ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 42
GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet
Uri li Tapprezza l-Irġiel li Qed Jużaw Ġeħova u Ġesù
“Meta telaʼ fl-għoli, ħa rġiel . . . , u tahom bħala rigali.” —EFES. 4:8.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif jgħinuna l-qaddejja ministerjali, l-anzjani, u l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, u kif aħna nistgħu nuru li napprezzaw ix-xogħol tagħhom.
1. X’inhuma xi affarijiet li Ġesù għamel għalina?
ĠESÙ kien l-iktar bniedem ġeneruż li qatt għex. Meta kien fid-dinja, għen ħafna nies bil-mirakli tiegħu. (Luqa 9:12-17) U l-ikbar rigal li ta kien li miet għalina. (Ġw. 15:13) Ġesù wiegħed li wara li jirxoxta se jibqaʼ jgħinna. Hu jitlob lil Ġeħova biex itina l-ispirtu tiegħu ħalli jgħinna u jgħallimna. (Ġw. 14:16, 17, ntt.; 16:13) U permezz tal-laqgħat, hu qed itina li għandna bżonn biex inkunu nistgħu ngħallmu lin-nies dwar il-Bibbja u nagħmlu dixxipli.—Mat. 28:18-20.
2. Min huma “r-rigali” li jsemmi Efesin 4:7, 8?
2 Aħseb dwar rigal ieħor li tana Ġesù. Pawlu qal li wara li Ġesù telaʼ fis-sema ħa rġiel “u tahom bħala rigali.” (Aqra Efesin 4:7, 8.) Pawlu spjega li Ġesù ta dawn l-irġiel biex jgħinu lill-kongregazzjoni. (Efes. 1:22, 23; 4:11-13) Illum, dawn l-irġiel jinkludu l-qaddejja ministerjali, l-anzjani, u l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.a Imma dawn l-irġiel xorta huma imperfetti, u allura jiżbaljaw. (Ġak. 3:2) Però Ġesù jużahom biex jgħinna għax huma rigal mingħandu.
3. Agħti eżempju li juri kif nistgħu ngħinu lill-irġiel li qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni.
3 Ġesù ta lil dawn l-irġiel ix-xogħol li jsaħħu lill-kongregazzjoni. (Efes. 4:12) Imma kollha kemm aħna nistgħu ngħinuhom fix-xogħol importanti li għandhom. Dan nistgħu nqabbluh maʼ meta tkun qed tinbena Sala tas-Saltna. Ikun hemm aħwa li qegħdin jagħmlu x-xogħol tal-bini. Oħrajn jgħinuhom billi jippreparawlhom l-ikel, iġibulhom il-materjal tal-bini, u jagħmlu affarijiet oħra. B’mod simili, b’dak li ngħidu u nagħmlu, kollha kemm aħna nistgħu ngħinu lill-anzjani, lill-qaddejja ministerjali, u lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Issa se naraw kif ingawdu mix-xogħol iebes tagħhom u kif nistgħu nuru li napprezzaw.
IL-QADDEJJA MINISTERJALI KIF “JGĦINU”?
4. Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, x’kien xi xogħol importanti li l-qaddejja ministerjali għamlu?
4 Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, xi aħwa rġiel ġew maħturin bħala qaddejja ministerjali. (1 Tim. 3:8) Milli jidher, dawn kienu l-uħud li għenu lill-appostlu Pawlu u li semmiehom fl-Ewwel Korintin. (1 Kor. 12:28) Minħabba li l-qaddejja ministerjali ħadu ħsieb xogħol importanti, l-anzjani setgħu jieħdu ħsieb li jgħallmu lill-kongregazzjoni u jieħdu ħsieb lill-aħwa sew. Liema xogħol kienu jagħmlu l-qaddejja ministerjali? Xi xogħol setaʼ kien li jikkuppjaw l-Iskrittura jew jixtru l-materjal biex jagħmlu kopji tal-Iskrittura.
5. Illum il-qaddejja ministerjali liema xogħol importanti jagħmlu?
5 Aħseb dwar xi xogħol importanti li jagħmlu l-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni tiegħek. (1 Pt. 4:10) Huma jistgħu jieħdu ħsieb l-accounts, is-sound, it-territorju, jordnaw il-letteratura, joqogħdu attendants, u jieħdu ħsieb il-bini tas-Sala tas-Saltna. Dawn kollha huma affarijiet importanti biex l-aħwa jkunu jistgħu jgawdu l-laqgħat u s-service jkun organizzat. (1 Kor. 14:40) Barra minn hekk, xi qaddejja ministerjali jagħtu taħditiet waqt il-laqgħat taʼ fost il-ġimgħa u taħditiet pubbliċi. Oħrajn jistgħu jgħinu bħala assistenti għall-anzjani li jieħdu ħsieb il-gruppi. U xi drabi, anzjan jistaʼ jistaqsi lil qaddej ministerjali kwalifikat biex imur miegħu ħalli jinkuraġġixxi lill-aħwa.
6. X’inhuma xi raġunijiet għala napprezzaw il-qaddejja ministerjali?
6 Xi aħwa x’qalu dwar ix-xogħol tal-qaddejja ministerjali? Beberly,b oħt mill-Bolivja, tgħid: “Jien nieħu pjaċir ħafna fil-laqgħat minħabba x-xogħol tal-qaddejja ministerjali. Minħabba dak li jagħmlu jien nistaʼ nkanta, nikkummenta, nismaʼ t-taħditiet, u nitgħallem mill-vidjows u l-istampi. Huma jieħdu ħsieb li dawk fil-laqgħa jkunu safe, u li dawk imqabbdin bil-videoconference jisimgħu sew. Wara l-laqgħa, huma jkunu minn taʼ quddiem fit-tindif tas-Sala, jgħinu fl-accounts, u jagħmlu ċert li għandna l-letteratura. Jien vera napprezzahom!” Leslie, oħt mill-Kolombja, li għandha r-raġel jaqdi bħala anzjan, tgħid: “Ir-raġel tiegħi għandu bżonn l-għajnuna tal-qaddejja ministerjali. Mingħajrhom ikollu ħafna iktar xogħol x’jagħmel. Allura, vera napprezza dak li jagħmlu.” Int kif tħossok dwar ix-xogħol tal-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni tiegħek? Żgur tapprezzah ħafna.—1 Tim. 3:13.
7. Kif nistgħu nuru li napprezzaw lill-qaddejja ministerjali? (Ara l-istampa.)
7 Mhuwiex biżżejjed li napprezzaw il-qaddejja ministerjali. Il-Bibbja turina li rridu ‘nuru li napprezzaw.’ (Kol. 3:15) Krzysztof, anzjan fil-Finlandja, juri li japprezza x-xogħol taʼ qaddej ministerjali billi jibgħat xi kard jew messaġġ u fih jikteb xi vers. Jikteb ukoll b’mod speċifiku għala inkuraġġieh b’dak li jagħmel u għala japprezza x-xogħol tiegħu. Pascal u Jael, minn New Caledonia, jitolbu b’mod speċifiku għall-qaddejja ministerjali. Pascal jgħid, “Dan l-aħħar tlabna ħafna għall-qaddejja ministerjali u tlabna biex Ġeħova jgħinhom.” Ġeħova jismaʼ talb bħal dan, u allura l-kongregazzjoni kollha tmur sew.—2 Kor. 1:11.
L-ANZJANI KIF “JAĦDMU IEBES”?
8. Pawlu għala kiteb li l-anzjani fi żmien il-Kristjani tal-bidu kienu “jaħdmu iebes”? (1 Tessalonikin 5:12, 13)
8 L-anzjani fi żmien il-Kristjani tal-bidu kienu jaħdmu iebes għall-kongregazzjoni. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:12, 13; 1 Tim. 5:17) Huma kienu jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni billi jmexxu l-laqgħat u jieħdu deċiżjonijiet. U kienu ‘jagħtu pariri’ lill-aħwa biex jibqgħu leali. (1 Tes. 2:11, 12; 2 Tim. 4:2) Barra minn hekk, dawn l-anzjani kellhom jaħdmu iebes biex jipprovdu għall-familji tagħhom u biex iżommu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova b’saħħitha.—1 Tim. 3:2, 4; Titu 1:6-9.
9. X’inhu xi xogħol li jagħmlu l-anzjani llum?
9 L-anzjani għandhom ħafna x’jagħmlu. Huma jkunu minn taʼ quddiem biex jippritkaw l-aħbar tajba. (2 Tim. 4:5) Jorganizzaw is-service u jittrennjaw lil oħrajn biex jagħmlu dan ix-xogħol sew. Huma jaqdu wkoll bħala mħallfin. Meta xi ħadd jagħmel xi dnub serju, jippruvaw jgħinuh biex jirranġa l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Imma fl-istess ħin jaħdmu iebes biex iżommu l-kongregazzjoni nadifa. (1 Kor. 5:12, 13; Gal. 6:1) Imma l-iktar xogħol importanti li għandhom, hu taʼ ragħajja. (1 Pt. 5:1-3) Huma jagħtu taħditiet preparati sew, jagħmlu kulma jistgħu biex isiru jafu lill-aħwa kollha fil-kongregazzjoni, u jinkuraġġuhom. Xi anzjani jaħdmu fi proġetti taʼ kostruzzjoni għall-organizzazzjoni, fl-organizzar tal-konvenzjoni, u fl-HLC (Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet), kif ukoll fi Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti, u ħafna xogħol ieħor. L-anzjani jaħdmu iebes ħafna għalina!
10. Għala għandna napprezzaw l-anzjani?
10 Ġeħova qal li l-anzjani se jieħdu ħsiebna u minħabba f’hekk ‘ma nibżgħux.’ (Ġer. 23:4) Johanna, oħt mill-Finlandja, rat kif dan ġara meta ommha kellha marda serja. Hi tgħid: “Ma nsibhiex faċli biex nitkellem dwar x’inhu jinkwetani. Imma anzjan li ma kontx nafu sew kien paċenzjuż miegħi meta kont inkellmu. Hu kien jitlob miegħi u fakkarni li Ġeħova jħobbni ħafna. Ma niftakarx x’kien qal eżatt, imma niftakar li wara ma bqajtx inħossni inkwetata. Jien nemmen li Ġeħova bagħtu fil-ħin eżatt biex jgħinni.” L-anzjani fil-kongregazzjoni tiegħek kif għenuk?
11. Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-anzjani? (Ara l-istampa.)
11 Ġeħova jridna nuru li vera napprezzaw lill-anzjani “għax-xogħol li jagħmlu.” (1 Tes. 5:12, 13) Henrietta, oħt mill-Finlandja, qalet: “L-anzjani jgħinu minn qalbhom lil oħrajn, imma dawn m’għandhomx iżjed enerġija minna u huma wkoll ikollhom il-problemi. Ġieli ngħidilhom, ‘Nixtieq ngħidlek li int vera anzjan tajjeb.’” Sera, oħt mit-Turkija, qalet: “L-anzjani għandhom bżonn l-inkuraġġiment biex jibqgħu jaħdmu. Allura nistgħu niktbulhom kard, nistidnuhom għall-ikel, jew naħdmu service magħhom.” Hemm xi anzjan fil-kongregazzjoni tiegħek li vera tapprezza x-xogħol li jagħmel? Urih li tapprezza x-xogħol tiegħu.—1 Kor. 16:18.
Int tistaʼ tinkuraġġixxi lill-qaddejja ministerjali, l-anzjani, u l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet biex jibqgħu jaħdmu għal Ġeħova (Ara paragrafi 7, 11, 15)
IX-XOGĦOL LI JAGĦMLU L-INDOKRATURI LI JŻURU L-KONGREGAZZJONIJIET
12. Ġesù lil min ta iktar biex isaħħaħ u jinkuraġġixxi lill-kongregazzjonijiet? (1 Tessalonikin 2:7, 8)
12 Ġesù Kristu ta rġiel oħra biex jgħinu lill-kongregazzjoni b’mod ieħor. Hu dderieġa lill-anzjani f’Ġerusalemm biex jibagħtu lil Pawlu, Barnaba, u oħrajn ħalli jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. (Atti 11:22) Għala? Biex eżatt bħall-qaddejja ministerjali u l-anzjani, isaħħu u jinkuraġġixxu lill-kongregazzjonijiet. (Atti 15:40, 41) Dawn l-irġiel għamlu sagrifiċċji kbar biex jagħmlu dan ix-xogħol u xi drabi rriskjaw li jmutu biex jinkuraġġixxu lill-aħwa.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 8.
13. X’inhuma xi xogħlijiet li jagħmel l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet?
13 L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet jivvjaġġaw ħafna, ġieli mijiet taʼ kilometri biex iżuru l-kongregazzjonijiet. Kull ġimgħa jagħtu taħditiet differenti, jinkuraġġixxu lill-aħwa, jagħmlu l-laqgħat mal-pijunieri u l-anzjani, u jieħdu ħsieb il-gruppi tas-service. Huma jippreparaw it-taħditiet u jorganizzaw l-assembleat tas-circuit u l-konvenzjonijiet. Huma jgħallmu waqt l-iskola tal-pijunieri u jorganizzaw laqgħat speċjali mal-pijunieri kollha fis-circuit. U apparti dan kollu, ġieli jkollhom jieħdu ħsieb xogħol speċjali li jtihom l-uffiċċju tal-fergħa.
14. X’inhuma xi raġunijiet għala napprezzaw lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet?
14 Il-kongregazzjonijiet kif jibbenefikaw mix-xogħol tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet? Ħu mit-Turkija qal: “Kull żjara li jkollna timmotivani biex inqattaʼ iktar ħin mal-aħwa u ngħinhom. Sirt naf ħafna indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, imma qatt ma ħassejt li m’għandhomx ħin għalija.” Johanna, li semmejna qabel, ħadmet fuq is-service maʼ indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet imma ma sabu lil ħadd id-dar. Imma hi qalet: “Qatt mhu se ninsa dik il-ġurnata. Ħuti kienu għadhom kif siefru għalkollox u kont nimmissjahom. Imma l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet inkuraġġieni u fakkarni li bħalissa forsi mhux possibbli li ngħixu viċin tal-familja u l-ħbieb, imma fid-dinja l-ġdida se jkollna ħafna ħin xi nqattgħu magħhom.” Ħafna minna wkoll napprezzaw kif l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet għenuna.—Atti 20:37, 38; 21:1.
15. (a) Skont it-3 Ġwanni 5-8, kif nistgħu nuru li napprezzaw lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet? (Ara l-istampa.) (b) Għala għandna napprezzaw lin-nisa taʼ dawk li qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni, u kif nistgħu nagħmlu dan? (Ara l-kaxxa “Ftakar fin-Nisa Tagħhom.”)
15 L-appostlu Ġwanni inkuraġġixxa lil Gajju biex juri ospitalità maʼ dawk li jżuru l-kongregazzjonijiet u biex ‘jibgħathom fi triqithom kif inhu xieraq f’għajnejn Alla.’ (Aqra t-3 Ġwanni 5-8.) Mod kif nistgħu nimxu fuq dan il-parir hu billi nistiednu lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għall-ikel. Nistgħu wkoll immorru għall-gruppi tas-service li jagħmel hu. Leslie, li semmejna qabel, tapprezza b’modi oħra. Hi tgħid: “Jien nitlob lil Ġeħova biex itihom dak li jkollhom bżonn. Jien u r-raġel tiegħi ktibnielhom ittri u għednielhom kemm iż-żjara tagħhom għenitna.” Ftakar li eżatt bħalna, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet ukoll ikollhom il-problemi u jegħjew. Ġieli jimirdu, jinkwetaw fuq xi affarijiet, jew iħossuhom skuraġġiti. Forsi jekk tgħidilhom xi ħaġa inkuraġġanti jew tagħtihom xi rigal żgħir, tkun it-tweġiba għat-talb tagħhom!—Prov. 12:25.
GĦANDNA BŻONN IRĠIEL BĦAL DAWN
16. Skont Proverbji 3:27, l-aħwa rġiel x’jistgħu jsaqsu lilhom infushom?
16 L-organizzazzjoni għandha bżonn iktar irġiel biex jieħdu ħsieb ix-xogħol li qed isir. Jekk int ħu mgħammed, ‘tistaʼ tgħin?’ (Aqra Proverbji 3:27.) Tixtieq tilħaq il-mira li ssir qaddej ministerjali? Jekk int qaddej ministerjali, tistaʼ tilħaq il-mira li tgħin iżjed lill-aħwa bħala anzjan?c Tistaʼ tagħmel bidliet fil-ħajja tiegħek biex tkun tistaʼ tapplika għall-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna? Din l-iskola se tittrennjak biex Ġesù jkun jistaʼ jużak iktar fl-organizzazzjoni. Jekk tħoss li m’intix kapaċi tilħaq dawn il-miri, itlob lil Ġeħova u staqsih għall-ispirtu ħalli jgħinek tagħmel kull xogħol li jtik.—Luqa 11:13; Atti 20:28.
17. L-irġiel maħturin x’juru dwar ir-Re tagħna, Kristu Ġesù?
17 Aħna għandna prova li Ġesù qed imexxina minħabba x-xogħol iebes li qed jagħmlu l-irġiel maħturin. (Mat. 28:20) Inti tapprezza li għandna Re li jħobbna u li jtina kulma għandna bżonn permezz taʼ dawn l-aħwa? Mela fittex opportunitajiet biex turi li tapprezza x-xogħol taʼ dawn l-aħwa. U tinsiex tirringrazzja lil Ġeħova għalihom għax hu l-wieħed li jagħtina “kull ħaġa tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:17.
GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa
a Anzjani li jaqdu fil-Ġemgħa li Tiggverna, l-ajjutanti tagħhom, membri tal-Kumitati tal-Fergħa, u li jaqdu b’modi oħra wkoll huma “rġiel bħala rigali.”
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
c Biex issir taf kif tistaʼ tikkwalifika ħalli ssir qaddej ministerjali jew anzjan, ara l-artikli “Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Qaddejja Ministerjali?” u “Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Anzjani?” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Novembru 2024.