LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 11/15 pp. 27-32
  • Mitt sena taħt it-tmexxija tas-Saltna!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mitt sena taħt it-tmexxija tas-Saltna!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦODOD LI GĦENU L-​QADDEJJA T’ALLA BIEX JIPPRITKAW
  • JINTUŻA KULL METODU POSSIBBLI BIEX JINTLAĦQU N-​NIES
  • INĦARRĠU L-​PREDIKATURI TAL-​AĦBAR TAJBA
  • Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Għodod għall-ippritkar—Il-produzzjoni taʼ letteratura għan-nies tad-dinja kollha
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Kompli Pprietka u Taqtax Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 11/15 pp. 27-32
Grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova jippreparaw biex joħorġu fil-ministeru bil-fonografi li setgħu jinġarru

Mitt sena taħt it-​tmexxija tas-​Saltna!

“L-​Alla tal-​paċi . . . jarmakom b’kull ħaġa tajba biex tagħmlu r-​rieda tiegħu.”—EBREJ 13:20, 21.

GĦANJIET: 136, 14

MATUL L-​AĦĦAR 100 SENA, . . .

  • liema għodod intużaw biex tixxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna?

  • liema metodi ġodda ntużaw?

  • liema taħriġ ingħata lill-​pubblikaturi tas-​Saltna?

1. Kemm kien importanti l-​ippritkar għal Ġesù? Spjega.

ĠESÙ kien iħobb jitkellem dwar is-​Saltna t’Alla. Waqt li Ġesù kien fuq l-​art, tkellem iktar dwar is-​Saltna minn kwalunkwe ħaġ’oħra. Hu semma s-​Saltna iktar minn 100 darba matul il-​ministeru tiegħu. Is-​Saltna kienet verament importanti għal Ġesù.—Aqra Mattew 12:34.

2. Kemm kien hemm uħud li semgħu l-​kmand imniżżel f’​Mattew 28:19, 20, u għala ngħidu hekk? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

2 Ftit wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù ltaqaʼ maʼ grupp taʼ iktar minn 500. (1 Korintin 15:6) Forsi dan ġara meta Ġesù ta l-​kmand biex jippritkaw lin-​“nies tal-​ġnus kollha.” Dax-​xogħol ma kienx se jkun faċli.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hu qalilhom li l-​ippritkar kellu jdum għal żmien twil, “sal-​konklużjoni tas-​sistema.” Meta tipprietka l-​aħbar tajba llum, tkun qed tgħin biex titwettaq din il-​profezija.—Mattew 28:19, 20.

3. Liema tliet affarijiet għenuna biex nippritkaw l-​aħbar tajba?

3 Wara li Ġesù ta l-​kmand biex jippritkaw, hu qal: “Jien magħkom.” (Mattew 28:20) Allura, Ġesù wiegħed lis-​segwaċi tiegħu li kien se jidderieġi l-​ippritkar u li se jgħinhom jippritkaw mad-​dinja kollha. Ġeħova wkoll hu magħna. Hu tana “kull ħaġa tajba” biex jgħinna nippritkaw. (Ebrej 13:20, 21) F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw tlieta minn dawn l-​affarijiet tajbin: (1) l-​għodod li ngħatajna, (2) il-​metodi li użajna, u (3) it-​taħriġ li ngħatajna. L-​ewwel, ejja nikkunsidraw xi għodod li użajna matul l-​aħħar 100 sena.

GĦODOD LI GĦENU L-​QADDEJJA T’ALLA BIEX JIPPRITKAW

4. Ħafna għodod differenti kif għenuna fl-​ippritkar?

4 Ġesù qabbel il-​messaġġ tas-​Saltna maʼ żerriegħa li hi miżrugħa f’tipi differenti taʼ ħamrija. (Mattew 13:18, 19) Biex ġardinar jipprepara l-​ħamrija, juża ħafna għodod differenti. B’mod simili, is-​Sultan tagħna tana għodod li nistgħu nużaw biex ngħinu lin-​nies jaċċettaw il-​messaġġ tagħna. Xi għodod kienu utli għal żmien qasir, filwaqt li oħrajn għadhom jintużaw sal-​lum il-​ġurnata. Imma l-​għodod kollha għenuna niżviluppaw l-​abbiltajiet tagħna fl-​ippritkar.

Il-​kard tat-​testimonjanza, għenet lil ħafna jibdew jippritkaw

5. X’kienet il-​kard tat-​testimonjanza, u kif kienet tintuża?

5 Fl-​1933, il-​pubblikaturi bdew jużaw il-​kard tat-​testimonjanza, għodda li għenet lil ħafna jibdew jippritkaw. Kienet kard żgħira b’messaġġ qasir u sempliċi minn fuq il-​Bibbja. Kultant kienet tiġi ppubblikata kard ġdida b’messaġġ ġdid. Ħuna Erlenmeyer kellu madwar 10 snin meta uża għall-​ewwel darba waħda minn dawn il-​kards tat-​testimonjanza. Hu spjega: “Normalment din l-​introduzzjoni konna nużaw, ‘Tistaʼ jekk jogħġbok taqra din il-​kard?’ Wara li l-​inkwilin kien jaqra l-​kard, konna nippreżentaw il-​letteratura u nitilqu ’l hemm.”

6. Il-​kard tat-​testimonjanza kif kienet taʼ għajnuna?

6 Il-​kard tat-​testimonjanza kienet tgħin lill-​pubblikaturi b’diversi modi. Pereżempju, xi pubblikaturi kienu mistħijin, u għalkemm verament riedu jippritkaw, ma kinux jafu x’għandhom jgħidu. Pubblikaturi oħra kienu kuraġġużi ħafna. Dawn kienu jgħidu lill-​inkwilin kulma kienu jafu fi ftit minuti biss, imma mhux dejjem qaluh bit-​tattika. Il-​kard tat-​testimonjanza kienet tgħin lil kull pubblikatur iwassal messaġġ ċar u sempliċi.

7. Xi wħud xi sfidi kien ikollhom meta użaw il-​kard?

7 Kien hemm l-​isfidi wkoll. Oħtna Grace Estep qalet: “Kultant, kienu jsaqsuna, ‘Allura dwar xiex inhi? Ma tistax taqbad u tgħidli dwarha?’” Barra minn hekk, xi inkwilini ma setgħux jaqraw il-​kard. Oħrajn sempliċement ħadu l-​kard u għalqu l-​bieb. Xi nies ma kinux jieħdu pjaċir bil-​messaġġ tagħna, u allura l-​kard kienu jġibuha rmied. Però, minkejja l-​isfidi, il-​kard tat-​testimonjanza għenet lill-​pubblikaturi biex jippritkaw lin-​nies u biex jiġu identifikati bħala predikaturi tas-​Saltna.

8. Il-​fonografu li setaʼ jinġarr kif kien jintuża? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 Għodda oħra li kienet tintuża wara l-​1930 kien il-​fonografu li setaʼ jinġarr. Xi aħwa kienu jsejħulu Aron għax l-​apparat kien jitkellem minflokhom. (Aqra Eżodu 4:14-​16.) Jekk l-​inkwilin ikun qabel li joqgħod jismaʼ, il-​pubblikatur kien isemmagħlu taħdita qasira bbażata fuq il-​Bibbja u mbagħad kien joffri xi letteratura. Kultant, familji sħaħ kienu jinġabru biex jisimgħu taħdita! Fl-​1934, l-​organizzazzjoni tagħna bdiet tagħmel fonografi li setgħu jinġarru magħmulin apposta għall-​ministeru. Maż-​żmien, l-​aħwa rrekordjaw 92 taħdita differenti.

9. Kemm kien effettiv il-​fonografu li setaʼ jinġarr?

9 Meta Hillary Goslin semaʼ waħda minn dawn it-​taħditiet, hu ssellef fonografu għal ġimgħa biex iwassal il-​messaġġ tal-​Bibbja lill-​ġirien tiegħu. Minħabba f’hekk, diversi nies interessaw ruħhom fil-​verità u tgħammdu. Maż-​żmien, iż-​żewġt ibniet taʼ Ħuna Goslin marru l-​Iskola taʼ Gilegħad u saru missjunarji. Bħall-​kard tat-​testimonjanza, il-​fonografu li setaʼ jinġarr għen lil ħafna pubblikaturi biex jibdew jippritkaw. Iktar tard, permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, is-​Sultan kien se jħarreġ lin-​nies tiegħu biex isiru għalliema effettivi.

JINTUŻA KULL METODU POSSIBBLI BIEX JINTLAĦQU N-​NIES

10, 11. Il-​gazzetti u r-​radju kif intużaw biex tiġi ppritkata l-​aħbar tajba, u għala dawn il-​metodi kienu effettivi?

10 Taħt it-​tmexxija tas-​Sultan tagħna, in-​nies t’Alla użaw metodi differenti biex jilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies fl-​ippritkar. Dawn il-​metodi kienu importanti b’mod partikulari meta kellna ftit ħaddiema biss. (Aqra Mattew 9:37.) Pereżempju, ħafna snin ilu l-​gazzetti kienu jintużaw biex tiġi ppritkata l-​aħbar tajba. Kull ġimgħa Ħuna Russell kien jibgħat taħdita bbażata fuq il-​Bibbja lil aġenzija tal-​aħbarijiet. Imbagħad, din kienet tibgħat it-​taħdita lil tal-​gazzetti fl-​Ewropa, l-​Istati Uniti, u l-​Kanada. Sal-​1913, it-​taħditiet taʼ Ħuna Russell kienu jiġu ppubblikati f’2,000 gazzetta u kienu jinqraw minn xi 15,000,000 persuna!

Il-​gazzetti u r-​radju kienu taʼ għajnuna biex jintlaħqu ħafna nies fi nħawi fejn kien hemm ftit aħwa

11 Ir-​radju wkoll intuża b’mod effettiv biex tiġi ppritkata l-​aħbar tajba. Fis-​16 t’April 1922, Ħuna Rutherford ta waħda mill-​ewwel taħditiet tiegħu fuq ir-​radju, u madwar 50,000 ruħ semgħuh. Ftit wara, bnejna l-​istazzjon tar-​radju tagħna stess li kien jismu WBBR, u l-​ewwel programm ixxandar fl-​24 taʼ Frar 1924. It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Diċembru 1924, qal: “Aħna nemmnu li r-​radju hu l-​aktar mezz ekonomiku u effettiv li qatt użajna biex naqsmu l-​messaġġ tal-​verità.” Bħall-​gazzetti, ir-​radju għenna nilħqu ħafna nies fi nħawi fejn kien hemm ftit aħwa.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova bilwieqfa ħdejn stand tal-letteratura waqt li qed jieħdu sehem fl-ippritkar f’postijiet pubbliċi

Ħafna pubblikaturi tas-Saltna jieħdu pjaċir jippritkaw f’postijiet pubbliċi u jgħidu lin-nies dwar il-Websajt tagħna (Ara paragrafi 12, 13)

12. (a) Liema huma l-​iktar tipi taʼ ppritkar f’postijiet pubbliċi li tieħu pjaċir tagħmel? (b) X’jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe biżaʼ li għandu mnejn ikollna dwar l-​ippritkar f’postijiet pubbliċi?

12 L-​ippritkar f’postijiet pubbliċi hu metodu effettiv li qed jintuża biex jintlaħqu n-​nies illum. Qed isiru ħafna sforzi biex il-​messaġġ jiġi ppritkat lin-​nies li jkunu fuq l-​istage, fl-​istazzjonijiet tat-​trejn, u fil-​parking areas, u kif ukoll fil-​pjazez u fis-​suq. Meta tipprietka f’postijiet pubbliċi, tkun beżgħan? Jekk inhu hekk, itlob l-​għajnuna mingħand Alla u kkunsidra dak li qal Ħuna Manera, indokratur li jivvjaġġa: “Aħna qisna kull aspett ġdid taʼ servizz bħala mod ieħor kif nistgħu naqdu lil Ġeħova, mod ieħor kif nistgħu nagħtu prova tal-​lealtà tagħna lejh, u bħala prova oħra tal-​integrità tagħna. U aħna konna ħerqanin li nagħtu prova li aħna lesti li naqduh b’kull mod li jitlob minna.” Meta negħlbu l-​beżgħat tagħna u nużaw metodi ġodda biex nippritkaw, insaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova u nsiru wħud li jippritkaw aħjar.—Aqra t-​2 Korintin 12:9, 10.

13. Il-​Websajt tagħna għala hu metodu effettiv tal-​ippritkar, u x’esperjenzi kellek meta użajtha?

13 Ħafna pubblikaturi jieħdu pjaċir jgħidu lin-​nies dwar il-​Websajt tagħna, jw.org, li minnha jistgħu jaqraw u jiddawnlowdjaw letteratura Biblika f’iktar minn 700 lingwa.Kull jum, iktar minn 1.6 miljun persuna jżuru l-​Websajt tagħna. Fil-​passat, ir-​radju laħaq in-​nies bl-​aħbar tajba f’postijiet iżolati. Illum, il-​Websajt tagħna qed tagħmel dan.

INĦARRĠU L-​PREDIKATURI TAL-​AĦBAR TAJBA

14. Il-​pubblikaturi liema taħriġ kellhom bżonn, u liema skola għenithom ikunu iktar għalliema effettivi?

14 L-​għodod u l-​metodi li ddiskutejna kienu effettivi ħafna. Però, il-​pubblikaturi lura f’dak iż-​żmien kellhom bżonn jitħarrġu kif ikunu predikaturi. Pereżempju, kultant inkwilin ma kienx jaqbel maʼ dak li kien jismaʼ mill-​fonografu. Però, ġieli inkwilin kien ikun interessat u kien ikun irid jitgħallem iktar. Il-​pubblikaturi kellhom bżonn ikunu jafu kif għandhom iwieġbu għal oġġezzjoni bit-​tattika u kif ikunu għalliema aħjar. Bla dubju, bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla, Ħuna Knorr induna li kien importanti għall-​pubblikaturi li jitgħallmu kif jitkellmu fil-​ministeru. Allura, mill-​1943, il-​kongregazzjonijiet bdew jorganizzaw l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Din l-​iskola għenet lil kulħadd biex isir għalliem effettiv.

15. (a) Xi wħud x’esperjenzaw meta taw taħdita fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku? (b) Il-​wegħda taʼ Ġeħova mniżżla f’​Salm 32:8, kif esperjenzajtha fil-​każ tiegħek?

15 Ħafna aħwa ma kinux imdorrijin jitkellmu quddiem udjenza. Ħuna Ramu jiftakar l-​ewwel taħdita li ta fl-​1944. It-​taħdita kienet dwar karattru Bibliku li jismu Duweg. Hu qal: “Irkopptejja bdew iħabbtu flimkien, idejja bdew jirtogħdu, u snieni kienu qed iċekċku.” Hu żied jgħid: “Din kienet l-​ewwel esperjenza tiegħi li nitkellem minn fuq il-​platform, imma ma qtajtx qalbi.” Għalkemm ma kienx faċli, it-​tfal ukoll taw taħditiet fl-​iskola. Ħuna Manera jiftakar x’ġara meta tfajjel ta l-​ewwel taħdita tiegħu: “Tant kemm kien eċċitat meta beda t-​taħdita tiegħu, li beda jibki. Imma peress li kien determinat li jagħmel it-​taħdita, baqaʼ għaddej bit-​taħdita avolja kien qed jibki matul it-​taħdita kollha.” Forsi ma tikkummentax jew ma tipparteċipax b’modi oħra waqt il-​laqgħat għax tistħi jew għax tħoss li m’intix kapaċi. Jekk inhu hekk, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tegħleb il-​beżgħat tiegħek. Hu se jgħinek bħalma għen lil dawn l-​istudenti tal-​bidu tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.—Aqra Salm 32:8.

Iktar minn 8,500 student ġew imħarrġin fl-​Iskola taʼ Gilegħad u ntbagħtu jaqdu f’170 pajjiż mill-​1943 ’l hawn

16. X’kienet il-​mira tal-​Iskola taʼ Gilegħad (a) fil-​passat u (b) mill-​2011?

16 L-​organizzazzjoni t’Alla pprovdiet ukoll taħriġ permezz tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Wieħed mill-​iskopijiet tal-​iskola hu li jgħin lill-​istudenti jsaħħu x-​xewqa li jippritkaw l-​aħbar tajba. L-​Iskola taʼ Gilegħad bdiet fl-​1943, u minn dakinhar, 8,500 student ġew imħarrġin u ntbagħtu jaqdu f’170 pajjiż. Mill-​2011, dawk li ġew mistidnin għall-​iskola kienu pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, jew missjunarji li għadhom ma marrux l-​Iskola taʼ Gilegħad.

17. Kemm hu effettiv it-​taħriġ taʼ Gilegħad?

17 Kienet l-​Iskola taʼ Gilegħad effettiva? Iva. Ikkunsidra dak li ġara fil-​Ġappun. F’Awwissu tal-​1949, kien hemm inqas minn 10 pubblikaturi f’dan il-​pajjiż. Imma sal-​aħħar taʼ dik is-​sena, kien hemm 13-​il missjunarju li kienu qed jippritkaw maʼ pubblikaturi lokali. Illum, hemm madwar 216,000 pubblikatur fil-​Ġappun, u kważi nofshom huma pijunieri!

18. Liema skejjel oħra għandna?

18 Għandna ħafna skejjel oħra, bħall-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, l-​Iskola għall-​Indokraturi li Jżuru l-​Kongregazzjonijiet u n-​Nisa Tagħhom, u l-​Iskola għall-​Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa u n-​Nisa Tagħhom. Dawn l-​iskejjel ħarrġu tajjeb lill-​aħwa rġiel u nisa u saħħewlhom il-​fidi. Huwa ċar li Ġesù jkompli jħarreġ lil ħafna nies.

19. Ħuna Russell x’qal dwar l-​ippritkar, u dan kif seħħ?

19 Is-​Saltna t’Alla ilha tmexxi għal iktar minn 100 sena. Matul dak iż-​żmien, is-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, idderieġa u għadu jidderieġi l-​ippritkar. Fl-​1916, Ħuna Russell emmen li l-​ippritkar tal-​aħbar tajba kien se jinfirex mad-​dinja kollha. Hu qal: “Ix-​xogħol qed jiżdied b’rata liema bħalha, u se jkompli jiżdied, għax l-​ippritkar ‘tal-​evanġelju tas-​saltna’ jrid isir mad-​dinja kollha.” (Faith on the March, minn A. H. Macmillan, paġna 69) Proprju hekk qed isir illum! Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova, l-​Alla tal-​paċi, li hu jagħtina kulma jkollna bżonn biex nagħmlu r-​rieda tiegħu!

a Aktarx li l-​maġġorparti tal-​grupp saru Kristjani. Għala ngħidu hekk? Għax l-​appostlu Pawlu jsejħilhom “ħames mitt ħu.” Hu jgħid ukoll: “Il-​biċċa l-​kbira minnhom għadhom ħajjin sa llum, imma xi wħud raqdu fil-​mewt.” Allura, jidher li Pawlu u Kristjani oħrajn kienu jafu ħafna minn dawk li kienu semgħu b’widnejhom stess il-​kmand li Ġesù ta biex jippritkaw.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Ġeħova tana “kull ħaġa tajba” biex jgħinna nippritkaw. Dawn l-​affarijiet tajbin jinkludu għodod, metodi, u taħriġ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja