LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w20 Frar pp. 14-19
  • Aħdem għall-Paċi billi Tiġġieled l-Għira

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħdem għall-Paċi billi Tiġġieled l-Għira
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’JISTAʼ JWASSAL GĦALL-​GĦIRA?
  • ŻVILUPPA L-​UMILTÀ U KUN KUNTENT B’LI GĦANDEK
  • “NIĠRU WARA L-​AFFARIJIET LI JĠIBU L-​PAĊI”
  • Karatteristika li Tistaʼ Tivvelena lil Moħħna—L-Għira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Sigrieti għal ħajja ferħana
    Stenbaħ!—2014
  • Tqabbel Int Lilek Innifsek m’Oħrajn?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Bniedem Invidjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
w20 Frar pp. 14-19

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 8

Aħdem għall-Paċi billi Tiġġieled l-Għira

“Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—RUM. 14:19.

GĦANJA 113 Is-​sliem li għandna

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. L-​għira kif effettwat lill-​familja taʼ Ġużeppi?

ĠAKOBB kien iħobb lis-​subien kollha tiegħu, imma lil Ġużeppi, li kellu 17-​il sena, kien iħobbu iktar. Ħut Ġużeppi kif aġixxew? Huma bdew jgħiru għalih u waslu biex jobogħduh. Ġużeppi ma kien għamel xejn biex ħutu jobogħduh. Minkejja dan, huma biegħu lil Ġużeppi bħala skjav u gidbu lil missierhom billi qalulu li annimal salvaġġ qatel lit-​tifel favorit tiegħu. Peress li kienu jgħiru, il-​familja ma baqgħetx fil-​paċi u lil missierhom kienu kkaġunawlu dwejjaq kbar.—Ġen. 37:3, 4, 27-​34.

2. Skont Galatin 5:19-​21, l-​għira għala hi daqstant perikoluża?

2 Fl-​Iskrittura, l-​għirab hi mniżżla fost “l-​għemejjel tal-​laħam” li jwasslu għall-​mewt u din tistaʼ ma tħallix lil dak li jkun jiret is-​Saltna t’Alla. (Aqra Galatin 5:19-​21.) Spiss, l-​għira tkun il-​kaġun prinċipali tal-​mibegħda, il-​ġlied, u azzjonijiet ħżiena oħra.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 L-​eżempju taʼ ħut Ġużeppi juri kemm l-​għira tistaʼ tagħmel ħsara lill-​ħbiberiji u tkisser il-​paċi fil-​familji. Għalkemm qatt mhu se nagħmlu bħal ħut Ġużeppi, ilkoll kemm aħna għandna qalb imperfetta u qarrieqa. (Ġer. 17:9) Mela mhux taʼ b’xejn li kultant forsi ngħiru għal oħrajn. Ejja nirrevedu xi eżempji fil-​Bibbja li jistgħu jgħinuna nagħrfu r-​raġunijiet għala kultant is-​sentimenti tal-​għira jqabbdu l-​għeruq f’qalbna. Imbagħad se nikkunsidraw xi modi prattiċi dwar kif nistgħu niġġieldu l-​għira u ninkuraġġixxu l-​paċi.

X’JISTAʼ JWASSAL GĦALL-​GĦIRA?

4. Il-​Filistin għala kienu jgħiru għal Iżakk?

4 Meta xi ħadd ikun sinjur. Iżakk kien raġel sinjur, u l-​Filistin kienu jgħiru għal dak li kellu. (Ġen. 26:12-​14) Huma saħansitra għalqu u mlew il-​bjar bit-​trab li Iżakk kien juża biex jagħti l-​ilma lill-​merħliet tiegħu. (Ġen. 26:15, 16, 27) Bħall-​Filistin, xi nies illum jibdew jgħiru għal dawk li għandhom iktar affarijiet minnhom. Huma mhux biss ikunu jridu l-​affarijiet taʼ persuna oħra imma lanqas ma jkunu jridu li jkollha dawk l-​affarijiet.

5. Il-​mexxejja reliġjużi għala kienu jgħiru għal Ġesù?

5 Meta ħafna nies ikunu jħobbu lil xi ħadd. Il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu jgħiru għal Ġesù għax in-​nies komuni kienu jħobbuh ħafna. (Mt. 7:28, 29) Ġesù kien ir-​rappreżentant t’Alla, u hu kien qed jgħallem il-​verità. Minkejja dan, dawn il-​mexxejja reliġjużi xerrdu gideb biex iħammġu r-​reputazzjoni tajba taʼ Ġesù. (Mk. 15:10; Ġw. 11:47, 48; 12:12, 13, 19) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Aħna rridu nagħmlu ċert li ma nibdewx ngħiru għal dawk li huma maħbubin mill-​aħwa fil-​kongregazzjoni minħabba l-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Minflok, aħna għandna nipprovaw nimitaw il-​mod taʼ kif juru l-​imħabba.—1 Kor. 11:1; 3 Ġw. 11.

6. Dijotrefe kif wera li kien jgħir?

6 Meta xi ħadd ikollu l-​privileġġi fil-​kongregazzjoni. Fl-​ewwel seklu, Dijotrefe kien jgħir għal dawk li kienu jmexxu fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu ried “ikollu l-​pożizzjoni ewlenija” fost il-​membri tal-​kongregazzjoni, allura qal ħafna affarijiet ħżiena dwar l-​appostlu Ġwanni u aħwa oħra ħalli dawk fil-​kongregazzjoni ma jibqgħux jirrispettawhom. (3 Ġw. 9, 10) Għalkemm qatt mhu se nagħmlu bħal Dijotrefe, aħna wkoll għandu mnejn nibdew ngħiru għal xi oħt jew ħu li rċieva inkarigu li xtaqnieh aħna—speċjalment jekk naħsbu li aħna tajbin daqsu biex nieħdu ħsieb din ir-​responsabbiltà.

Grupp taʼ stampi: 1. Fjura b’saħħitha li għandha għeruq f’ħamrija tajba. 2. L-istess fjura qed tiġi maħnuqa minn ħaxixa ħażina. 3. Tliet aħwa qed jieħdu pjaċir jitkellmu flimkien fis-Sala tas-Saltna waqt li oħt oħra qiegħda għaliha u donnu mhux tieħu pjaċir bihom.

Qalbna hi bħall-​ħamrija, il-​kwalitajiet tajbin tagħna huma bħal fjuri sbieħ. Imma l-​għira hi bħall-​ħaxix valenuż. L-​għira tistaʼ toħnoq l-​iżvilupp taʼ kwalitajiet tajbin bħall-​imħabba, ħniena, u qalb tajba (Ara paragrafu 7)

7. L-​għira x’effett jistaʼ jkollha fuqna?

7 L-​għira hi bħal ħaxix valenuż. Ladarba ż-​żerriegħa tal-​għira tqabbad l-​għeruq f’qalbna, jistaʼ jkun diffiċli biex neqirduha. L-​għira tgħix permezz taʼ sentimenti negattivi bħall-​kburija u l-​egoiżmu. L-​għira tistaʼ toħnoq kwalitajiet tajbin bħall-​imħabba, ħniena, u qalb tajba. Hekk kif naraw li qed tinbet l-​għira, ikun hemm bżonn li naqilgħuha minn qalbna. Kif nistgħu niġġieldu l-​għira?

ŻVILUPPA L-​UMILTÀ U KUN KUNTENT B’LI GĦANDEK

Grupp taʼ stampi: 1. Fjura b’saħħitha li għandha għeruq f’ħamrija tajba. 2. Xi ħadd qed jaqlaʼ l-ħaxix ħażin minn mal-fjura. 3. Erbaʼ aħwa qed jieħdu pjaċir jitkellmu flimkien fis-Sala tas-Saltna.

Kif nistgħu niġġieldu l-għira li hi bħal ħaxix ħażin? Bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, nistgħu naqilgħu l-għira mill-għeruq u minflokha niżviluppaw l-umiltà u nkunu kuntenti b’li għandna (Ara paragrafi 8-9)

8. X’jistaʼ jgħinna niġġieldu l-​għira?

8 Aħna nistgħu niġġieldu l-​għira billi niżviluppaw l-​umiltà u nkunu kuntenti b’li għandna. Meta qalbna tkun mimlija bi kwalitajiet tajbin bħal dawn, mhux se ngħiru. L-​umiltà se tgħinna biex ma niffokawx iżżejjed fuqna nfusna. Xi ħadd umli ma jħossx li jistħoqqlu xi ħaġa iktar minn ħaddieħor. (Gal. 6:3, 4) Xi ħadd li jkun kuntent ikun sodisfatt b’li għandu u ma jqabbilx lilu nnifsu m’oħrajn. (1 Tim. 6:7, 8) Meta persuna tkun umli u kuntenta b’li għandha, din tifraħ għal dik il-​persuna li tirċievi xi ħaġa tajba.

9. Skont Galatin 5:16 u Filippin 2:3, 4, l-​ispirtu qaddis x’se jgħinna nagħmlu?

9 Għandna bżonn l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla biex ma ngħirux, biex jgħinna niżviluppaw l-​umiltà, u biex inkunu kuntenti b’li għandna. (Aqra Galatin 5:16; Filippin 2:3, 4.) L-​ispirtu qaddis t’Alla jistaʼ jgħinna neżaminaw il-​ħsibijiet profondi u l-​motivi tagħna. Bl-​għajnuna t’Alla, nistgħu nibdlu ħsibijiet u sentimenti ħżiena maʼ sentimenti li jinkuraġġixxu. (Salm 26:2; 51:10) Aħseb fuq l-​eżempji taʼ Mosè u Pawlu, irġiel li rnexxielhom jiġġieldu t-​tendenza tal-​għira.

Mosè, Ġożwè, u grupp taʼ rġiel t’awtorità Iżraelin qegħdin bilwieqfa ħdejn it-​tinda tal-​laqgħa. Ġożwè qed jgħid lil Mosè biex iwaqqaf lil żewġt irġiel li qed jaġixxu bħala profeti.

Żagħżugħ imur jiġri għand Mosè u Ġożwè biex jgħidilhom li żewġt irġiel fil-​kamp qed jaġixxu bħala profeti. Ġożwè jitlob lil Mosè biex iwaqqafhom, imma Mosè ma jagħmilx hekk. Minflok, jgħid lil Ġożwè li hu ferħan li Ġeħova tefaʼ l-​ispirtu Tiegħu fuq dawn iż-​żewġt irġiel (Ara paragrafu 10)

10. Liema sitwazzjoni setgħet ittestjat lil Mosè? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

10 Mosè kellu awtorità kbira fuq in-​nies t’Alla, imma ma provax iwaqqaf lil oħrajn milli jkollhom din l-​awtorità. Pereżempju, f’okkażjoni minnhom, Ġeħova ħa ftit mill-​ispirtu qaddis li kien ta lil Mosè u tah lill-​grupp taʼ rġiel t’awtorità Iżraelin li kienu viċin it-​tinda tal-​laqgħa. Ftit wara, Mosè semaʼ li żewġt irġiel minnhom li ma kinux ħdejn it-​tinda tal-​laqgħa kienu rċivew l-​ispirtu qaddis u bdew jaġixxu bħala profeti wkoll. Mosè kif aġixxa meta Ġożwè talbu biex iwaqqaf lil dawn iż-​żewġt irġiel t’awtorità? Mosè ma għerx għall-​attenzjoni li rċivew mingħand Ġeħova. Minflok, hu kien umli u ferħan għall-​privileġġ li kellhom. (Num. 11:24-​29) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Mosè?

Grupp taʼ stampi: 1. Waqt laqgħa tal-​ġemgħa tal-​anzjani, ħu mdaħħal fiż-​żmien qed jiġi mitlub biex jittrennja lil anzjan żagħżugħ biex jikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa. 2. L-​anzjan żagħżugħ qed jikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa waqt li l-​ħu mdaħħal fiż-​żmien qiegħed bilqiegħda jismaʼ. 3. Il-​ħu mdaħħal fiż-​żmien qed jieħu b’id l-​anzjan żagħżugħ u jfaħħru.

L-anzjani tal-kongregazzjoni kif jistgħu jkunu umli bħal Mosè? (Ara paragrafi 11-12)c

11. L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Mosè?

11 Jekk int anzjan, ġieli ġejt mitlub biex tħarreġ lil xi ħadd għall-​privileġġ li vera tħobb fil-​kongregazzjoni? Pereżempju, forsi int tħobb il-​privileġġ li tikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ kull ġimgħa. Imma jekk int umli bħal Mosè, mhux se tibżaʼ jekk tkun mitlub biex tħarreġ lil ħu ieħor ħalli maż-​żmien ikun jistaʼ jieħu ħsieb dan il-​privileġġ. Minflok, int se tkun ferħan biex tgħinu.

12. Ħafna Kristjani kif qed juru li huma umli u kuntenti b’li għandhom?

12 Ikkunsidra sitwazzjoni oħra li ħafna aħwa rġiel qed jiffaċċjaw. Għal ħafna snin, dawn qdew bħala koordinaturi tal-​ġemgħat tal-​anzjani. Imma meta jagħlqu 80 sena, minn jeddhom iċedu l-​inkarigu tagħhom. Indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet li jagħlqu 70 sena, b’umiltà jċedu dan il-​privileġġ u jaċċettaw inkarigu differenti. U dan l-​aħħar, ħafna membri tal-​familja taʼ Betel madwar id-​dinja bdew l-​inkarigi ġodda fil-​ministeru. Dawn l-​aħwa rġiel u nisa leali ma jżommux f’qalbhom kontra dawk li forsi issa qed jagħmlu x-​xogħol li kellhom.

13. Pawlu għala forsi setaʼ jgħir għat-​12-​il appostlu?

13 L-​appostlu Pawlu hu eżempju tajjeb ieħor taʼ xi ħadd li żviluppa l-​umiltà u kien kuntent b’li kellu. Pawlu ma ppermettiex li jkollu l-​għira. Hu ħadem iebes fil-​ministeru, imma b’umiltà qal: “Jien l-​inqas wieħed mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu.” (1 Kor. 15:9, 10) It-​12-​il appostlu segwew lil Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, imma Pawlu sar Kristjan wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù. Għalkemm maż-​żmien sar “appostlu tal-​ġnus,” Pawlu qatt ma sar wieħed mit-​12-​il appostlu. (Rum. 11:13; Atti 1:21-​26) Minflok ma kien jgħir għall-​appostli u l-​ħbiberija mill-​qrib li gawdew maʼ Ġesù, Pawlu baqaʼ kuntent b’li kellu.

14. X’se nagħmlu meta aħna nkunu umli u nkunu kuntenti b’li għandna?

14 Jekk aħna nkunu umli u nkunu kuntenti b’li għandna, aħna se nkunu bħal Pawlu u nuru rispett lejn l-​awtorità li Ġeħova ta lil oħrajn. (Atti 21:20-​26) Hu għamel ċert li jkun hemm l-​anzjani biex imexxu l-​kongregazzjoni Kristjana. Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom, Ġeħova jqishom “irġiel bħala għotjiet.” (Efes. 4:8, 11) Meta nirrispettaw lil dawn l-​irġiel u b’umiltà nobdu d-​direzzjoni tagħhom, aħna nibqgħu qrib Ġeħova u jkollna l-​paċi maʼ ħutna l-​Kristjani.

“NIĠRU WARA L-​AFFARIJIET LI JĠIBU L-​PAĊI”

15. X’hemm bżonn li nagħmlu?

15 Jekk ngħiru għal oħrajn jew jekk oħrajn jgħiru għalina, mhux se jkun hemm il-​paċi bejnietna. Hemm bżonn li nneħħu kull għira minn qalbna u nevitaw li niżirgħu sentimenti t’għira f’oħrajn. Għandna bżonn nagħmlu dawn l-​affarijiet importanti biex b’hekk nobdu l-​kmandi taʼ Ġeħova u “niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rum. 14:19) X’nistgħu nagħmlu b’mod speċifiku biex ngħinu lil oħrajn jiġġieldu l-​għira, u kif nistgħu ninkuraġġixxu l-​paċi?

16. Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jiġġieldu l-​għira?

16 L-​attitudni u l-​azzjonijiet tagħna jistaʼ jkollhom influwenza kbira fuq oħrajn. Id-​dinja trid li aħna niffanfraw b’dak li għandna. (1 Ġw. 2:16) Imma din l-​attitudni ġġib l-​għira. Aħna nistgħu nevitaw li oħrajn joqogħdu jgħiru billi ma noqogħdux il-​ħin kollu nitkellmu dwar l-​affarijiet li għandna jew x’biħsiebna nixtru. Mod ieħor kif nistgħu nevitaw li oħrajn jgħiru hu bil-​mod kif naġixxu meta jkollna r-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. Jekk niġbdu l-​attenzjoni għall-​privileġġi li jkollna, l-​għira tistaʼ tqabbad l-​għeruq. Għall-​kuntrarju, meta nuru interess personali u ġenwin f’oħrajn u nkunu konxji tat-​tajjeb li jagħmlu, aħna nkunu qed ngħinuhom biex ikunu kuntenti b’li għandhom u nkunu qed ninkuraġġixxu l-​unità u l-​paċi fil-​kongregazzjoni.

17. Ħut Ġużeppi xi rnexxielhom jagħmlu, u għala?

17 Aħna nistgħu nirbħu l-​ġlieda kontra l-​għira! Erġaʼ aħseb fuq l-​eżempju taʼ ħut Ġużeppi. Snin wara li trattaw ħażin lil Ġużeppi, huma ltaqgħu miegħu fl-​Eġittu. Imma qabel ma qalilhom min kien, Ġużeppi ttestja lil ħutu biex isir jaf jekk inbiddlux. Hu stidinhom biex jieklu miegħu u lil Benjamin, l-​iżgħar fost ħutu, tah ħafna iktar ikel mill-​oħrajn. (Ġen. 43:33, 34) Madankollu, m’hemm xejn juri li ħutu bdew jgħiru għal Benjamin. Anzi, huma wrew li kien jimpurtahom b’mod ġenwin minn ħuhom u missierhom, Ġakobb. (Ġen. 44:30-​34) Peress li ħut Ġużeppi ma baqgħux jgħiru, huma setgħu jerġgħu jġibu l-​paċi fil-​familja. (Ġen. 45:4, 15) B’mod simili, jekk naqilgħu s-​sentimenti t’għira mill-​għeruq, aħna se ngħinu biex il-​familja u l-​kongregazzjoni tagħna jibqgħu fil-​paċi.

18. Skont Ġakbu 3:17, 18, x’jiġri jekk nagħmlu l-​almu tagħna biex ninkuraġġixxu l-​paċi?

18 Ġeħova jrid li niġġieldu l-​għira u ninkuraġġixxu l-​paċi. Hemm bżonn li naħdmu iebes biex nagħmlu dawn iż-​żewġ affarijiet. Bħalma ddiskutejna f’dan l-​artiklu, għandna t-​tendenza li ngħiru. (Ġak. 4:5) U aħna qed ngħixu f’dinja li tinkuraġġixxi l-​għira. Imma jekk niżviluppaw l-​umiltà, se napprezzaw dak li għandna u mhux se ngħiru. Minflok, se ninkuraġġixxu l-​paċi biex inkunu nistgħu niżviluppaw kwalitajiet tajbin.—Aqra Ġakbu 3:17, 18.

INT KIF TWIEĠEB?

  • L-​ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna niġġieldu l-​għira?

  • Li nkunu umli u kuntenti b’li għandna, kif jgħinna niġġieldu l-​għira?

  • Li jkollna l-​attitudni t-​tajba, kif tgħin lil oħrajn jiġġieldu l-​għira?

GĦANJA 130 Aħfer

a L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tħobb il-​paċi. Imma din il-​paċi tistaʼ tiddgħajjef jekk inħallu l-​għira tikber. F’dan l-​artiklu, se naraw x’jistaʼ jwassal għall-​għira. Apparti minn hekk, se niddiskutu kif nistgħu niġġieldu din il-​kwalità ħażina u kif nistgħu ninkuraġġixxu l-​paċi.

b ESPRESSJONI SPJEGATA: It-​tip taʼ għira, kultant tradotta invidja, li qed niddiskutu, hi l-​għira li lin-​nies iġġegħelhom jobogħdu lil oħrajn. Skont il-​Bibbja, persuna li tgħir mhux biss tkun trid xi ħaġa taʼ ħaddieħor imma anki tittama li dak li jkun jitlef dak li għandu.

c X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Waqt laqgħa tal-​ġemgħa tal-​anzjani, anzjan imdaħħal fiż-​żmien li jikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa fil-​kongregazzjoni hu mitlub biex iħarreġ anzjan żagħżugħ biex jieħu ħsieb dan il-​privileġġ. Għalkemm il-​ħu mdaħħal fi żmien għall-​ewwel ħassu mdejjaq għax ħa jċedi l-​inkarigu li jħobb, hu minn qalbu lest li jikkopera mal-​anzjani u jagħti pariri prattiċi u tifħir mill-​qalb lill-​ħu iżgħar.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja