ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22
GĦANJA 15 Faħħru l-Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!
Kemm Hu Importanti Isem Ġeħova għal Ġesù?
“Jien għallimthom dwar ismek u nibqaʼ nagħmel hekk.”—ĠW. 17:26.
DAK LI SE NITGĦALLMU
X’ried ifisser Ġesù meta qal lin-nies dwar isem Ġeħova, u kif qaddsu u vvindikah.
1-2. (a) Ġesù x’għamel qabel ma ġie maqtul? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
KIEN il-Ħamis, 14 taʼ Nisan tas-sena 33. Ġesù għadu kemm iċċelebra l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej mal-appostli leali tiegħu. Hu kien jaf li dalwaqt kien se jiġi tradut minn Ġuda, ittorturat, u mbagħad maqtul mill-għedewwa tiegħu. Allura wara l-ikla, hu inkuraġġixxa ħafna lill-appostli tiegħu. Meta kien sar il-ħin biex jitilqu, Ġesù qal talba importanti. L-appostlu Ġwanni kiteb din it-talba u nsibuha fi Ġwanni kapitlu 17.
2 F’dan l-artiklu se naraw xi affarijiet li nistgħu nitgħallmu mit-talba taʼ Ġesù. L-ewwel se naraw dwar xiex kien inkwetat Ġesù qabel miet. Imbagħad se naraw x’kienet l-iktar ħaġa importanti għal Ġesù meta kien fuq l-art.
“JIEN GĦALLIMTHOM DWAR ISMEK”
3. Ġesù x’qal li għamel, u x’ried ifisser? (Ġwanni 17:6, 26)
3 Fit-talba tiegħu, Ġesù qal: “Jien għallimthom dwar ismek.” Fil-fatt, dan tant kien importanti għal Ġesù li darbtejn qal dan il-kliem fit-talba tiegħu. (Aqra Ġwanni 17:6, 26.) X’ried ifisser? Kien qed ifisser li kien qed jgħallimhom x’jismu Alla? Le. Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu Lhud, allura kienu diġà jafu li isem Alla hu Ġeħova. Dan l-isem kien jidher kważi 7,000 darba fl-Iskrittura Ebrajka. Allura Ġesù ma kienx qed jgħidilhom x’jismu Alla, imma kien qed jgħallimhom x’tip taʼ Alla hu Ġeħova. Peress li Ġesù kien jaf lil Ġeħova sew, hu biss setaʼ jgħallem lid-dixxipli tiegħu iktar dwaru. Fil-fatt, hu għallimhom dwar l-iskop taʼ Ġeħova għall-art, x’għamel u x’se jagħmel, u xi kwalitajiet għandu Ġeħova.
4-5. (a) Agħti eżempju taʼ kif isem xi ħadd jistaʼ jsir iktar importanti għalik. (b) Id-dixxipli taʼ Ġesù kif saru jafu lil Ġeħova aħjar?
4 Biex inġibu eżempju, immaġina li hemm ħu fil-kongregazzjoni tiegħek jismu David, li hu anzjan u tabib. Ilek tafu snin lil David. Imma darba waħda tinqalagħlek emerġenza, jiħduk l-isptar, u dak il-ħu jkun it-tabib li jsalvalek ħajtek. Issa, meta tismaʼ l-isem taʼ dan il-ħu, mill-ewwel tiftakar x’għamel miegħek dakinhar, u b’hekk sirt tħobbu iktar. Mil-lum ’il quddiem David m’għadux biss l-anzjan fil-kongregazzjoni, imma sar ukoll it-tabib li salvalek ħajtek.
5 Bl-istess mod, id-dixxipli taʼ Ġesù kienu diġà jafu min hu Ġeħova, imma issa saru jħobbuh iktar għax Ġesù għenhom jitgħallmu iktar dwaru. Għala ngħidu dan? Għax Ġesù imita lil Missieru f’kull ħaġa li qal u għamel. Allura, meta l-appostli semgħu dak li għallem Ġesù u raw kif ittratta lil oħrajn, huma setgħu jsiru “jafu” lil Ġeħova aħjar.—Ġw. 14:9; 17:3.
“ISMEK LI TAJTNI BIEX NIRRAPPREŻENTA”
6. X’ried ifisser Ġesù meta qal “ismek li tajtni”? (Ġwanni 17:11, 12)
6 Fit-talba tiegħu, Ġesù talab għad-dixxipli tiegħu billi qal: “Ħu ħsiebhom minħabba ismek li tajtni biex nirrappreżenta.” (Aqra Ġwanni 17:11, 12.) Meta Ġesù tkellem dwar isem Ġeħova, hu qal “ismek li tajtni.” Dan ma jfissirx li Ġesù kien qed jgħid li minn dakinhar ’il quddiem ismu kien se jkun Ġeħova. Allura x’ried ifisser? L-ewwel nett, Ġesù kien jirrappreżenta lil Ġeħova u kien jitkellem f’ismu. Hu ġie fuq l-art u għamel mirakli f’isem Missieru. (Ġw. 5:43; 10:25) It-tieni, isem Ġesù jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Dan juri li l-isem taʼ Ġesù jinkludi fih l-isem taʼ Ġeħova.
7. Ġesù għala setaʼ jitkellem f’isem Ġeħova? Agħti eżempju.
7 Biex inġibu eżempju kif Ġesù setaʼ jitkellem f’isem Ġeħova, aħseb f’ambaxxatur. Ambaxxatur jirrappreżenta mexxej u jistaʼ jitkellem f’ismu. Allura, dak li jgħid ambaxxatur għandu l-istess awtorità tal-mexxej. Bl-istess mod, Ġeħova ta lil Ġesù l-awtorità li jitkellem f’ismu għax hu bagħtu biex jirrappreżentah.—Mat. 21:9; Luqa 13:35.
8. Ġesù kif aġixxa f’isem Ġeħova qabel ġie fuq l-art? (Eżodu 23:20, 21)
8 Il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-Kelma,” għax Ġeħova uża lil Ġesù biex jgħid lill-anġli u n-nies x’għandhom jagħmlu jew biex itihom informazzjoni. (Ġw. 1:1-3) Ġesù x’aktarx kien l-anġlu li Ġeħova bagħat biex jieħu ħsieb l-Iżraelin meta kienu fid-deżert. Meta qal lill-Iżraelin biex jobdu lil dan l-anġlu, Ġeħova qalilhom: “Għax hu jaġixxi f’ismi.”a (Aqra Eżodu 23:20, 21.) B’dan il-kliem, Ġeħova wera li Ġesù jirrappreżentah. Ġesù kien l-iktar persuna li setaʼ jagħti prova li dak kollu li jgħid Ġeħova hu sewwa u li Ġeħova hu qaddis.
“MISSIER, IGGLORIFIKA LIL ISMEK”
9. Isem Ġeħova kemm kien importanti għal Ġesù? Spjega.
9 Bħalma għadna kemm iddiskutejna, anki qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, isem Ġeħova kien importanti ħafna għalih. Mhux taʼ b’xejn li meta kien fuq l-art, Ġesù wera b’dak kollu li għamel kemm hu importanti isem Ġeħova! Lejn tmiem ħajtu, Ġesù qal lil Missieru: “Missier, igglorifika lil ismek.” Mill-ewwel, Missieru wieġbu b’leħen mis-sema: “Igglorifikajtu u ħa nerġaʼ nigglorifikah.”—Ġw. 12:28.
10-11. (a) Ġesù kif igglorifika isem Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.) (b) Għala kien hemm bżonn li isem Ġeħova jiġi mqaddes u vvindikat?
10 Anki Ġesù gglorifika isem Missieru. Kif? Mod wieħed kien billi wera lin-nies kemm għandu kwalitajiet sbieħ Ġeħova u l-affarijiet tal-għaġeb li għamel. Imma Ġesù għamel xi ħaġa oħra biex jigglorifikah. Ġesù kellu jqaddes isem Ġeħova u jivvindika r-reputazzjoni tiegħu.b Fit-talba mudell, Ġesù wera kemm dan hu importanti meta qal: “Missierna tas-sema, ħa jitqaddes ismek.”—Mat. 6:9.
11 Għala kien hemm bżonn li isem Ġeħova jiġi mqaddes u vvindikat? Għax fil-ġnien tal-Għeden, Satana ħammeġ isem Alla Ġeħova. Hu qal li Ġeħova hu giddieb u li qed iżomm lura xi ħaġa tajba minn Adam u Eva. (Ġen. 3:1-5) Billi għamel dan, Satana kien qed jgħid li l-mod kif Ġeħova jmexxi mhuwiex tajjeb. Minħabba dawn l-akkużi foloz, Satana attakka wkoll ir-reputazzjoni, jiġifieri l-isem taʼ Ġeħova. Iktar tard, fi żmien Ġob, Satana qal li dawk li jaqdu lil Ġeħova jagħmlu dan għax ikun jaqblilhom. Satana, il-giddieb, qal ukoll li n-nies se jieqfu jaqdu lil Ġeħova meta dan ikun diffiċli għax mhux veru li jħobbu lil Ġeħova. (Ġob 1:9-11; 2:4) Kien hemm bżonn iż-żmien biex ikun hemm prova min kien il-giddieb, jekk hux Ġeħova jew Satana.
Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu kemm hu importanti li isem Alla jiġi mqaddes (Ara paragrafu 10)
“JIEN NAGĦTI ĦAJTI”
12. X’kien lest li jagħmel Ġesù għax iħobb lil Ġeħova?
12 Peress li Ġesù kien iħobb lil Ġeħova, ried jagħmel dak kollu li jistaʼ biex iqaddes u jivvindika ismu. Ġesù qal: “Jien nagħti ħajti.” (Ġw. 10:17, 18) Iva, Ġesù kien lest li jmut biex juri li Ġeħova hu qaddis u li l-mod kif imexxi hu l-aħjar.c L-ewwel żewġ persuni perfetti, Adam u Eva, m’obdewx lil Ġeħova u minflok żammew ma’ Satana. Imma Ġesù kien lest li jiġi fuq l-art u juri bil-provi kemm iħobb lil Ġeħova. Ġesù għamel dan billi obda lil Ġeħova b’dak kollu li qal u għamel. (Lhud 4:15; 5:7-10) Hu baqaʼ leali sal-aħħar, sa ma miet fuq iz-zokk tat-tortura. (Lhud 12:2) B’hekk hu wera kemm kien iħobb lil Ġeħova.
13. Ġesù għala kien l-aħjar persuna biex juri li Satana hu giddieb? (Ara wkoll l-istampa.)
13 Bil-mod kif għex ħajtu, Ġesù wera mingħajr l-ebda dubju li Satana hu l-giddieb u mhux Ġeħova! (Ġw. 8:44) Ġesù hu l-iktar persuna li jaf lil Ġeħova. Kieku kien hemm l-iċken verità f’dak li qal Satana, Ġesù kien ikun jafha. Imma Ġesù meta kien fuq l-art kien determinat li jiddefendi r-reputazzjoni, jiġifieri isem Ġeħova. Anki meta Ġeħova neħħa l-protezzjoni tiegħu minn fuqu, Ġesù kien lest li jmut biex jobdi lil Missieru.—Mat. 27:46.d
Bil-mod kif għex ħajtu, Ġesù ma ħalla l-ebda dubju li Satana hu l-giddieb u mhux Ġeħova! (Ara paragrafu 13)
“JIEN . . . LESTEJT IX-XOGĦOL LI TAJTNI NAGĦMEL”
14. Ġeħova kif bierek lil Ġesù għal-lealtà tiegħu?
14 Fit-talba li qal Ġesù qabel miet, hu setaʼ jgħid: “Jien . . . lestejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.” Ġesù kien ċert li Ġeħova kien se jbierku għal-lealtà tiegħu. (Ġw. 17:4, 5) U Ġesù kellu raġun jafda lil Missieru. Ġeħova ma ħalliehx fil-qabar. (Atti 2:23, 24) Hu rxoxta lil Ġesù u tah pożizzjoni iktar għolja fis-sema milli kellu qabel. (Flp. 2:8, 9) Maż-żmien, Ġesù beda jmexxi bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. X’kienet se tagħmel din is-Saltna? Ġesù ta r-risposta fit-tieni parti tat-talba mudell: “Ħa tiġi Saltnatek. Ħa jsir li trid int [Ġeħova] fuq l-art bħalma hu fis-sema.”—Mat. 6:10.
15. X’se jagħmel iktar Ġesù?
15 Fil-futur viċin, Ġesù se jiġġieled kontra l-għedewwa t’Alla u jeqred lill-ħżiena f’Armageddon. (Riv. 16:14, 16; 19:11-16) Ftit wara, se jitfaʼ lil Satana fl-“abbiss,” fejn hu se jkun qisu mejjet u mhu se jkun jistaʼ jagħmel xejn. (Riv. 20:1-3) Imbagħad, Ġesù se jmexxi għal elf sena u jġib il-paċi fuq l-art u jgħin lin-nies isiru perfetti. F’dak iż-żmien se jqajjem lill-mejtin u se jagħmel id-dinja kollha Ġenna tal-art. L-iskop taʼ Ġeħova se jkun twettaq!—Riv. 21:1-4.
16. Kif se tkun il-ħajja wara l-elf sena?
16 Kif se tkun il-ħajja wara l-elf sena? Id-dnub u l-imperfezzjoni se jispiċċaw. Il-bnedmin mhux se jkollhom bżonn jitolbu biex jinħafru d-dnubiet tagħhom permezz tal-fidwa. Biex ikollna ħbiberija ma’ Ġeħova mhux se jkollna bżonn nitolbu biex jinħafrulna dnubietna permezz tal-fidwa. Lanqas mhu se jkollna bżonn il-144,000 bħala qassisin jew lil Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir tagħna. U l-aħħar għadu, “il-mewt, . . . se tiġi meqruda.” L-oqbra se jitbattlu u l-mejtin se jkunu ġew irxoxtati. Kulħadd fuq l-art se jkun perfett.—1 Kor. 15:25, 26.
17-18. (a) X’se jiġri wara l-elf sena? (b) X’se jagħmel Ġesù meta jasal iż-żmien biex jieqaf imexxi hu? (1 Korintin 15:24, 28) (Ara wkoll l-istampa.)
17 X’se jiġri iktar wara l-elf sena? Xi ħaġa speċjali ħafna. Ħadd qatt mhu se jerġaʼ jiddubita jekk Ġeħova huwiex qaddis u jekk jagħmilx l-affarijiet bl-aħjar mod. Għala? Fil-ġnien tal-Għeden, Satana qal li Ġeħova hu giddieb u li ma jmexxix in-nies bl-imħabba. Minn dak iż-żmien, għal darba wara l-oħra, l-isem taʼ Ġeħova ġie mqaddes minn dawk li jirrispettawh. Mela wara l-elf sena r-reputazzjoni taʼ Ġeħova se tiġi mnaddfa darba għal dejjem. Ġeħova se jkun ta prova ċara li hu Missier kollu mħabba.
18 Wara li Ġesù se jkun ilu jmexxi għal elf sena, kulħadd se jkun jaf li dak li qal Satana fuq Ġeħova kien kollu gideb. X’se jagħmel Ġesù meta jkun wasal iż-żmien biex jieqaf imexxi? Se jagħmel bħal Satana u jirribella kontra Ġeħova? Le! (Aqra 1 Korintin 15:24, 28.) Ġesù se jagħti lura s-Saltna lil Missieru. Hu se juri li hu taħt l-awtorità taʼ Ġeħova. Bil-kontra taʼ Satana, Ġesù lest li jagħti kollox għax iħobb lil Ġeħova.
Ġesù minn jeddu jagħti s-Saltna lura lil Ġeħova wara li jkun ilu elf sena jmexxi (Ara paragrafu 18)
19. Kemm hu importanti isem Ġeħova għal Ġesù?
19 Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova kien lest li jħalli lil Ġesù jirrappreżentah! Hu wera b’mod perfett min hu Missieru. Mela l-isem taʼ Ġeħova hu l-iktar ħaġa importanti għal Ġesù. Hu kien lest li jmut għalih u se jkun lest li jerġaʼ jagħti kollox lil Missieru fl-aħħar tal-Elf Sena tat-Tmexxija tiegħu. Aħna kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù? Se niddiskutu din il-mistoqsija fl-artiklu li jmiss.
GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-Midluk
a Kultant, anki l-anġli rrappreżentaw lil Ġeħova. Dan għamluh meta wasslu messaġġi f’ismu. Għalhekk, il-Bibbja ġieli tgħid li Ġeħova jkun qed jitkellem, meta fir-realtà jkun qed jitkellem anġlu għalih. (Ġen. 18:1-33) Għalkemm l-Iskrittura tgħid li Mosè rċieva l-Liġi mingħand Ġeħova, versi oħra juru li Ġeħova uża l-anġli biex jagħtih il-Liġi.—Lev. 27:34; Atti 7:38, 53; Gal. 3:19; Lhud 2:2-4.
b ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Li “tqaddes” ifisser li tonora, tqis xi ħaġa qaddisa, jew ikollok rispett kbir lejn xi ħadd. Li “tivvindika” jfisser li tnaddaf ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd minn akkużi foloz jew li turi bil-provi li xi ħadd għandu raġun meta oħrajn jgħidu fuqu jew jigdbu dwaru.
c Il-mewt taʼ Ġesù għamlitha possibbli wkoll li n-nies jgħixu għal dejjem.
d Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa t’April 2021, pp. 30-31.