BIJOGRAFIJA
Kelli Ħafna Barkiet Sbieħ Għax Tgħallimt minn Eżempji Tajbin
META kont żagħżugħ kont insibha diffiċli ħafna biex noħroġ nipprietka. Hekk kif kbirt, ġejt mitlub biex nagħmel affarijiet li ma kontx naħseb li stajt nagħmilhom. Mela, ħalli ngħidlek dwar ftit mill-eżempji tajbin li għenuni negħleb il-beżgħat tiegħi u ngawdi barkiet mill-isbaħ matul it-58 sena taʼ servizz full-time.
Jien twilidt fi Quebec City, fil-provinċja taʼ Quebec fejn jitkellmu bil-Franċiż. Il-ġenituri tiegħi, Louis u Zélia, kienu jħobbuni ħafna u wrew qalb tajba miegħi. Missieri kien raġel mistħi ħafna u kien iħobb jaqra. Kont inħobb nikteb, u allura kont nittama li nsir ġurnalist.
Meta kelli madwar 12-il sena, Rodolphe Soucy, wieħed li kien jaħdem maʼ missieri, ġie jżuruna d-dar mal-ħabib tiegħu. Huma kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Ftit li xejn kont naf dwar ix-Xhieda u ma tantx kont interessat fir-reliġjon tagħhom. Però, kien jogħġobni kif kienu jwieġbu l-mistoqsijiet b’mod raġonevoli mill-Bibbja. Anki l-ġenituri tiegħi kien jogħġobhom dak li kienu jgħidu, u allura bdejna nistudjaw il-Bibbja.
Dak iż-żmien, kont immur skola tal-Knisja. Kultant, kont nitkellem maʼ tal-klassi dwar dak li kont qed nitgħallem mill-istudju tal-Bibbja. Maż-żmien, l-għalliema, li kienu qassisin, saru jafu b’dan. Wieħed minnhom, biex juri li ma jaqbilx miegħi, minflok uża l-Bibbja, akkużani quddiem klassi sħiħa li kont qed inkun ribelluż! Għalkemm kienet sitwazzjoni stressanti, dan ġabli barkiet għax għenni nifhem li l-għalliema reliġjużi tal-iskola tiegħi ma kinux jaqblu mal-Bibbja. Irrealizzajt li posti ma kienx hemm. Bil-permess tal-ġenituri tiegħi, bdejt immur fi skola oħra.
KIF TGĦALLIMT INĦOBB L-IPPRITKAR?
Komplejt nistudja l-Bibbja, imma ma tantx għamilt progress spiritwali għax kont nibżaʼ noħroġ nipprietka minn dar għal dar. Il-Knisja Kattolika kienet tħalli impatt kbir fuq in-nies u kienet topponi ħafna kontra l-ippritkar tagħna. Maurice Duplessis, il-mexxej politiku taʼ Quebec, kien jappoġġa ħafna lill-Knisja. Bl-għajnuna tiegħu, gruppi taʼ nies bdew jaqilgħu l-inkwiet lix-Xhieda u saħansitra sawtuhom. Dak iż-żmien, kellek bżonn il-kuraġġ biex tipprietka.
Ħu li għenni negħleb il-biżaʼ kien jismu John Rae. Dan kien gradwa mid-disaʼ klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad. John, li kellu ħafna esperjenza, kien umli u dħuli. Rari kien jiġi fuqi u jtini parir, imma l-eżempju tajjeb tiegħu kellu impatt kbir fuqi. John kien ibati biex jitkellem bil-Franċiż, allura spiss kont noħroġ nipprietka miegħu u ngħinu bil-lingwa. Peress li kont inqattaʼ ħafna ħin maʼ John, fl-aħħar rabbejt il-kuraġġ u sirt Xhud taʼ Ġeħova. Tgħammidt fis-26 taʼ Mejju 1951, jiġifieri għaxar snin wara li kellmuni x-Xhieda taʼ Ġeħova għall-ewwel darba.
L-eżempju tajjeb taʼ John Rae (A) għenni (B) negħleb il-biżaʼ li kelli biex nipprietka minn dar għal dar
Fil-kongregazzjoni żgħira tagħna fi Quebec City, kważi kollha kienu pijunieri. Tant ħallew impatt tajjeb fuqi li bdejt naqdi bħala pijunier ukoll. Dak iż-żmien, konna nippritkaw minn dar għal dar billi nużaw il-Bibbja biss. Peress li ma konniex nużaw letteratura biex nippritkaw, kellna nitgħallmu nużaw il-Bibbja aħjar. Allura, jien provajt nitgħallem xi versi tal-Bibbja li setgħu jgħinuni niddefendi l-verità. Però, ħafna kienu saħansitra jirrifjutaw jaqraw il-Bibbja jekk ma jkollhiex l-imprimatur, jew approvazzjoni uffiċjali, mill-Knisja Kattolika.
Fl-1952, iżżewwiġt lil Simone Patry, oħt leali li kienet taqdi fl-istess kongregazzjoni tiegħi. Aħna morna noqogħdu Montreal, u fi żmien sena, ġejna mbirkin b’tifla, Lise. Għalkemm kont waqaft naqdi bħala pijunier ftit qabel ma żżewwiġna, jien u Simone bqajna nipprovaw ngħixu ħajja sempliċi biex inkunu nistgħu nieħdu sehem kemm jistaʼ jkun fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni bħala familja.
Għaddew għaxar snin mindu rġajt bdejt naħseb biex naqdi bħala pijunier. Fl-1962, peress li kont anzjan, attendejt l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna li damet xahar fil-Betel tal-Kanada. Hemmhekk qsamt il-kamra maʼ Camille Ouellette. Iż-żelu taʼ dan il-ħu impressjonani—speċjalment peress li kien raġel tal-familja. Dak iż-żmien, fi Quebec, bilkemm kien hemm aħwa pijunieri u jrabbu t-tfal fl-istess ħin. Minkejja dan, din kienet il-mira taʼ Camille. Matul iż-żmien li qattajna flimkien, hu inkuraġġieni biex naħseb dwar is-sitwazzjoni tiegħi. Wara ftit xhur biss, irrealizzajt li stajt nerġaʼ nibda naqdi bħala pijunier regolari. Xi wħud iddubitaw kemm id-deċiżjoni tiegħi kienet waħda għaqlija, imma jien xorta bdejt naqdi bħala pijunier għax kont ċert li Ġeħova se jgħinni biex nipprietka iktar.
LURA FI QUEBEC CITY BĦALA PIJUNIERI SPEĊJALI
Fl-1964, jien u Simone ġejna maħturin biex naqdu bħala pijunieri speċjali fi Quebec City, fejn trabbejna u rġajna qdejna għal diversi snin. Sa dak iż-żmien, l-oppożizzjoni naqset, imma xorta kien għad hemm min jagħmlilna l-bsaten fir-roti.
Darba, kien is-Sibt waranofsinhar, u ġejt arrestat f’Sainte-Marie, belt mhux ’il bogħod minn Quebec City. Pulizija ħadni l-għassa u tefagħni l-ħabs għax kont qed nipprietka minn dar għal dar bla permess. Imbagħad, ħaduni quddiem l-Imħallef Baillargeon, raġel li jġiegħlek tħossok beżgħan. Hu saqsieni min kien se jkun l-imħallef tiegħi. Meta semmejtlu lil Glen How,a Xhud li kien avukat magħruf, bil-biżaʼ fuqu qalli: “Illaħwa! Dak minn tant?!” Dak iż-żmien, Glen How diġà kellu reputazzjoni tajba f’li jiddefendi lix-Xhieda taʼ Ġeħova b’mod legali. Il-qorti ma damitx biex tgħidli li waqqgħet il-każ li kellha kontrija.
L-oppożizzjoni għall-ippritkar fi Quebec għamlitha diffiċli wkoll biex jinkrew postijiet adattati għall-laqgħat. Il-kongregazzjoni żgħira tagħna ma setgħetx issib post aħjar minn garaxx. Sabiex l-aħwa jsaħħnu l-post fiż-żminijiet tax-Xitwa fejn il-kesħa xxoqq il-għadam, kienu jużaw heaters taż-żejt. Aħna spiss konna ninġabru madwaru xi ftit sigħat qabel il-laqgħa biex naqsmu esperjenzi t’inkuraġġiment.
Hija xi ħaġa sabiħa li tara r-riżultati tajbin tal-ippritkar. Fis-sittinijiet, kien hemm xi ftit kongregazzjonijiet żgħar biss fi Quebec City, fir-reġjun taʼ Côte-Nord, u f’Gaspé Peninsula. Illum, hemm iktar minn żewġ circuits f’dawn l-inħawi, u l-aħwa jiltaqgħu fi Swali tas-Saltna sbieħ.
INKARIGA TAʼ INDOKRATUR LI JŻUR IL-KONGREGAZZJONIJIET
Fl-1977, attendejt laqgħa għall-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet f’Toronto, il-Kanada
Jien u Simone konna mistidnin biex naqdu fix-xogħol tas-circuit fl-1970. Imbagħad, fl-1973, ġejna assenjati fix-xogħol tad-distrett. Matul dawk is-snin, tgħallimt ħafna minn aħwa kapaċi bħal Laurier Saumurb u David Splane,c indokraturi li kienu jżuru l-kongregazzjonijiet. Wara kull assemblea, jien u David konna nagħtu suġġerimenti lil xulxin dwar kif nistgħu ngħallmu aħjar. Niftakar meta darba David qalli: “Léonce, ħadt pjaċir nismaʼ l-aħħar taħdita tiegħek. Kienet tajba, imma kont nagħmel tliet taħditiet mill-materjal kollu li kellek!” Kelli t-tendenza li jkolli wisq informazzjoni fit-taħditiet tiegħi. Allura, kelli bżonn nitgħallem niffoka fuq l-iktar punti importanti.
Qdejt fi bliet differenti fin-naħa tal-Lvant tal-Kanada
L-indokraturi tad-distrett kienu inkarigati biex jinkuraġġixxu lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Però, ħafna pubblikaturi fi Quebec kienu jafuni sew. Spiss kienu jkunu jridu jippritkaw miegħi meta kont inżur is-circuits. Għalkemm kont nieħu pjaċir naħdem magħhom, ma kontx qed inqattaʼ biżżejjed ħin mal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Darba minnhom, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet bi mħabba qalli: “Huwa sabiħ li tagħti l-attenzjoni lill-aħwa, imma tinsiex li int dil-ġimgħa ġejt hawn biex tiltaqaʼ miegħi. Jien għandi bżonn l-inkuraġġiment ukoll!” Dan il-parir mogħti b’qalb tajba għenni nkun iktar bilanċjat.
Fl-1976, ġrat xi ħaġa li ma kontx qed nistenna u ġabitli dwejjaq kbar. L-għażiża marti, Simone, mardet serjament u raqdet fil-mewt. Hi kienet mara mill-aħjar għax ma kinitx egoista u kienet tħobb ħafna lil Ġeħova. Peress li kont inqattaʼ ħafna ħin fil-ministeru, stajt nissaporti l-uġigħ li kelli, u nirringrazzja lil Ġeħova għall-għajnuna bi mħabba li tani matul dak iż-żmien diffiċli. Imbagħad, iżżewwiġt lil Carolyn Elliott, pijuniera żeluża li titkellem bl-Ingliż u li kienet marret tgħix Quebec biex taqdi fejn il-bżonn hu ikbar. Carolyn hi dħulija u vera tinteressa ruħha f’oħrajn, speċjalment f’dawk li jistħu jew iħossuhom waħedhom. Hi għenitni ħafna meta bdiet tiġi miegħi biex inżur il-kongregazzjonijiet.
SENA LI MA NINSA QATT
F’Jannar tal-1978, ġejt mitlub biex ngħallem l-ewwel Skola tas-Servizz taʼ Pijunier fi Quebec. Kont ansjuż ħafna minħabba li l-kotba kienu ġodda għalija bħalma kienu ġodda għall-istudenti. Ħadt pjaċir li l-ewwel klassi li għallimt kien hemm ħafna pijunieri tal-esperjenza. Għalkemm kont għalliem, tgħallimt ħafna mill-istudenti!
Imbagħad, fl-1978, kien hemm il-Konvenzjoni Internazzjonali bl-isem “Victorious Faith” fl-Olympic Stadium taʼ Montreal. Kienet l-akbar konvenzjoni li qatt saret fi Quebec. Konna iktar minn 80,000 ruħ! Kont ġejt inkarigat biex naħdem fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Aħbarijiet fil-konvenzjoni. Kont tkellimt maʼ ħafna ġurnalisti u kont ferħan se ntir meta rajt li kitbu ħafna affarijiet tajbin dwarna. Huma intervistawna fuq it-televixin u r-radju għal iktar minn 20 siegħa, u ppubblikaw mijiet t’artikli. Kienet ingħatat xhieda tal-għaġeb!
INKARIGU ĠDID
Fl-1996, esperjenzajt bidla kbira. Wara li kont ilni naqdi fi Quebec bil-lingwa Franċiża minn meta tgħammidt, ġejt inkarigat biex naqdi bħala indokratur tad-distrett fl-inħawi taʼ Toronto bil-lingwa Ingliża. Ma kontx inħossni kwalifikat u bdejt nibżaʼ ħafna biex nagħti taħditiet għax ma kontx naf nitkellem sew bl-Ingliż. Kelli bżonn nitlob iktar spiss u nistrieħ ħafna iktar fuq Ġeħova.
Kont eċitat ħafna qabel bdejt naqdi f’dan id-distrett, imma issa nistaʼ ngħid li gawdejt sentejn mill-isbaħ naqdi fl-inħawi taʼ Toronto. Carolyn bil-paċenzja għenitni ntejjeb l-Ingliż tiegħi, u l-aħwa kienu taʼ inkuraġġiment kbir għalija u appoġġawni ħafna wkoll. Aħna malajr għamilna ħafna ħbieb.
Minbarra l-attivitajiet u l-preparamenti għall-assemblea, jien spiss kont inqattaʼ madwar siegħa l-Ġimgħa flgħaxija nipprietka minn dar għal dar. Xi wħud forsi ħasbu: ‘Ikollok tant x’tagħmel eżatt qabel l-assemblea, ħa toħroġ tipprietka wkoll?’ Madankollu, irrealizzajt li meta jkolli konversazzjonijiet tajbin fil-ministeru kont ninkuraġġixxi ruħi. Anki llum, meta noħroġ fil-ministeru, dejjem inħossni aħjar.
Fl-1998, Carolyn u jien ġejna inkarigati biex immorru Montreal bħala pijunieri speċjali. Għal xi snin, l-inkarigu tiegħi kien jinkludi li norganizza l-ippritkar f’postijiet pubbliċi partikolari u nikkomunika maʼ dawk tal-aħbarijiet biex in-nies jifhmu iktar min aħna u ma jiħduhiex kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova. Jien u Carolyn illum qed nieħdu pjaċir nippritkaw lill-barranin li dan l-aħħar ġew joqogħdu l-Kanada u li spiss iħarsu ’l quddiem biex jitgħallmu iktar dwar il-Bibbja.
Maʼ marti Carolyn
Hekk kif nirrifletti fuq it-68 sena bħala qaddej mgħammed taʼ Ġeħova, inħossni mbierek. Inħossni ferħan ħafna peress li tgħallimt nieħu pjaċir nipprietka u għent lil ħafna nies isiru jafu l-verità. Wara li binti, Lise, u r-raġel rabbew familja, huma bdew jaqdu bħala pijunieri regolari. Jagħmilni ferħan li naf kemm għadha żeluża għall-ministeru. Ninsab grat ħafna għal ħuti l-Kristjani li bl-eżempju u l-pariri tajbin tagħhom għenuni jkolli ħbiberija iktar b’saħħitha maʼ Ġeħova. Ukoll, dawn għenuni naqdih b’modi differenti. Indunajt li l-uniku mod biex nibqgħu leali fl-inkarigu tagħna huwa possibbli biss jekk nistrieħu fuq il-qawwa tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Salm 51:11) Jien nibqaʼ nirringrazzja lil Ġeħova talli tani l-privileġġ prezzjuż taʼ li nfaħħar lil ismu!—Salm 54:6.
a Ara l-bijografija taʼ W. Glen bl-isem “It-Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju 2000.
b Ara l-bijografija taʼ Laurier Saumur bl-isem “I Found Something Worth Fighting For” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Novembru 1976.
c Ħuna David Splane jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova.