Imita l-ħbieb tal-qalb taʼ Ġeħova
“L-intimità [jew il-ħbiberija mill-qrib] maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—SALM 25:14.
1-3. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nsiru l-ħbieb t’Alla? (b) Liema individwi se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
FIL-Bibbja, Abraham jissejjaħ il-ħabib t’Alla tliet darbiet. (2 Kronaki 20:7; Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Hu l-uniku individwu li b’mod dirett jissejjaħ il-ħabib t’Alla fil-Bibbja. Ifisser dan li Abraham hu l-uniku bniedem li qatt sar il-ħabib taʼ Ġeħova? Le. Il-Bibbja turina li lkoll kemm aħna jistaʼ jkollna dan il-privileġġ.
2 Il-Kelma t’Alla hi mimlija b’rakkonti taʼ ħafna rġiel u nisa leali li beżgħu minn Ġeħova, poġġew il-fidi fih, u saru ħbieb tal-qalb tiegħu. (Aqra Salm 25:14.) Dawn huma parti mis-‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li semma Pawlu. Dawn l-individwi differenti kollha kienu l-ħbieb t’Alla.—Ebrej 12:1.
3 Ejja nagħtu ħarsa mill-qrib lejn tlieta mill-ħbieb taʼ Ġeħova li jiġu deskritti fil-Bibbja: (1) Rut, armla leali minn Mowab, li kienet għadha żgħira, (2) Ħeżekija, sultan leali taʼ Ġuda, u (3) Marija, l-omm umli taʼ Ġesù. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif kull wieħed minnhom sar il-ħabib t’Alla?
URIET IMĦABBA LEALI
4, 5. Liema deċiżjoni diffiċli kellha tieħu Rut, u għala kienet tant diffiċli? (Ara l-ewwel stampa.)
4 Nagħomi u n-nisa taʼ wliedha, Rut u Għorfa, kienu mexjin id-distanza twila minn Mowab għall-Iżrael. Fit-triq, Għorfa ddeċidiet li tmur lura d-dar f’Mowab. Imma Nagħomi kienet determinata li tirritorna l-Iżrael, art twelidha. Rut xi ddeċidiet li tagħmel? Kellha tieħu deċiżjoni diffiċli ħafna. Kienet hi se tmur lura Mowab biex tkun mal-familja tagħha, jew kienet se tibqaʼ maʼ Nagħomi, il-kunjata tagħha, u tivvjaġġa lejn Betlem?—Rut 1:1-8, 14.
5 Il-familja taʼ Rut kienet tgħix f’Mowab. Setgħet tirritorna għandhom, u probabbli kienu jieħdu ħsiebha. Kienet taf in-nies, il-lingwa, u l-kultura taʼ Mowab. Nagħomi ma setgħetx twiegħed lil Rut dawn l-affarijiet f’Betlem. U Nagħomi beżgħet li ma kinitx se ssib raġel jew dar għal Rut. Għalhekk, Nagħomi qaltilha biex tmur lura Mowab. Bħalma rajna, Għorfa “marret lura lejn niesha u allatha.” (Rut 1:9-15) Imma Rut iddeċidiet li ma tmurx lura lejn niesha u l-allat foloz tagħhom.
6. (a) Rut x’għażla għaqlija għamlet? (b) Bogħaż għala tkellem dwar li Rut fittxet il-kenn taħt ġwinħajn Ġeħova?
6 Jidher li Rut tgħallmet dwar Ġeħova minn żewġha jew minn Nagħomi. Tgħallmet li Ġeħova ma kienx bħall-allat taʼ Mowab. Kienet tħobb lil Ġeħova u kienet taf li jistħoqqlu l-imħabba u l-qima tagħha. Allura Rut għamlet għażla għaqlija. Qalet lil Nagħomi: “Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Qalbna tqanqalna meta naħsbu dwar l-imħabba li Rut kellha għal Nagħomi. Imma iktar impressjonanti minn hekk hi l-imħabba taʼ Rut għal Ġeħova. Dan impressjona wkoll lil Bogħaż, li iktar tard faħħarha talli ‘fittxet il-kenn taħt ġwinħajn Ġeħova.’ (Aqra Rut 2:12.) Il-kliem li uża Bogħaż għandu mnejn ifakkarna fil-mod kif għasfur żgħir ifittex kenn taħt il-ġwienaħ tal-ġenituri tiegħu. (Salm 36:7; 91:1-4) B’mod simili, Ġeħova pproteġa lil Rut bi mħabba u ppremjaha għall-fidi tagħha. Rut qatt ma kellha raġuni biex jiddispjaċiha għad-deċiżjoni li ħadet.
7. X’jistaʼ jgħin lil dawk li jżommu lura milli jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova?
7 Ħafna nies jitgħallmu dwar Ġeħova imma jagħżlu li ma jistkennux fih. Iżommu lura milli jiddedikaw ħajjithom lilu u milli jitgħammdu. Jekk tħossok bl-istess mod, aħseb dwar għala qed iżżomm lura milli tieħu dan il-pass. Kulħadd jaqdi lil xi alla jew ieħor. (Ġożwè 24:15) L-iktar għażla għaqlija hi li taqdi lill-Alla l-veru. Meta tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova, tkun qed turi li tafda li se jkun taʼ kenn għalik. U hu se jgħinek tkompli taqdih minkejja kwalunkwe problema li jistaʼ jkollok. Alla hekk għamel għal Rut.
“BAQAʼ MQABBAD MAʼ ĠEĦOVA”
8. Iddeskrivi l-isfond taʼ Ħeżekija.
8 L-isfond taʼ Ħeżekija kien differenti ħafna minn dak taʼ Rut. Hu kien parti minn ġens li kien dedikat lil Alla. Imma mhux l-Iżraelin kollha baqgħu leali. Missier Ħeżekija, is-Sultan Aħaż, kien raġel mill-agħar. Wera diżrispett lejn it-tempju t’Alla u kkonvinċa lin-nies biex iqimu lil allat oħra. Aħaż saħansitra ħaraq lil xi wħud mill-aħwa taʼ Ħeżekija waqt li kienu għadhom ħajjin bħala sagrifiċċji lil alla falz. Ħeżekija kellu trobbija terribbli!—2 Slaten 16:2-4, 10-17; 2 Kronaki 28:1-3.
9, 10. (a) Ħeżekija għala setaʼ faċilment jirrabja kontra Ġeħova? (b) Għala m’għandniex niħduha kontra Ġeħova? (ċ) Għala m’għandniex naħsbu li t-trobbija tagħna se ġġegħelna nkunu nies tajbin jew ħżiena?
9 L-eżempju ħażin t’Aħaż setaʼ ġiegħel lil ibnu Ħeżekija jirrabja kontra Ġeħova jew isir mill-agħar bħal missieru. Illum, xi wħud li kellhom jissaportu ħafna inqas milli esperjenza Ħeżekija jħossu li għandhom raġuni tajba biex ‘jagħdbu kontra Ġeħova’ jew jiħduha kontra l-organizzazzjoni tiegħu. (Proverbji 19:3) Oħrajn iħossu li l-isfond ħażin tal-familja tagħhom jistaʼ jġegħelhom ikollhom ħajja ħażina jew jirripetu l-iżbalji tal-ġenituri tagħhom. (Eżekjel 18:2, 3) Imma dawn l-ideat huma minnhom?
10 Il-ħajja taʼ Ħeżekija turi biċ-ċar li t-tweġiba taʼ dik il-mistoqsija hija le! Qatt m’hemm raġuni tajba biex nirrabjaw maʼ Ġeħova. Mhuwiex it-tort tiegħu li jiġru affarijiet ħżiena lin-nies. (Ġob 34:10) Veru li l-ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. (Proverbji 22:6; Kolossin 3:21) Imma dan ma jfissirx li t-trobbija tagħna se tiddetermina x’tip taʼ persuna se nkunu. Għala? Għax Ġeħova tana r-rigal tal-libertà tal-għażla, jiġifieri li nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. (Dewteronomju 30:19) Ħeżekija kif uża dak ir-rigal prezzjuż?
Ħafna żgħażagħ jaċċettaw il-verità hi x’inhi t-trobbija tagħhom (Ara paragrafi 9, 10)
11. Ħeżekija għala kien wieħed mill-aqwa slaten taʼ Ġuda?
11 Għalkemm missieru kien wieħed mill-agħar slaten f’Ġuda, Ħeżekija sar wieħed mill-aqwa slaten. (Aqra t-2 Slaten 18:5, 6.) Għażel li ma jimxix fuq l-eżempju ħażin taʼ missieru. Minflok, għażel li jismaʼ bir-reqqa lill-profeti taʼ Ġeħova, bħalma huma Isaija, Mikea, u Ħosea. Qagħad attent ħafna għall-pariri u l-korrezzjoni li tawh. Dan qanqlu biex jirranġa ħafna mill-problemi li kien ħalaq missieru. Naddaf it-tempju, talab lil Alla biex jaħfer id-dnubiet tal-poplu, u qered l-idoli fil-pajjiż. (2 Kronaki 29:1-11, 18-24; 31:1) Iktar tard, meta s-sultan Assirjan Sennakerib hedded li jattakka lil Ġerusalemm, Ħeżekija wera kuraġġ u fidi kbira. Hu fada fil-protezzjoni taʼ Ġeħova u saħħaħ lin-nies tiegħu. (2 Kronaki 32:7, 8) Darba minnhom, Ħeżekija tkabbar imma meta Ġeħova kkoreġieh, umilja ruħu. (2 Kronaki 32:24-26) Jidher ċar li Ħeżekija hu eżempju mill-aħjar għalina biex nimitaw. Hu ma ħalliex l-isfond taʼ familtu tirrovinalu ħajtu. Minflok, wera li kien il-ħabib taʼ Ġeħova.
12. Bħal Ħeżekija, ħafna nies illum kif urew li huma l-ħbieb taʼ Ġeħova?
12 Id-dinja llum hi kattiva u bla mħabba, u ħafna tfal jitrabbew mingħajr ġenituri li jħobbuhom u li jimpurtahom minnhom. (2 Timotju 3:1-5) Għalkemm ħafna Kristjani llum kellhom trobbija diffiċli ferm, xorta waħda għażlu li jibnu ħbiberija maʼ Ġeħova. Bħal Ħeżekija, huma juru li l-isfond tal-familja tagħhom ma jiddeterminax x’tip taʼ persuna se jsiru fil-futur. Alla tana r-rigal tal-libertà tal-għażla, u aħna nistgħu nagħżlu li naqduh u nonorawh, bħalma għamel Ħeżekija.
“ARA! L-ILSIRA TAʼ ĠEĦOVA!”
13, 14. L-inkarigu taʼ Marija għala setaʼ kien xi ftit tal-biżaʼ għaliha, imma kif wieġbet għal dak li qalilha Gabrijel?
13 Ħafna snin wara żmien Ħeżekija, tfajla umli jisimha Marija kellha ħbiberija speċjali maʼ Ġeħova u inkarigu uniku. Kienet se tinqabad tqila, u twelled u trabbi lill-Iben t’Alla! Ġeħova żgur li kien iħobb u jafda lil Marija biex taha unur meraviljuż bħal dan. Imma kif irreaġixxiet meta l-ewwel semgħet dwar dan l-inkarigu?
“Ara! L-ilsira taʼ Ġeħova!” (Ara paragrafi 13, 14)
14 Spiss nitkellmu dwar l-unur kbir li ngħatat Marija. Imma fuqiex setgħet inkwetat? Pereżempju, l-anġlu Gabrijel spjegalha li kienet se tinqabad tqila mingħajr ma jkollha relazzjonijiet sesswali maʼ raġel. Imma Gabrijel ma offriex li jispjega lill-familja u l-ġirien tagħha kif kienet se tinqabad tqila. X’kienu se jaħsbu huma? Kif kienet se tikkonvinċi lil Ġużeppi li ma kinitx marret maʼ xi raġel? Minbarra dan, kellha r-responsabbiltà kbira li trabbi l-Iben t’Alla bħala bniedem! Ma nafux dak kollu li kienet tinkwieta dwaru Marija, imma nafu dak li għamlet wara li kellimha Gabrijel. Hi qalet: “Ara! L-ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.”—Luqa 1:26-38.
15. Il-fidi taʼ Marija għala tispikka?
15 Il-fidi taʼ Marija tassew tispikka! Kienet lesta li tagħmel dak kollu li ġie mitlub minnha, eżatt bħal ilsira. Hi fdat li Ġeħova kien se jieħu ħsiebha u jipproteġiha. Marija kif kellha fidi tant b’saħħitha? Ma nitwildux bil-fidi. Imma jistaʼ jkollna l-fidi jekk nikkultivawha u nitolbu lil Alla biex ibierek l-isforzi tagħna. (Galatin 5:22; Efesin 2:8) Marija ħadmet iebes biex issaħħaħ il-fidi tagħha. Kif nafu dan? Ejja nikkunsidraw kif kienet tat widen u dak li tkellmet dwaru.
16. X’juri li Marija kienet semmiegħa tajba?
16 Kif Marija tat widen. Il-Bibbja tgħid li ‘rridu nkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’ (Ġakbu 1:19) Marija kienet semmiegħa tajba. Il-Bibbja turina li semgħet b’attenzjoni dak li ntqal, speċjalment affarijiet li tgħallmet dwar Ġeħova. Ħadet il-ħin biex timmedita fuq dawn l-affarijiet importanti. Eżempju taʼ dan kien fit-twelid taʼ Ġesù meta r-ragħajja qalu lil Marija dwar messaġġ minn anġlu. Iktar tard, meta Ġesù kellu 12-il sena, qal xi ħaġa li għaġġbet lil Marija. Fiż-żewġ każijiet, Marija tat widen, ftakret dak li ntqal, u ħasbet bis-serjetà fuqu.—Aqra Luqa 2:16-19, 49, 51.
17. X’nistgħu nitgħallmu dwar Marija minn dak li qalet?
17 Dak li Marija tkellmet dwaru. Il-Bibbja ma tgħidilniex ħafna dwar dak li qalet Marija. L-iktar diskors twil tagħha nsibuh f’Luqa 1:46-55. Dawn il-versi juru li Marija kienet midħla sew tal-Iskrittura Ebrajka. Kif juru dan? Dak li qalet Marija kien simili għal dak li qalet Ħanna, omm Samwel, fit-talba tagħha. (1 Samwel 2:1-10) Jidher li Marija kkwotat l-Iskrittura madwar 20 darba fid-diskors tagħha. Dan juri ċar li kienet tieħu gost titkellem dwar il-veritajiet li tgħallmet mill-akbar Ħabib tagħha, Ġeħova.
18. B’liema modi nistgħu nimitaw il-fidi taʼ Marija?
18 Bħal Marija, kultant nafu nirċievu inkarigi mingħand Ġeħova li nħossu li huma diffiċli wisq għalina. Ejja nimitaw l-eżempju tagħha billi b’umiltà naċċettaw l-inkarigu u nafdaw li Ġeħova se jgħinna. Nistgħu wkoll nimitaw il-fidi taʼ Marija meta nisimgħu bir-reqqa dak li jgħidilna Ġeħova u nimmeditaw fuq dak li tgħallimna dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu. Imbagħad, bil-ferħ nistgħu ngħidu lil oħrajn dwar dak li tgħallimna.—Salm 77:11, 12; Luqa 8:18; Rumani 10:15.
19. Hekk kif nimitaw l-eżempji li jispikkaw tal-fidi li hemm fil-Bibbja, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
19 Jidher ċar li Rut, Ħeżekija, u Marija kienu l-ħbieb taʼ Ġeħova, bħalma kien Abraham. Kienu parti minn ‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li wkoll kellhom il-privileġġ li jkunu l-ħbieb t’Alla. Jalla nkomplu nimitaw dawn l-eżempji li jispikkaw tal-fidi. (Ebrej 6:11, 12) Jekk nagħmlu dan, nistgħu nħarsu ’l quddiem għall-premju taʼ li nkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova għal dejjem!