ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25
GĦANJA 96 Il-ktieb t’Alla stess—Teżor
Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu mill-Aħħar Kliem li Qal Ġakobb—It-2 Parti
“Hu ta lil kull wieħed il-barka li kienet tistħoqqlu.”—ĠEN. 49:28.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-profeziji li qal Ġakobb lill-aħħar tmien subien tiegħu.
1. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
IS-SUBIEN taʼ Ġakobb qegħdin miġburin madwar missierhom jisimgħu b’attenzjoni dak li qed jgħidilhom. Fl-artiklu taʼ qabel rajna dak li Ġakobb qal lil Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda. Ġakobb qalilhom xi affarijiet li ma kinux qed jistennew, allura forsi issa kellhom kurżità x’se jgħid lill-aħħar tmien subien tiegħu. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-kliem li qal lil Żebulun, Issakar, Dan, Gad, Aser, Naftali, Ġużeppi, u Benjamin.a
ŻEBULUN
2. Ġakobb x’qallu lil Żebulun, u dan il-kliem kif twettaq? (Ġenesi 49:13) (Ara wkoll il-kaxxa.)
2 Aqra Ġenesi 49:13. Ġakobb qal lil Żebulun li d-dixxendenti tiegħu kienu se joqogħdu ħdejn il-baħar. Dan it-territorju kien se jkun fin-naħa taʼ fuq tal-Art Imwiegħda. Iktar minn 200 sena wara, it-tribù taʼ Żebulun irċieva din l-art bħala wirt. Din kienet bejn il-Baħar tal-Galilija u l-Baħar Mediterran. Għalkemm din l-art ma kinitx eżatt ħdejn il-baħar, xorta kienet viċin. Mosè kien ipprofetizza: “Ifraħ Żebulun, meta toħroġ.” (Dewt. 33:18) Dan jistaʼ jkun li kien ifisser li kien se jkun faċli għat-tribù taʼ Żebulun li jivvjaġġa lejn iż-żewġt ibħra. Allura ma kienx se jkun diffiċli għal dan it-tribù biex ibigħ u jixtri mingħand nies taʼ pajjiżi differenti. Kien x’kien il-każ, id-dixxendenti taʼ Żebulun kellhom għaliex ikunu ferħanin.
3. X’jistaʼ jgħinna nkunu ferħanin?
3 X’nistgħu nitgħallmu? Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, dejjem għandna raġunijiet għala nkunu ferħanin. U biex nibqgħu ferħanin irridu nkunu kuntenti b’dak li għandna. (Slm. 16:6; 24:5) Ġieli jkun iktar faċli li naħsbu fuq x’nixtiequ milli fuq l-affarijiet tajbin li diġà qed ingawdu. Għalhekk, ipprova dejjem ara l-pożittiv.—Gal. 6:4.
ISSAKAR
4. Ġakobb x’qallu lil Issakar, u dak li qallu kif twettaq? (Ġenesi 49:14, 15) (Ara wkoll il-kaxxa.)
4 Aqra Ġenesi 49:14, 15. Ġakobb faħħar lil Issakar talli kien jaħdem iebes. Hu qal li Issakar kien bħal ħmar b’saħħtu li jġorr it-tagħbija. Qal ukoll li Issakar kien se jkollu art tajba. Fi qbil ma’ dak li qal Ġakobb, it-tribù taʼ Issakar irċieva art tajba li tipproduċi ħafna ikel, viċin ix-Xmara Ġordan. (Ġoż. 19:22) Bla dubju, huma ħadmu iebes biex jaħdmu l-art, imma anki biex jgħinu lil oħrajn. (1 Slat. 4:7, 17) Huma kienu lesti li jiġġieldu għall-Iżraelin. Pereżempju, meta l-Imħallef Barak u l-profetessa Debora staqsew lill-Iżraelin biex jgħinuhom jiġġieldu kontra Sisera, it-tribù taʼ Issakar kien wieħed mit-tribujiet li offra li jgħin.—Imħ. 5:15.
5. Għala għandna naħdmu iebes?
5 X’nistgħu nitgħallmu? Bħalma Ġeħova apprezza x-xogħol iebes tat-tribù taʼ Issakar, hu japprezza x-xogħol iebes li nagħmlu għalih. (Ekk. 2:24) Pereżempju, aħseb fl-aħwa rġiel li qed jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. (1 Tim. 3:1) Vera li dawn l-aħwa ma jmorrux jiġġieldu bħalma għamel it-tribù taʼ Issakar, imma huma jridu jgħinu lill-aħwa jiġġieldu kontra affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħbiberija tagħhom ma’ Ġeħova. (1 Kor. 5:1, 5; Ġuda 17-23) Ukoll, dawn l-aħwa jaħdmu iebes biex jippreparaw taħditiet ħalli jkunu jistgħu jinkuraġġixxu lill-aħwa bihom.—1 Tim. 5:17.
DAN
6. Liema inkarigu kellu t-tribù taʼ Dan? (Ġenesi 49:17, 18) (Ara wkoll il-kaxxa.)
6 Aqra Ġenesi 49:17, 18. Ġakobb qabbel lil Dan ma’ serp li jattakka lil annimali ħafna ikbar minnu, bħaż-żwiemel li jintużaw għall-gwerra. It-tribù taʼ Dan kien kuraġġuż u kien lest jiġġieled kontra l-għedewwa tal-poplu taʼ Iżrael. Matul il-vjaġġ lejn l-Art Imwiegħda, it-tribù taʼ Dan kien ‘jimxi wara l-kampijiet kollha biex jipproteġihom.’ (Num. 10:25) Dan kien inkarigu importanti, avolja t-tribujiet l-oħra ma setgħux jaraw x’kien qed jagħmel it-tribù taʼ Dan.
7. X’għandha tkun l-attitudni tagħna meta nirċievu inkarigu mingħand Ġeħova?
7 X’nistgħu nitgħallmu? Ġieli għamilt xi inkarigu u ħassejt li ħadd ma nnotah? Forsi għent biex tnaddaf jew tagħmel xi xogħol fis-Sala tas-Saltna, offrejt li tgħin bħala volontier f’assemblea jew f’konvenzjoni, jew għamilt xi xogħol ieħor. Jekk għent b’dan il-mod, prosit! Dejjem ftakar li Ġeħova jinnota u japprezza dak kollu li tagħmel għalih. Hu japprezza l-iktar meta int tkun lest li tagħmel inkarigu mhux biex tiġi nnotat u mfaħħar, imma biex turih kemm tħobbu.—Mat. 6:1-4.
GAD
8. Għala kien faċli għall-għedewwa taʼ Iżrael biex jattakkaw lit-tribù taʼ Gad? (Ġenesi 49:19) (Ara wkoll il-kaxxa.)
8 Aqra Ġenesi 49:19. Ġakobb ipprofetizza li grupp taʼ ħallelin se jattakka lil Gad. Iktar minn 200 sena wara, it-tribù taʼ Gad wiret art li naħa minnha kienet tmiss max-Xmara Ġordan u n-naħa l-oħra mat-territorju tal-għadu. Allura, kien faċli li jiġi attakkat. Minkejja dan, it-tribù taʼ Gad ried jgħix f’din l-art għax kien fiha ħafna għelieqi li kienu tajbin għall-annimali. (Num. 32:1, 5) Huma kienu nies kuraġġużi u iktar minn hekk, kienu konvinti li Ġeħova se jgħinhom jiddefendu l-art jekk jattakkawhom il-ħallelin. Għal ħafna snin, it-tribù taʼ Gad bagħat ukoll suldati minn tiegħu biex jiġġieldu flimkien mat-tribujiet l-oħra n-naħa l-oħra tal-Ġordan. (Num. 32:16-19) Huma kienu ċerti li Ġeħova kien se jieħu ħsieb lin-nisa u t-tfal tagħhom waqt li l-irġiel ikunu qed jiġġieldu. U Ġeħova berikhom għall-kuraġġ u għas-sagrifiċċju li kienu lesti li jagħmlu biex jgħinu lil oħrajn.—Ġoż. 22:1-4.
9. Jekk nafdaw f’Ġeħova, x’għażliet se nagħmlu?
9 X’nistgħu nitgħallmu? Biex naqdu lil Ġeħova minkejja ċirkustanzi diffiċli, irridu nkomplu nafdaw fih. (Slm. 37:3) Illum, ħafna aħwa juru li jafdaw f’Ġeħova billi jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċji biex jibnu bini għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, jippritkaw fejn hemm iktar bżonn, jew jagħmlu inkarigi oħra fl-organizzazzjoni. Huma jagħmlu dan għax konvinti li Ġeħova dejjem se jieħu ħsiebhom.—Slm. 23:1.
ASER
10. It-tribù t’Aser x’m’għamilx? (Ġenesi 49:20) (Ara wkoll il-kaxxa.)
10 Aqra Ġenesi 49:20. Ġakobb ipprofetizza li t-tribù t’Aser kien se jsir sinjur ħafna, u eżatt hekk ġara. It-tribù t’Aser wiret art li kienet tajba ħafna. (Dewt. 33:24) Ukoll, l-art kienet tmiss mal-Baħar Mediterran u kien fiha l-port taʼ Sidon li kien iġib ħafna negozju. Però, id-dixxendenti t’Aser ma keċċewx lin-nies taʼ Kangħan mill-art. (Imħ. 1:31, 32) Minħabba l-affarijiet materjali li kellhom u l-influwenza ħażina tal-Kangħanin, it-tribù t’Aser spiċċa ma baqax żeluż f’li jaqdi lil Ġeħova. Pereżempju, meta l-Imħallef Barak staqsa lill-Iżraelin biex jgħinuh jiġġieled kontra l-armata tal-Kangħanin, it-tribù t’Aser ma offriex li jgħin. Minħabba f’hekk, ma rawx l-affarijiet tal-għaġeb li għamel Ġeħova biex jgħin lill-Iżraelin jirbħu “ħdejn l-ilmijiet taʼ Megiddo.” (Imħ. 5:19-21) Min jaf kemm stħaw id-dixxendenti t’Aser meta semgħu lil Barak u lil Debora jkantaw: “It-tribù t’Aser qagħad bilqiegħda jitgħażżen f’xatt il-baħar.”—Imħ. 5:17.
11. Għala ma rridux nagħmlu l-flus l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna?
11 X’nistgħu nitgħallmu? Irridu nagħtu lil Ġeħova l-aħjar li nistgħu. Biex nagħmlu dan irridu noqogħdu attenti li ma nsirux bħan-nies tad-dinja li jaħsbu li l-flus u dak li jistgħu jixtru bihom huma l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. (Prov. 18:11) Għalkemm il-flus għandna bżonnhom, irridu nżommu ħarsa bilanċjata lejhom. (Ekk. 7:12; Lhud 13:5) Aħna ma rridux naħlu l-ħin u l-enerġija tagħna nipprovaw ikollna affarijiet li mhux vera għandna bżonn. Minflok, irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu għal Ġeħova u nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna għalih, għax konvinti li l-ħajja vera ġejja fil-futur.—Slm. 4:8.
NAFTALI
12. Il-kliem li qal Ġakobb lil Naftali kif jistaʼ jkun li ġara? (Ġenesi 49:21) (Ara wkoll il-kaxxa.)
12 Aqra Ġenesi 49:21. Il-“kliem ħelu” li Ġakobb semma setaʼ rrefera għall-kliem li Ġesù qal meta kien jipprietka. Ġesù qattaʼ ħafna ħin fil-belt taʼ Kafarnahum, li kienet fit-territorju tat-tribù taʼ Naftali, għax din kienet “il-belt fejn kien qed joqgħod.” (Mat. 4:13; 9:1; Ġw. 7:46) U Isaija pprofetizza li Ġesù kien se jkun “dawl kbir” għan-nies taʼ Żebulun u Naftali. (Isa. 9:1, 2) B’dak li għallem, Ġesù wera li kien “id-dawl veru li jagħti d-dawl lil kull tip taʼ nies.”—Ġw. 1:9.
13. X’nistgħu nagħmlu biex dak li ngħidu jogħġob lil Ġeħova?
13 X’nistgħu nitgħallmu? Ġeħova jimpurtah minn dak li ngħidu u kif ngħiduh. Allura, kif nistgħu ngħidu “kliem ħelu” li jogħġob lil Ġeħova? L-ewwel, billi ngħidu l-verità. (Slm. 15:1, 2) Nistgħu wkoll ninkuraġġixxu lil oħrajn billi nfaħħruhom u ma nitkellmux negattiv dwar nies oħra jew ingergru. (Efes. 4:29) Barra minn hekk, nistgħu naħdmu ħalli nsiru aħjar f’li nipprovaw nibdew konversazzjonijiet li jwasslu biex nagħtu xhieda.
ĠUŻEPPI
14. Il-profezija dwar Ġużeppi kif ġrat? (Ġenesi 49:22, 26) (Ara wkoll il-kaxxa.)
14 Aqra Ġenesi 49:22, 26. Ġakobb probabbli kien kburi ħafna b’Ġużeppi, għax Ġeħova kien għażlu “minn fost ħutu” u użah b’mod speċjali. Ġakobb qal li Ġużeppi kien “il-fergħa taʼ siġra li tagħti l-frott.” Is-siġra kienet Ġakobb u l-fergħa kienet Ġużeppi. Ġużeppi kien l-ewwel tifel taʼ Rakele, il-mara li kien iħobb l-iktar Ġakobb. Fil-profezija, Ġakobb qal li Ġużeppi se jirċievi l-wirt tal-ewwel imwieled li tilef Ruben, li kien l-ewwel tifel minn Lea. (Ġen. 48:5, 6; 1 Kron. 5:1, 2) Dan ġara meta ż-żewġ subien taʼ Ġużeppi, Efrajm u Manasse, saru żewġ tribujiet taʼ Iżrael u kellhom l-art tagħhom.—Ġen. 49:25; Ġoż. 14:4.
15. Ġużeppi x’għamel meta għadda minn żmien diffiċli?
15 Ġakobb qal li lil Ġużeppi “l-arċieri baqgħu jattakkawh u waddbulu l-vleġeġ u baqgħu jobogħduh.” (Ġen. 49:23) Dawn l-arċieri kienu ħut Ġużeppi li kienu jgħiru għalih, jittrattawh ħażin, u minħabba fihom ġrawlu ħafna affarijiet ħżiena. Imma Ġużeppi ma bediex jobgħod lil ħutu jew iwaħħal f’Ġeħova għal dak li ġralu. Bħalma qal Ġakobb: “Il-qaws tiegħu baqaʼ sod, u jdejh baqgħu b’saħħithom u ħfief.” (Ġen. 49:24) Minflok ma patta lil ħutu, Ġużeppi wriehom ħniena u mħabba u lealtà. Dawn il-kwalitajiet kienu bħal vleġeġ li neħħew il-mibegħda taʼ ħutu. Meta kien għaddej minn żmien diffiċli, Ġużeppi kien jafda f’Ġeħova. Hu anki ħafer lil ħutu u kien qalbu tajba magħhom. (Ġen. 47:11, 12) Ġużeppi ħalla l-provi li kien għaddej minnhom jagħmluh bniedem aħjar. (Slm. 105:17-19) B’hekk, Ġeħova setaʼ jużah biex jagħmel ħafna affarijiet importanti.
16. Meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, kif nistgħu nimitaw lil Ġużeppi?
16 X’nistgħu nitgħallmu? Meta tkun għaddej minn żmien diffiċli, ibqaʼ ħobb lil Ġeħova u lill-aħwa. Tinsiex li Ġeħova jistaʼ juża dak li nkunu għaddejjin minnu biex jittrennjana. (Lhud 12:7, ntt.) Dan se jgħinna biex nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova aħjar, bħall-ħniena u l-maħfra. (Lhud 12:11) Nistgħu nkunu ċerti li bħalma bierek lil Ġużeppi talli baqaʼ jissaporti, Ġeħova se jbierek lilna wkoll.
BENJAMIN
17. Il-profezija dwar Benjamin kif ġrat? (Ġenesi 49:27) (Ara wkoll il-kaxxa.)
17 Aqra Ġenesi 49:27. Ġakobb qal li t-tribù taʼ Benjamin kien se jkun kapaċi ħafna biex jiġġieled, eżatt bħal lupu. (Imħ. 20:15, 16; 1 Kron. 12:2) “Filgħodu,” jiġifieri fil-bidu tas-saltna taʼ Iżrael, mit-tribù taʼ Benjamin ħareġ l-ewwel re li mexxa fuq Iżrael kollu u li kien jismu Sawl. Sawl wera kuraġġ kbir hu u jiġġieled kontra l-Filistin. (1 Sam. 9:15-17, 21) “Filgħaxija,” jiġifieri ħafna snin wara, ir-Reġina Ester u l-Prim Ministru Mordekaj, li t-tnejn kienu mit-tribù taʼ Benjamin, salvaw lil-Lhud mill-qerda.—Est. 2:5-7; 8:3; 10:3.
18. Kif nistgħu nkunu leali bħat-tribù taʼ Benjamin?
18 X’nistgħu nitgħallmu? Żgur li n-nies tat-tribù taʼ Benjamin kienu ferħanin li xi ħadd minnhom sar re. Meta Ġeħova għażel lil David mit-tribù taʼ Ġuda bħala r-re li kien imiss, huma maż-żmien issapportjawh. (2 Sam. 3:17-19) Snin wara, għaxar tribujiet irribellaw kontra t-tribù taʼ Ġuda. Imma t-tribù taʼ Benjamin baqaʼ leali lejn it-tribù taʼ Ġuda u lejn ir-re li kien ġej mill-familja taʼ David. (1 Slat. 11:31, 32; 12:19, 21) Aħna, bħalhom, nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova billi nibqgħu nissapportjaw lil dawk li hu qed juża biex imexxu.—1 Tes. 5:12.
19. Il-profezija li qal Ġakobb qabel ma miet kif tistaʼ tgħinna?
19 Ikun tajjeb li nistudjaw il-profezija li qal Ġakobb qabel ma miet. Meta naraw kif ġrat, insiru iktar konvinti li l-wegħdi l-oħra taʼ Ġeħova se jiġru żgur. Din tistaʼ tgħinna wkoll nifhmu kif nistgħu nogħġbu iktar lil Ġeħova.
GĦANJA 128 Nissaportu sat-tmiem
a Ġakobb bierek lill-ewwel erbat itfal tiegħu skont l-ordni li twieldu fiha. Imma meta bierek lit-tmint itfal l-oħra tiegħu, Ġakobb ma kellimhomx skont l-ordni li twieldu fiha.