LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Ġunju pp. 20-25
  • Għin lill-Istudenti tal-Bibbja Jagħżlu li Jibdew Jaqdu lil Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lill-Istudenti tal-Bibbja Jagħżlu li Jibdew Jaqdu lil Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦIN L-ISTUDENT JIFHEM GĦALA QED ISIBHA DIFFIĊLI JAQDI LIL ĠEĦOVA
  • GĦIN L-ISTUDENT IĦOBB IKTAR LIL ĠEĦOVA
  • GĦIN L-ISTUDENT JAĠĠUSTA L-PRIJORITAJIET TIEGĦU
  • GĦIN L-ISTUDENT IKUN LEST GĦALL-PERSEKUZZJONI
  • URI LI GĦANDEK FIDUĊJA FL-ISTUDENT
  • Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—It-Tieni Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • “Morru u agħmlu dixxipli”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Ġunju pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 27

GĦANJA 79 Għallimhom iżommu sod

Għin lill-Istudenti tal-Bibbja Jagħżlu li Jibdew Jaqdu lil Ġeħova

“Żommu l-fidi tagħkom soda, kunu . . . sodi.”—1 KOR. 16:13.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jkollhom il-fidi u l-kuraġġ biex jagħmlu l-bidliet li hemm bżonn ħalli jaqdu lil Ġeħova.

1-2. (a) Xi studenti tal-Bibbja għala jżommu lura milli jibdew jaqdu lil Ġeħova? (b) X’se naraw f’dan l-artiklu?

META int kont qed tistudja l-Bibbja, kien hemm xi affarijiet li żammewk milli ssir Xhud taʼ Ġeħova? Forsi bdejt tibżaʼ li dawk li jaħdmu miegħek, tal-familja, jew il-ħbieb jiħduha kontrik. Jew forsi ħassejt li hu diffiċli wisq għalik biex tobdi l-livelli taʼ Ġeħova. Jekk għaddejt minn xi ħaġa simili, tistaʼ tifhem għala xi wħud li qed jistudjaw il-Bibbja jibżgħu jieħdu l-waqfa għall-verità.

2 Ġesù kien jaf li affarijiet bħal dawn jistgħu jwaqqfu lil xi ħadd milli jaqdi lil Ġeħova. (Mat. 13:​20-22) Bl-eżempju tiegħu, hu wriena kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja (1) jaraw x’qed jagħmilhielhom diffiċli biex jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova, (2) iħobbu iktar lil Ġeħova, (3) ipoġġu lil Ġeħova fl-ewwel post f’ħajjithom, u (4) jitgħallmu x’għandhom jagħmlu meta oħrajn jippersegwitawhom. Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta nużaw il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex ngħinu lill-istudent jibda jaqdi lil Ġeħova?

GĦIN L-ISTUDENT JIFHEM GĦALA QED ISIBHA DIFFIĊLI JAQDI LIL ĠEĦOVA

3. X’setaʼ għamilha diffiċli għal Nikodemu biex isir dixxiplu taʼ Ġesù?

3 Wieħed mill-mexxejja importanti tal-Lhud jismu Nikodemu, kellu xi ħaġa li għamlithielu diffiċli biex isir dixxiplu taʼ Ġesù. Sitt xhur biss wara li Ġesù beda jipprietka, Nikodemu beda jemmen li Ġesù kien il-Messija. (Ġw. 3:​1, 2) Imma Nikodemu ‘kien jibżaʼ mil-Lhud,’ allura aċċetta li jiltaqaʼ maʼ Ġesù u jitkellem miegħu billejl. (Ġw. 7:13; 12:42) Forsi hu kien jibżaʼ li jekk isir dixxiplu taʼ Ġesù kien se jitlef l-awtorità li kellu jew xi flus.a

4. Ġesù kif għen lil Nikodemu jifhem x’riedu jagħmel Ġeħova?

4 Nikodemu kien jafha sew il-Liġi taʼ Mosè, imma kellu bżonn l-għajnuna biex jifhem x’riedu jagħmel Ġeħova. Ġesù kif għenu? Ġesù kien lest li jqattaʼ l-ħin miegħu u jiltaqaʼ miegħu anki billejl. Qallu wkoll b’mod ċar x’kellu jagħmel biex isir dixxiplu tiegħu: jindem minn dnubietu, jitgħammed fl-ilma, u juri fidi fl-Iben t’Alla.—Ġw. 3:​5, 14-21.

5. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent tal-Bibbja jifhem x’qed iżommu lura milli jaqdi lil Ġeħova?

5 Anki jekk student ikun jaf il-Bibbja sew, forsi jkollu bżonn l-għajnuna biex jifhem x’qed iżommu lura milli jaqdi lil Ġeħova. Pereżempju, jistaʼ jkun li x-xogħol qed jiħodlu wisq ħin jew tal-familja ma jriduhx isir Xhud taʼ Ġeħova. Imita lil Ġesù u ħu l-ħin biex tgħinu. Forsi tistgħu tmorru tieħdu kafè jew tmorru mixja. Meta tagħmlu affarijiet li bihom iħossu rilassat, forsi l-istudent ikun iktar lest biex jiftaħ qalbu u int tkun tistaʼ tara iktar x’qed isib diffiċli. Għinu jara x’bidliet jistaʼ jagħmel u inkuraġġih biex jagħmilhom mhux biex jogħġob lilek imma għax iħobb lil Ġeħova.

6. Kif tistaʼ tgħin lill-istudent ikollu iktar kuraġġ biex japplika dak li qed jitgħallem? (1 Korintin 16:13)

6 Student tal-Bibbja se jkollu iktar kuraġġ biex japplika dak li jkun qed jitgħallem jekk ikun ċert li Ġeħova se jgħinu jobdi l-livelli tiegħu. (Aqra 1 Korintin 16:13.) Bħala għalliem tal-Bibbja, inti tistaʼ tkun bħal għalliem tal-iskola. Meta kont l-iskola, liema għalliem kont tħobb l-iktar? Wisq probabbli, l-għalliem li għenek tifhem li int kapaċi tagħmel li hemm bżonn. B’mod simili, xi ħadd li jgħallem il-Bibbja ma jgħallimx biss lill-istudent xi jridu jagħmel Ġeħova. Hu jgħinu jifhem ukoll li bl-għajnuna taʼ Ġeħova jistaʼ jagħmel il-bidliet li hemm bżonn. Kif tistaʼ tkun għalliem tajjeb?

GĦIN L-ISTUDENT IĦOBB IKTAR LIL ĠEĦOVA

7. Ġesù kif għen lin-nies iħobbu iktar lil Ġeħova?

7 Ġesù kien jaf li jekk xi ħadd ikun iħobb lil Ġeħova, se jkun irid japplika dak li jitgħallem. Taʼ spiss, hu kien jgħallem lid-dixxipli tiegħu affarijiet biex jgħinhom iħobbu iktar lil Missierhom tas-sema. Pereżempju, hu qabbel lil Ġeħova maʼ missier li jagħti affarijiet tajbin lit-tfal tiegħu. (Mat. 7:​9-11) Xi nies jaf ma kellhomx missier li juri affezzjoni u mħabba. Allura immaġina kif setgħu ħassewhom id-dixxipli meta Ġesù qal l-istorja tal-missier li laqaʼ t-tifel lura d-dar avolja kien għamel ħafna affarijiet ħżiena. Ġesù għen lin-nies jaraw li Ġeħova jħobbhom ħafna u jrid jgħinhom.—Luqa 15:​20-24.

8. Kif tistaʼ tgħin lil student tal-Bibbja jħobb lil Ġeħova iktar?

8 Int ukoll tistaʼ tgħin lil student tal-Bibbja jħobb iktar lil Ġeħova, billi titkellem dwar il-kwalitajiet sbieħ t’Alla. Waqt kull studju, għinu jara kif dak li qed jitgħallem juri li Ġeħova jħobbna. Meta titkellem dwar il-fidwa, għinu jifhem li Ġeħova ma bagħatx lil Ibnu biex imut għax iħobb lil kulħadd biss, imma għax iħobb lilu wkoll. (Rum. 5:8; 1 Ġw. 4:10) Meta student jifhem kemm Ġeħova jħobb lilu b’mod personali, se jiġi mmotivat biex iħobb lil Ġeħova iktar.—Gal. 2:20.

9. X’għen lil Michael biex jagħmel il-bidliet u jitgħammed?

9 Aħseb fl-esperjenza taʼ Michael, mill-Indoneżja. Hu kien tgħallem il-verità mill-familja tiegħu, imma qatt ma tgħammed. Meta kellu 18-il sena, hu mar jgħix f’pajjiż ieħor u bħala xogħol beda jsuq it-trakkijiet. Iktar tard, reġaʼ mar l-Indoneżja u żżewweġ, imma reġaʼ siefer biex jaħdem. F’dan iż-żmien, il-mara u t-tifla tiegħu bdew jistudjaw il-Bibbja u jagħmlu progress. Wara li omm Michael mietet, hu ddeċieda li jerġaʼ jmur lura d-dar biex jieħu ħsieb lil missieru u aċċetta li jibda jistudja l-Bibbja. Il-parti “Tgħallem Iżjed” f’lezzjoni 27 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! kellha effett kbir fuqu. Meta ħaseb dwar kemm ħassu mweġġaʼ Ġeħova meta ra lil Ibnu jbati, Michael beda jibki. Hu beda japprezza kemm Ġeħova u Ġesù kienu jħobbuh, u għamel il-bidliet li kien hemm bżonn u tgħammed.

GĦIN L-ISTUDENT JAĠĠUSTA L-PRIJORITAJIET TIEGĦU

10. Ġesù x’għamel biex jgħin lid-dixxipli jbiddlu l-prijoritajiet tagħhom? (Luqa 5:​5-11) (Ara wkoll l-istampa.)

10 L-ewwel dixxipli taʼ Ġesù mill-ewwel emmnu li hu kien il-Messija, imma kellhom bżonn l-għajnuna biex jifhmu li l-ippritkar kellu jkun prijorità f’ħajjithom. Pietru u Indrì kienu diġà ilhom għal xi żmien dixxipli taʼ Ġesù meta stidinhom biex imorru miegħu full-time. (Mat. 4:​18, 19) Huma kellhom negozju tajjeb tas-sajd maʼ Ġakbu u Ġwanni. (Mrk. 1:​16-20) Imma Pietru u Indrì għażlu li jieqfu jaħdmu bħala sajjieda u jobdu lil Ġesù. Ovvjament, qabel ħadu din id-deċiżjoni, huma raw li se jkunu jistgħu jipprovdu għall-familja tagħhom. X’għenhom biex iqisu l-ippritkar iktar importanti milli jagħmlu l-flus? F’​Luqa naqraw li Ġesù għamel miraklu li bih wera li jekk ipoġġu lil Ġeħova l-ewwel post f’ħajjithom, hu kien se jipprovdilhom dak li għandhom bżonn. Dan ikkonvinċiehom biex jagħmlu l-bidliet.—Aqra Luqa 5:​5-11.

Żewġ sajjieda jitilqu n-negozju tas-sajd tagħhom biex imorru wara Ġesù. Sajjieda oħra jibqgħu fuq id-dgħajsa u jirranġaw ix-xbieki.

X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù għen lid-dixxipli jaġġustaw il-prijoritajiet tagħhom? (Ara paragrafu 10)b


11. X’tistaʼ tgħidlu lill-istudent tiegħek biex issaħħaħlu l-fidi?

11 Aħna ma nistgħux nagħmlu mirakli, bħalma kien jagħmel Ġesù, imma nistgħu ngħidu esperjenzi taʼ kif Ġeħova għen lil dawk li poġġew lilu l-ewwel post f’ħajjithom. Pereżempju, tiftakar kif kien għenek Ġeħova meta bdejt tattendi l-laqgħat. Forsi kellek bżonn tiltaqaʼ mal-imgħallem u tispjegalu għala ma tistax toqgħod overtime fil-ġranet li jkollok il-laqgħat. Spjega lill-istudent tiegħek kif il-fidi tiegħek issaħħet meta rajt kif Ġeħova għenek għax poġġejt lilu fl-ewwel post f’ħajtek.

12. (a) Għala għandna nieħdu aħwa differenti fuq studju tal-Bibbja? (b) Kif tistaʼ tuża l-vidjows biex tgħallem lill-istudent tiegħek? Agħti eżempju.

12 L-istudent se jibbenefika ħafna wkoll meta jismaʼ kif aħwa oħra kellhom jaġġustaw il-prijoritajiet tagħhom. Mela stieden aħwa minn backgrounds differenti biex jiġu miegħek għall-istudju. Staqsihom biex jgħidu kif ġew fil-verità u x’bidliet kellhom jagħmlu biex ipoġġu lil Ġeħova l-ewwel. Barra minn hekk, ħu l-ħin biex taraw il-vidjows fil-parti “Tgħallem Iżjed,” u jekk ikun hemm bżonn, fil-parti “Ara Iżjed” tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Biex inġibu eżempju, meta tkunu qed tagħmlu lezzjoni 37 u taraw il-vidjow Ġeħova Se Jieħu Ħsieb il-Bżonnijiet Tagħna, iddiskutu l-vidjow u għin lill-istudent jifhem x’jistaʼ jgħinu biex ipoġġi lil Ġeħova l-ewwel.

GĦIN L-ISTUDENT IKUN LEST GĦALL-PERSEKUZZJONI

13. Ġesù kif ipprepara lid-dixxipli għall-persekuzzjoni?

13 Ġesù kemm-il darba qal lid-dixxipli li kien se jkollhom il-persekuzzjoni minn nies oħra, u qalilhom li din setgħet tiġi minn tal-familja wkoll. (Mat. 5:11; 10:​22, 36) Ftit qabel ma miet, Ġesù qal lid-dixxipli li kien hemm ċans li jinqatlu peress li jaqdu lil Ġeħova. (Mat. 24:9; Ġw. 15:20; 16:2) Hu ħeġġiġhom biex joqogħdu attenti ħafna meta jkunu qed jippritkaw lin-nies. Pereżempju, qalilhom biex ma jargumentawx maʼ nies li jiħduha kontrihom u biex joqogħdu attenti dwar x’jgħidu u x’jagħmlu ħalli jkunu jistgħu jkomplu jippritkaw.

14. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent ikun lest għall-persekuzzjoni? (2 Timotju 3:12)

14 Aħna nistgħu nippreparaw lill-istudent tagħna għall-persekuzzjoni billi ngħidulu x’jistaʼ jkun li jagħmlu jew jgħidu tal-familja, ħbieb, jew xi nies tax-xogħol peress li jkun qed jistudja l-Bibbja. (Aqra 2 Timotju 3:12.) Xi nies fuq ix-xogħol jaf iwaqqgħuh għaċ-ċajt għax ikun qed jipprova jgħix skont dak li jkun qed jitgħallem. Oħrajn, forsi anki tal-familja, jaf ma jaqblux maʼ dak li jkun qed jitgħallem. Allura iktar maʼ nippreparaw lill-istudent għall-persekuzzjoni malajr, iktar ħa jkun lest meta tasal.

15. X’jistaʼ jgħin student tal-Bibbja biex ikampa mal-persekuzzjoni mingħand tal-familja?

15 Jekk l-istudent tiegħek ikollu l-persekuzzjoni mingħand tal-familja, għinu jifhem għala huma jistaʼ jkun qed iħossuhom dispjaċuti. Huma forsi jaħsbu li x-Xhieda jgħallmu l-gideb, jew forsi jkollhom ħarsa negattiva lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ġesù wkoll kellu l-persekuzzjoni minn xi wħud tal-familja. (Mrk. 3:21; Ġw. 7:5) Għin ukoll lill-istudent tiegħek biex ikun paċenzjuż u xorta jitkellem b’qalb tajba maʼ tal-familja u oħrajn.

16. Kif nistgħu ngħinu student tal-Bibbja jitkellem dwar il-verità b’qalb tajba u b’rispett?

16 Meta dawk tal-familja tal-istudent juru interess fil-verità, ikun tajjeb li l-istudent ma jispjegax kollox f’daqqa. Jekk jagħmel hekk, tal-familja jaf iħossu li qed jisimgħu wisq affarijiet ġodda u ma jkunux iridu jerġgħu jitkellmu dwar il-verità. Mela inkuraġġixxi lill-istudent biex jitkellem dwar il-verità b’mod sempliċi, ħalli tal-familja jkunu jridu jitkellmu dwar il-Bibbja darba oħra. (Kol. 4:6) Hu jistaʼ jgħid lil tal-familja biex imorru fuq jw.org. B’hekk, huma jkunu jistgħu jitgħallmu dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova bil-pass tagħhom.

17. Kif tistaʼ tittrennja lill-istudent tiegħek biex iwieġeb mistoqsijiet dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Tistaʼ tuża wkoll is-serje fuq jw.org, “Mistoqsijiet komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova,” biex tgħin lill-istudent jipprepara risposti sempliċi għal meta tal-familja jew tax-xogħol isaqsuh xi ħaġa. (2 Tim. 2:​24, 25) Fl-aħħar taʼ kull lezzjoni tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! għaddi l-parti “Ħafna Jgħidu” mal-istudent tiegħek. Inkuraġġixxi lill-istudent biex jipprattika miegħek u jispjega b’mod sempliċi dak li jemmen. Meta jkun hemm bżonn, għinu jispjega b’mod aħjar. Meta tieħu l-ħin biex tgħinu jipprattika, se jkun iktar kunfidenti meta jiġi biex jispjega dak li jemmen.

Oħt qed tgħin lill-istudenta tal-Bibbja tagħha tipprepara għas-service waqt l-istudju. L-istudenta qed tagħmel preżentazzjoni bil-fuljett “Fejn nistgħu nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja?”

Ipprattika mal-istudenti tal-Bibbja tiegħek kif jistgħu jgħidu lil oħrajn dwar dak li jemmnu (Ara paragrafu 17)c


18. Kif tistaʼ tinkuraġġixxi lill-istudent jibda jipprietka mal-kongregazzjoni u jsir pubblikatur mhux mgħammed? (Mattew 10:27)

18 Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba lil oħrajn. (Aqra Mattew 10:27.) Iktar ma student jibda jipprietka minn dar għal dar malajr, iktar se jesperjenza l-għajnuna taʼ Ġeħova u jitgħallem jafdah iktar. Imma kif tistaʼ tgħin student biex isir pubblikatur mhux mgħammed? Meta jkun hemm avviż li se jkun hemm kampanja taʼ ppritkar, inkuraġġixxi lill-istudent biex jara x’għandu jagħmel biex isir pubblikatur. Spjegalu li ħafna drabi jkun eħfef li tipprietka waqt kampanja. Barra minn hekk, tistaʼ tinkuraġġixxi lill-istudent tiegħek biex jipprova jikkwalifika ħalli jagħti taħditiet matul il-laqgħat taʼ fost l-ġimgħa. B’hekk se jkun qed jitgħallem kif jistaʼ jispjega aħjar dak li jemmen.

URI LI GĦANDEK FIDUĊJA FL-ISTUDENT

19. Ġesù kif wera fiduċja fid-dixxipli, u aħna kif nistgħu nimitawh?

19 Qabel ma Ġesù miet u telaʼ s-sema, qal lid-dixxipli tiegħu li xi darba kienu se jerġgħu jkunu flimkien. Huma ma fehmux li Ġesù kien qed jgħid għal meta huma kienu se jmorru fis-sema. (Ġw. 14:​1-5, 8) Imma għalkemm id-dixxipli ma kinux fehmuh, Ġesù kien ċert li huma riedu jobdu lil Ġeħova. Hu kien jaf li kellhom bżonn il-ħin biex jifhmu xi affarijiet, bħal pereżempju li huma kienu sejrin fis-sema. (Ġw. 16:12) Bħal Ġesù, aħna nistgħu nuru lill-istudent tagħna li għandna fiduċja fih li jrid jobdi lil Ġeħova.

Iktar ma student jibda jipprietka minn dar għal dar malajr, iktar se jesperjenza l-għajnuna taʼ Ġeħova u jitgħallem jafdah iktar

20. Oħt mill-Malawi kif uriet li kienet fiduċjuża fl-istudenta tagħha?

20 Aħna għandna nkunu fiduċjużi li l-istudent irid jagħmel il-ħaġa t-tajba. Aħseb dwar l-eżempju taʼ oħt mill-Malawi, jisimha Chifundo. Hi bdiet tistudja maʼ mara żagħżugħa li kienet Kattolika, jisimha Alinafe. Huma bdew jistudjaw il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Meta lestew minn lezzjoni 14, Chifundo staqsietha għall-opinjoni tagħha dwar li tuża l-istatwi biex tqim lil Alla. Alinafe dehret li ma ħaditx pjaċir u qaltilha, “Dik deċiżjoni tiegħi x’nagħmel!” Wara, Chifundo bdiet taħseb li Alinafe jaf tieqaf mill-istudju. Imma bil-paċenzja hi kompliet tistudja magħha u ttamat li maż-żmien kienet se tifhem li l-istatwi ma kinux tajbin. Xi xhur wara, Chifundo staqsietha l-mistoqsija f’lezzjoni 34: “Li tistudja dwar Ġeħova u l-Bibbja, kif għenek s’issa?” Alinafe semmiet ħafna affarijiet sbieħ. Waħda minnhom kienet li x-Xhieda ma jagħmlu xejn li l-Bibbja tgħid li hu ħażin. Ftit wara dan, Alinafe waqfet tuża l-istatwi u tgħammdet.

21. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent tal-Bibbja tagħna jagħżel li jaqdi lil Ġeħova?

21 Għalkemm “Alla hu li jkabbar,” aħna nistgħu ngħinu biex l-istudent tal-Bibbja jagħmel progress. (1 Kor. 3:7) Aħna ma rridux ngħallmuh biss xi jrid minnu Ġeħova. Pereżempju, aħna ngħinuh ikabbar l-imħabba tiegħu għal Ġeħova, ninkuraġġuh biex juri kemm iħobb lil Ġeħova billi jirranġa l-prijoritajiet tiegħu, u nuruh li hu jistaʼ jkun ċert li Ġeħova se jgħinu meta jkollu l-persekuzzjoni. Billi nuru li għandna fiduċja fih, aħna ngħinuh biex ikollu l-kuraġġ ħalli jagħżel li jaqdi lil Ġeħova.

KIF NISTGĦU NGĦINU STUDENT TAL-BIBBJA . . .

  • ikun jaf x’qed iwaqqfu milli jaqdi lil Ġeħova?

  • isir iħobb iktar lil Ġeħova?

  • jaġġusta l-prijoritajiet tiegħu?

GĦANJA 55 Tibżgħux minnhom!

a Sentejn u nofs wara li ltaqaʼ maʼ Ġesù, Nikodemu kien għadu membru tas-Sinedriju. (Ġw. 7:​45-52) Xi studjużi tal-Bibbja jaħsbu li Nikodemu sar dixxiplu wara li miet Ġesù.—Ġw. 19:​38-40.

b X’JURUNA L-ISTAMPI : Pietru u sajjieda oħra jitilqu n-negozju tas-sajd tagħhom biex imorru wara Ġesù.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Oħt qed tgħin lill-istudenta tal-Bibbja tagħha biex tipprepara ħalli tmur tipprietka.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja