LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w24 Ottubru pp. 2-5
  • 1924​—⁠Mitt Sena Ilu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • 1924​—⁠Mitt Sena Ilu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • BNEW STAZZJON TAR-RADJU
  • BIL-KURAĠĠ KIXFU L-MEXXEJJA RELIĠJUŻI
  • JIPPRITKAW BIL-KURAĠĠ F’PAJJIŻI OĦRA
  • IĦARSU ’L QUDDIEM GĦALL-FUTUR
  • 1922—Mitt Sena Ilu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • 1919—Mitt sena ilu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Metodi taʼ ppritkar—Jintuża kull mezz biex jintlaħqu n-nies
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Il-Konvenzjoni għal Dawk li M’għandhomx Aċċess għall-Internet
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
w24 Ottubru pp. 2-5

1924​—⁠Mitt Sena Ilu

IR-RIVISTA Bullettina taʼ Jannar 1924 qalet, “Ikun tajjeb li fil-bidu tas-sena kull Kristjan mgħammed . . . jara x’jistaʼ jagħmel iktar biex jaqdi lil Ġeħova.” F’dik is-sena l-Istudenti tal-Bibbja obdew dak il-parir billi ppritkaw bil-kuraġġ u b’modi ġodda.

BNEW STAZZJON TAR-RADJU

L-aħwa f’Betel damu iktar minn sena biex jibnu l-istazzjon tar-radju WBBR fi Staten Island, New York. L-ewwel qatgħu s-siġar, imbagħad bnew dar kbira għall-aħwa li kienu se jkunu qed jaħdmu hemmhekk. Bnew ukoll binja oħra li kienet se tkun għall-istazzjon tar-radju. Meta lestew, l-aħwa bdew jarmaw l-apparat biex jibdew jużaw l-istazzjon tar-radju. Imma nqalgħulhom xi problemi.

L-aħwa sabuha diffiċli biex jarmaw l-antenna. Din kienet għolja 91 metru u kellhom jorbtuha bejn żewġ arbli taʼ 61 metru. L-ewwel darba li pruvaw ma rnexxilhomx, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova fl-aħħar irnexxielhom. Calvin Prosser, li ħadem fuq il-proġett qal, “Li kieku rnexxielna mill-ewwel konna naħsbu li rnexxielna bis-saħħa tagħna.” Minflok l-aħwa kienu jafu li Ġeħova kien qed jgħinhom. Imma kellhom problema oħra.

Itellgħu wieħed mill-arbli biex iżommu l-antenna tad-WBBR

L-istazzjonijiet tar-radju kienu għadhom xi ħaġa ġdida, allura kien diffiċli biex issib tixtri l-apparat. Imma l-aħwa rnexxielhom isibu xi apparat li bena xi ħadd fil-viċin, u xtrawh mingħandu. U minflok xtraw microphone, użaw wieħed tat-telefown. Lejl minnhom fi Frar, l-aħwa riedu jipprovaw dan l-apparat sempliċi. Allura ddeċidew li jkantaw l-għanjiet tas-Saltna. Wieħed minnhom, Ernest Lowe, jiftakar xi ħaġa tad-daħq li ġratilhom dakinhar. Waqt li kienu qed ikantaw, ċemplilhom l-Imħallef Rutherford.b Hu kien semagħhom fuq ir-radju tiegħu minn Betel fi Brooklyn xi 25 kilometru ’l bogħod.

Ħuna Rutherford qalilhom, “Ieqfu werżqu!” L-aħwa bdew jistħu u waqqfu l-programm. Imma almenu kienu jafu li l-apparat kien qed jaħdem sew.

Fl-24 taʼ Frar 1924, xandru l-ewwel programm. Ħuna Rutherford qal li l-istazzjon tar-radju kien se jintuża biex jagħmlu x-xogħol tas-Saltna li qalilhom biex jagħmlu Ġesù. Hu qal li l-iskop kien “biex jgħinu lin-nies kollha jifhmu l-Bibbja u ż-żmien importanti li kienu qegħdin jgħixu fih.”

Xellug: Ħuna Rutherford fl-ewwel stazzjon tar-radju

Lemin: L-apparat li użaw fl-istazzjon tar-radju

L-ewwel programm kellu riżultati tajbin ħafna. Fil-fatt in-nies taʼ Ġeħova damu jużaw dan l-istazzjon tar-radju għal 33 sena.

BIL-KURAĠĠ KIXFU L-MEXXEJJA RELIĠJUŻI

F’Lulju tal-1924, l-istudenti tal-Bibbja kellhom konvenzjoni fʼColumbus, Ohio. Għall-konvenzjoni marru aħwa minn madwar id-dinja kollha, u kien hemm taħditiet bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Litwan, bil-Pollakk, bir-Russu, bil-lingwi tal-Iskandinavja, u bl-Ukren. In-nies setgħu jisimgħu ftit mit-taħditiet minn fuq ir-radju, u l-aħwa rranġaw biex il-gazzetta Ohio State Journal kuljum tikteb xi artikli dwar il-konvenzjoni.

Il-konvenzjoni tal-1924 f’Columbus, Ohio

Il-Ħamis, 24 taʼ Lulju, iżjed minn 5,000 ħu u oħt ħarġu jippritkaw fil-belt fejn kienet qed issir il-konvenzjoni. Huma ħallew kważi 30,000 ktieb u bdew eluf taʼ studji tal-Bibbja. It-Torri tal-Għassa qal li “din il-ġurnata kienet l-isbaħ parti tal-konvenzjoni.”

Il-Ġimgħa, 25 taʼ Lulju, waqt taħdita, Ħuna Rutherford b’kuraġġ qara dokument li tkellem kontra l-mexxejja reliġjużi, il-politikanti u n-negozjanti. Hu qal li huma kienu qed iwaqqfu lin-nies milli jitgħallmu l-verità dwar is-Saltna li Alla kien se juża biex jagħtihom il-ħajja. Hu qal ukoll li huma kienu qegħdin jagħmlu ħażin għax kienu qed jissapportjaw il-Lega tan-Nazzjonijiet u jgħidu li Alla qed jużaha biex imexxi fuq l-art. L-Istudenti tal-Bibbja kien se jkollhom bżonn il-kuraġġ biex jgħidu dan il-messaġġ lin-nies.

Iktar tard, artiklu f’​It-Torri tal-Għassa qal li “l-konvenzjoni f’Columbus saħħet il-fidi tal-aħwa u tathom il-kuraġġ biex jippritkaw.” Leo Claus, li kien il-konvenzjoni qal: “Wara l-assemblea kulħadd kien eċċitat biex jipprietka.”

Kopja tal-fuljett bil-messaġġ kontra l-mexxejja reliġjużi

F’Ottubru, l-Istudenti tal-Bibbja bdew iqassmu fuljett li kien fih il-messaġġ li qal Ħuna Rutherford. Frank Johnson kien qed jipprietka f’raħal żgħir f’Oklahoma, l-Istati Uniti. Meta lesta t-territorju, hu kellu jistenna sakemm jiġu għalih l-aħwa. Imma hu ma setax jistenniehom fejn setgħu jarawh in-nies għax xi rġiel mir-raħal kienu rrabjati għalih. Allura Ħuna Johnson iddeċieda li jistaħba fi knisja. Peress li ma kien hemm ħadd fiha, hu ħalla malajr xi fuljetti fil-Bibbja tal-qassis u fuq kull siġġu. Peress li kien għad kellu l-ħin iddeċieda li jagħmel l-istess f’żewġ knejjes oħra.

Frank reġaʼ mar fejn kellu jiltaqaʼ mal-aħwa. Hu staħba wara pompa tal-petrol u qagħad attent għall-irġiel li kienu qed jiġru warajh. L-irġiel għaddew minn ħdejh bil-karozza imma ma rawhx. Xħin telqu, l-aħwa li kienu qed jippritkaw fil-viċin għaddew għalih u telqu.

Wieħed mill-aħwa qal: “Xħin konna ħerġin mir-raħal għaddejna minn quddiem it-tliet knejjes. Quddiem kull waħda kien hemm xi 50 persuna. Xi wħud minnhom kienu qed jaqraw il-fuljett u oħrajn kienu qed juruh lill-qassis. Imnalla konna tlaqna għax konna nidħlu fil-problemi! Aħna rringrazzjajna lil Ġeħova talli għenna naraw x’nistgħu nagħmlu biex nippritkaw u ma nidħlux fl-inkwiet.”

JIPPRITKAW BIL-KURAĠĠ F’PAJJIŻI OĦRA

Józef Krett

L-Istudenti tal-Bibbja ppritkaw ukoll bil-kuraġġ f’pajjiżi oħra. Fin-naħa taʼ fuq taʼ Franza, Józef Krett ipprietka lill-ħaddiema tal-minjieri li kienu ġew mill-Polonja. Hu kien se jagħti taħdita jisimha “Dalwaqt Jirxoxtaw il-Mejtin.” Meta l-aħwa bdew jistiednu lin-nies, il-qassis qalilhom biex ma jmorrux. Imma bil-kontra ġara, għax għat-taħdita marru iktar minn 5,000 persuna inkluż il-qassis! Ħuna Krett qal lill-qassis biex jitkellem dwar dak li jemmen hu, imma l-qassis ma riedx. Wara t-taħdita Ħuna Krett ta lin-nies il-letteratura kollha li kellu għax induna li riedu jkunu jafu iżjed dwar il-Bibbja.—Għam. 8:11.

Claude Brown

Ħuna Claude Brown mar l-Afrika, fil-pajjiż li llum nafuh bħala l-Ghana, biex jipprietka l-aħbar tajba. Ħafna nies saru jafu bil-verità għax ta ħafna taħditiet u qassam ħafna letteratura. John Blankson, li kien qed jistudja biex isir spiżjar, mar għal waħda mit-taħditiet taʼ Ħuna Brown. Mill-ewwel induna li sab il-verità u qal: “Il-verità għamlitni ferħan, u kont nitkellem dwarha maʼ ħafna nies fl-iskola fejn kont nistudja.”

John Blankson

John tgħallem li l-Bibbja ma tgħidx li Alla hu Trinità, allura mar fi knisja biex jistaqsi lill-qassis dwarha. Il-qassis beda jgħajjat miegħu, u qallu: “Int mhux Kristjan imma tax-Xitan. Itlaq ’il barra!”

Meta wasal id-dar, John kiteb ittra lill-qassis u qallu biex jiltaqgħu ħalli jitkellmu fuq it-Trinità. Il-qassis qallu biex jiltaqgħu fl-uffiċċju tas-surmast fl-iskola. Xħin kienu hemm is-surmast staqsieh jekk vera kienx kiteb ittra lill-qassis.

John qallu: “Iva, Sir.”

Is-surmast qal lil John biex jikteb lill-qassis u jgħidlu li jiddispjaċih għal dak li qallu. Allura John kiteb:

“Sinjur, is-surmast qalli biex ngħidlek li jiddispjaċini għal dak li għedt, imma jien se nagħmel hekk jekk int tammetti li tgħallem affarijiet ħżiena.”

Is-surmast ma riedx jemmen u qal, “Blankson, żgur hekk trid tikteb?”

“Iva, Sir. Qed inkun onest.”

“Ma tistax tibqaʼ f’din l-iskola jekk tkompli titkellem kontra qassis taʼ reliġjon li jissapportja l-gvern.”

“Imma Sir, meta tkun qed tgħallimna u aħna ma nifhmux xi ħaġa nsaqsuk il-mistoqsijiet, mhux hekk?”

“Iva, hekk tagħmlu.”

“L-istess ġrali mal-qassis. Hu kien qed jgħallem il-Bibbja, u staqsejtu mistoqsija. Jekk hu ma jafx iwieġeb il-mistoqsija, għala għandu jiddispjaċini li staqsejtu?”

Blankson setaʼ jibqaʼ l-iskola, u ma kellux għalfejn jibgħat lill-qassis u jgħidlu li jiddispjaċih.

IĦARSU ’L QUDDIEM GĦALL-FUTUR

It-Torri tal-Għassa dwar dik is-sena qal: “Bħal David aħna nistgħu ngħidu, ‘Int se tagħtini s-saħħa għall-battalja.’ (Slm. 18:39) Din is-sena kienet inkuraġġanti ħafna għax rajna kif Ġeħova għenna fix-xogħol tiegħu. Il-qaddejja leali tiegħu ppritkaw l-aħbar tajba bil-ferħ.”

Iktar tard dik is-sena, l-aħwa ppjanaw biex ikollhom stazzjon tar-radju ieħor viċin Chicago. L-istazzjon il-ġdid kien jismu WORD (KELMA) għax minnu kienu se jippritkaw il-Kelma t’Alla. Did-darba kellhom apparat iktar b’saħħtu, allura nies li kienu jgħixu ’l bogħod ħafna, bħall-Kanada, setgħu jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna.

Is-sena taʼ wara Ġeħova għen lill-aħwa jifhmu iżjed Rivelazzjoni kapitlu 12. Minħabba f’hekk xi aħwa ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. Imma ħafna oħrajn kienu ferħanin li qed jifhmu iżjed x’ġara fis-sema u kif dan effettwa n-nies t’Alla fuq l-art.

a Illum dan hu l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna.

b J. F. Rutherford, li kien jieħu ħsieb ix-xogħol tal-Istudenti tal-Bibbja dak iż-żmien, kienu jgħidulu l-Imħallef Rutherford. Dan għax qabel beda jaqdi f’Betel kultant kien jaħdem bħala mħallef speċjali f’Missouri, l-Istati Uniti.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja