In-nies ma jistgħux iwaqqfu l-gwerer
Kif Se Jispiċċaw il-Gwerer
Il-Bibbja turina li Alla se “jwaqqaf il-gwerer tad-dinja kollha” u mhux in-nies.—Salm 46:9.
ALLA SE JEQRED IL-GVERNIJIET TAL-ART
Alla se jeqred il-gvernijiet fil-gwerra li l-Bibbja ssejħilha Armageddon.a (Rivelazzjoni 16:16) Dakinhar, “ir-rejiet kollha tal-art” se jinġabru flimkien “għall-gwerra tal-jum il-kbir tal-Alla li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 16:14) Armageddon se tkun l-aħħar gwerra li se jkun hawn fuq l-art.
Alla se jbiddel il-gvernijiet tal-art maʼ gvern li se jmexxi mis-sema u li qatt mhu se jinqered. (Danjel 2:44) Alla għażel lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun ir-Re. (Isaija 9:6, 7; Mattew 28:18) Dan il-gvern hu s-Saltnab li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu għaliha. (Mattew 6:9, 10) In-nies tad-dinja kollha se jkunu magħqudin taħt gvern wieħed u Ġesù se jkun il-Mexxej tagħhom.
Ġesù mhux se juża l-awtorità tiegħu għal dak li jkun jaqbel lilu bħalma jagħmlu l-mexxejja tal-lum. Minħabba li ma jurix preferenzi, ħadd mhu se jkollu għalfejn jinkwieta li se jiġi ttrattat b’mod inġust minħabba n-nazzjonalità jew il-kultura. (Isaija 11:3, 4) In-nies mhux se jkollhom għalfejn jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Għala? Għax Ġesù se juri interess personali f’kulħadd. “Hu se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u anki lill-batut u lil min m’għandux min jgħinu. . . . Se jeħlishom mill-moħqrija u mill-vjolenza.”—Salm 72:12-14.
Is-Saltna t’Alla se teqred kull tip taʼ arma. (Mikea 4:3) Se tneħħi wkoll lin-nies ħżiena li ma jridux jieqfu jiġġieldu u li jweġġgħu lil oħrajn. (Salm 37:9, 10) Kull raġel, mara, tifel u tifla, se jħossuhom safe kull fejn ikunu fid-dinja.—Eżekjel 34:28.
Meta l-gvern t’Alla se jmexxi fuq l-art, in-nies se jkollhom l-aqwa ħajja possibbli. Dan se jneħħi għalkollox il-problemi li jġiegħlu lin-nies jiġġieldu, bħall-faqar, il-ġuħ, u għax ma jkollhomx post fejn joqogħdu. Kulħadd se jkollu ikel sustanzjuż u tajjeb, u dar komda fejn jgħix.—Salm 72:16; Isaija 65:21-23.
Il-gvern t’Alla se jneħħi kull ħsara li ġabu l-gwerer. Dan jinkludi wġigħ fiżiku u emozzjonali, u problemi mentali li n-nies jibqgħu jbatu bihom wara. Anki dawk li mietu se jiġu rxoxtati u jerġgħu jgħixu hawn fuq l-art. (Isaija 25:8; 26:19; 35:5, 6) Il-familji se jerġgħu jingħaqdu flimkien u mhux se jibqgħu jiftakru l-memorji koroh tal-passat għax “Alla se jneħħi l-affarijiet kollha li ġegħluna nbatu.”—Rivelazzjoni 21:4.
AllA SE JNEĦĦI D-DNUB
Meta s-Saltna t’Alla se tkun qed tmexxi għal fuq l-art, in-nies kollha se jqimu l-uniku Alla veru, Ġeħovac, “l-Alla li jħobb u jagħti l-paċi.” (2 Korintin 13:11) In-nies se jitgħallmu jgħixu flimkien fil-paċi. (Isaija 2:3, 4; 11:9) Dawk li jobdu lil Alla mhux se jibqgħu jagħmlu dnubiet, imma se jsiru perfetti.—Rumani 8:20, 21.
AllA SE JEQRED LIL-SATANA U D-DEMONJI TIEGĦU
Is-Saltna t’Alla se teqred lil dawk li jinfluwenzaw lin-nies biex jaqilgħu l-gwerer, li huma Satana u d-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 20:1-3, 10) Mingħajr l-influwenza ħażina tagħhom, “il-paċi se tibqaʼ tiżdied.”—Salm 72:7.
Tistaʼ tkun ċert li l-wegħda t’Alla li jwaqqaf il-gwerer se tiġri żgur. Hu għandu l-abbiltà u x-xewqa li jwaqqafhom.
Alla għandu l-għerf u l-qawwa biex iwaqqaf il-gwerer u l-vjolenza. (Ġob 9:4) Għalih xejn mhu impossibbli.—Ġob 42:2.
Alla jobgħod jara lin-nies ibatu. (Isaija 63:9) U anki “jobgħod lil kull min iħobb il-vjolenza.”—Salm 11:5.
Alla dejjem iżomm kelmtu; hu ma jistax jigdeb.—Isaija 55:10, 11; Titu 1:2.
Fil-futur se jġib paċi li tibqaʼ għal dejjem.
Alla se jwaqqaf il-gwerer
a Aqra l-artiklu “X’inhi l-battalja t’Armageddon?” fuq jw.org.
b Ara l-vidjow X’Inhi s-Saltna t’Alla? fuq jw.org.
c Ġeħova hu l-isem t’Alla.—Salm 83:18.