lil kull wieħed u waħda minnkom, intom li tħobbu lil Ġeħova!
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova