LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w16 Novembru pp. 27-32
  • Inħelsu mir-​reliġjon falza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inħelsu mir-​reliġjon falza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​WAQGĦA TAʼ BABILONJA
  • ŻELU WAQT L-​EWWEL GWERRA DINJIJA
  • FTIT KORREZZJONI MEĦTIEĠA
  • FL-​AĦĦAR IL-​POPLU T’ALLA KIEN ĦIELES!
  • Imsejħin minn ġod-​dlam
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Is-Saltna titwieled fis-sema
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • 1919—Mitt sena ilu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Għallem lill-Ġwejdin Jimxu fil-Mogħdija t’Alla
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
w16 Novembru pp. 27-32
Studenta tal-Bibbja taqra pubblikament l-ittra taʼ riżenja tagħha mill-knisja tagħha

Inħelsu mir-​reliġjon falza

“Oħorġu minnha, poplu tiegħi.”—RIVELAZZJONI 18:4.

GĦANJIET: 101, 93

INT KIF TWIEĠEB?

  • L-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu x’kienu determinati li jagħmlu dwar Babilonja l-​Kbira?

  • Il-​poplu t’Alla għala kellu bżonn xi korrezzjoni matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, imma x’ma rridux nassumu?

  • Il-​midlukin meta ġew meħlusin mill-​jasar Babiloniż?

1. Kif nafu li l-​poplu t’Alla kien se jinħeles minn Babilonja l-​Kbira, u liema mistoqsijiet se jiġu mwieġba?

FL-​ARTIKLU taʼ qabel, tgħallimna li l-​Kristjani leali saru lsiera taʼ Babilonja l-​Kbira. L-​aħbar tajba hi li ma kinux se jibqgħu lsiera għal dejjem. Aħna nafu dan għax fil-​Bibbja, Alla kkmanda lill-​poplu tiegħu biex ‘joħroġ’ mill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Aqra Rivelazzjoni 18:4.) Dan juri li l-​Kristjani kienu se jinħelsu minn Babilonja l-​Kbira. Aħna ħerqanin biex inkunu nafu meta kienu se jinħelsu! Imma l-​ewwel, irridu nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: L-​Istudenti tal-​Bibbja x’kienu determinati li jagħmlu dwar Babilonja l-​Kbira saħansitra qabel l-​1914? Ħutna kemm kienu żelużi fix-​xogħol tal-​ippritkar waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija? Matul dak iż-​żmien, kien il-​poplu t’Alla lsir taʼ Babilonja minħabba li kellu bżonn jiġi kkoreġut?

IL-​WAQGĦA TAʼ BABILONJA

2. L-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu xi ddeċidew li jagħmlu saħansitra qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

2 Ħafna snin qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija (1914-​1918), Charles Taze Russell u Studenti tal-​Bibbja oħrajn indunaw li l-​Kristjaneżmu ma kienx qed jgħallem il-​verità mill-​Bibbja. Allura huma riedu li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mar-​reliġjon falza. Anki fl-​1879, Zion’s Watch Tower qal li kull knisja li ssostni li hi l-​għarusa leali taʼ Kristu imma li fil-​fatt tappoġġja l-​gvernijiet hi fil-​verità parti minn Babilonja l-​Kbira, li l-​Bibbja ssejħilha prostituta.—Aqra Rivelazzjoni 17:1, 2.

3. L-​Istudenti tal-​Bibbja x’għamlu biex juru li ma kinux iktar parti mir-​reliġjon falza? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Irġiel u nisa leali kienu jafu illi kieku komplew jappoġġjaw ir-​reliġjon falza, Alla ma kienx se jberikhom. Allura, ħafna minnhom bagħtu ittri lill-​knejjes tagħhom biex jgħidulhom li ma ridux jibqgħu iktar membri. Xi wħud saħansitra qraw l-​ittri tagħhom b’leħen għoli quddiem il-​knisja kollha. Fejn dan ma kienx permess, huma bagħtu ittra lil kull membru tal-​knisja. L-​Istudenti tal-​Bibbja għamluha ċara li riedu li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mar-​reliġjon falza! Snin qabel, setgħu ġew maqtula talli għamlu dan. Imma sal-​1870, il-​gvernijiet f’ħafna pajjiżi ma kinux qed jappoġġjaw il-​knejjes daqs kemm kienu qabel. Issa n-​nies setgħu jitkellmu bil-​libertà dwar il-​Bibbja u anki ma jaqblux mal-​knejjes.

4. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istudenti tal-​Bibbja kif kienu jqisuha lil Babilonja l-​Kbira? Spjega.

4 L-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu li ma kienx biżżejjed għalihom li jgħidu lill-​familja, lill-​ħbieb tal-​qalb, u lill-​membri tal-​knisja li huma m’għadhomx jappoġġjaw ir-​reliġjon falza. Huma riedu lid-​dinja kollha tkun taf li Babilonja l-​Kbira hija prostituta reliġjuża! Allura bejn Diċembru 1917 u l-​bidu tal-​1918, il-​ftit eluf taʼ Studenti tal-​Bibbja b’żelu qassmu 10,000,000 kopja taʼ fuljett li kien fih artiklu jismu “The Fall of Babylon” (Il-​waqgħa taʼ Babilonja). Dal-​fuljett bla biżaʼ rrivela l-​verità dwar il-​Kristjaneżmu. Bħalma tistaʼ timmaġina, il-​mexxejja tal-​knisja kienu fferoċjati! Imma l-​Istudenti tal-​Bibbja ma waqfux. Kienu determinati li jibqgħu jippritkaw u jobdu “lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29) Dan x’jurina? Jurina li matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, dawn il-​Kristjani rġiel u nisa ma kinux deħlin fil-​jasar; minflok, huma kienu fil-​fatt qed jinħelsu mir-​reliġjon falza u kienu qed jgħinu lil oħrajn jagħmlu l-​istess.

ŻELU WAQT L-​EWWEL GWERRA DINJIJA

5. Għala ngħidu li l-​aħwa kienu żelużi ħafna waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

5 Fil-​passat, għedna li l-​poplu t’Alla ma kellux l-​approvazzjoni tiegħu waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija għax ma ppritkax biż-​żelu. Għal din ir-​raġuni konna nemmnu li Ġeħova kien ħalla lil Babilonja l-​Kbira tiħodhom bħala lsiera għal żmien qasir. Madankollu, aħwa rġiel u nisa leali li qdew ’l Alla bejn l-​1914 u l-​1918 iktar tard spjegaw li bħala grupp, huma għamlu kulma setgħu biex ikomplu jippritkaw. Fehma aħjar taʼ dak li ġara lill-​Istudenti tal-​Bibbja matul dak iż-​żmien tgħinna nifhmu ċerti ġrajjiet imniżżlin fil-​Bibbja.

Aħwa rġiel u nisa leali li qdew ’l Alla bejn l-​1914 u l-​1918 għamlu kulma setgħu biex ikomplu jippritkaw

6, 7. (a) Xi sfidi kellhom l-​Istudenti tal-​Bibbja matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija? (b) X’juri li l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu żelużi?

6 Fil-​fatt, matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu beżlin ħafna fix-​xogħol tal-​ippritkar. Imma kellhom ukoll diversi sfidi. Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom. L-​ewwel nett, l-​Istudenti tal-​Bibbja ma kinux tgħallmu jippritkaw billi jużaw il-​Bibbja biss. Kienu mdorrijin iqassmu l-​kotba u jħallu l-​letteratura tispjega l-​verità. Allura meta l-​ktieb The Finished Mystery ġie projbit mill-​gvern fil-​bidu tal-​1918, għal ħafna mill-​aħwa l-​ippritkar sar diffiċli. Sfida oħra dik is-​sena stess kienet meta bdiet l-​influwenza Spanjola. Din il-​marda terribbli kienet tittieħed ħafna u għamlitha diffiċli għall-​aħwa biex jivvjaġġaw u jippritkaw. Imma minkejja dawn l-​isfidi, l-​Istudenti tal-​Bibbja għamlu kulma setgħu biex ikomplu x-​xogħol tal-​ippritkar.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, Studenti tal-Bibbja ppritkaw permezz taʼ letteratura Biblika u l-Photo-​Drama of Creation

Dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu żelużi! (Ara paragrafi 6, 7)

7 Fl-​1914, il-​grupp żgħir tal-​Istudenti tal-​Bibbja ppreżentaw il-​“Photo-​Drama of Creation.” Din il-​preżentazzjoni, imsejħa wkoll The Drama, għaqqdet is-​slajds u l-​istampi li jiċċaqalqu flimkien mas-​sawnd u kienet xi ħaġa ġdida għal dak iż-​żmien. Kienet dwar l-​istorja tal-​umanità mill-​ħolqien taʼ Adam sa tmiem ir-​Renju taʼ Kristu. Fl-​1914, l-​ewwel sena li bdiet tintwera, rawha iktar minn 9,000,000 persuna. Aħseb ftit. Dan hu iktar min-​numru taʼ Xhieda taʼ Ġeħova fid-​dinja kollha llum! Rapporti oħra juru li fl-​1916, iktar minn 809,000 persuna attendew laqgħat pubbliċi fl-​Istati Uniti, u fl-​1918 dan in-​numru telaʼ għal kważi 950,000. Dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu żelużi!

L-​aħwa li kienu jmexxu ħadmu iebes ħafna biex jipprovdu letteratura Biblika u inkuraġġiment għall-​Istudenti tal-​Bibbja kollha

8. L-​aħwa li kienu jmexxu kif saħħew lill-​Istudenti tal-​Bibbja matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

8 Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​aħwa li kienu jmexxu ħadmu iebes ħafna biex jipprovdu letteratura Biblika u inkuraġġiment għall-​Istudenti tal-​Bibbja kollha. Dan l-​appoġġ bi mħabba saħħaħhom biex ikomplu jippritkaw. Richard H. Barber, li kien predikatur żeluż matul dak iż-​żmien, qal: “Irnexxielna nżommu ftit indokraturi li jivvjaġġaw ikomplu għaddejjin bix-​xogħol tagħhom, kif ukoll li jibqaʼ jitqassam It-​Torri tal-​Għassa u li jintbagħat il-​Kanada fejn kien projbit.” Hu kompla: “Kelli l-​privileġġ li nibgħat bil-​posta kopji żgħar li joqogħdu fil-​but tal-​ktieb The Finished Mystery lil numru t’aħwa li kienu tilfu l-​kopja tagħhom minħabba li ġiet ikkonfiskata. Ħuna Rutherford talabna norganizzaw konvenzjonijiet f’diversi bliet fl-​Istati Uniti tal-​Punent u nibagħtu kelliema biex jipprovaw jinkuraġġixxu lill-​aħwa kemm jistaʼ jkun.”

FTIT KORREZZJONI MEĦTIEĠA

9. (a) Il-​poplu t’Alla għala kellu bżonn ftit korrezzjoni bejn l-​1914 u l-​1919? (b) Għalkemm kellu bżonn ftit korrezzjoni, xi jkun ħażin li naħsbu?

9 Kien għad hemm xi ħaġa li l-​Istudenti tal-​Bibbja kellhom bżonn jikkoreġu. Huma ma kinux fehmu bis-​sħiħ x’kien ifisser meta Ġeħova qal biex jobdu l-​gvernijiet. (Rumani 13:1) Dan hu għala bħala grupp, huma mhux dejjem kienu newtrali matul il-​gwerra. Pereżempju, meta l-​president tal-​Istati Uniti qal lin-​nies biex jitolbu għall-​paċi fit-​30 taʼ Mejju 1918, It-​Torri tal-​Għassa inkuraġġixxa lill-​Istudenti tal-​Bibbja biex jitolbu wkoll. Xi aħwa taw sapport finanzjarju għall-​gwerra, u xi ftit minnhom saħansitra saru suldati u marru għall-​gwerra. Imma allavolja kellhom bżonn ftit korrezzjoni, hu ħażin li naħsbu li din kienet ir-​raġuni għala kienu fil-​jasar taʼ Babilonja l-​Kbira. Il-​ħaġa hi, li huma kienu kważi sseparaw ruħhom kompletament mill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza fi żmien l-​Ewwel Gwerra Dinjija.—Aqra Luqa 12:47, 48.

L-​Istudenti tal-​Bibbja ma fehmux għalkollox x’kien ifisser li l-​Kristjani jkunu newtrali. Imma kienu jafu li kien ħażin li toqtol

10. L-​Istudenti tal-​Bibbja kif urew rispett lejn il-​ħajja?

10 Veru, l-​Istudenti tal-​Bibbja ma fehmux għalkollox x’kien ifisser li l-​Kristjani jkunu newtrali. Imma kienu jafu li kien ħażin li toqtol lil xi ħadd. Allura anki l-​ftit aħwa li saru suldati u ġarrew l-​armi waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija rrifjutaw li jużawhom biex joqtlu persuna oħra. Xi ftit li rrifjutaw li joqtlu tpoġġew fuq quddiem fil-​battalja biex b’hekk jiġu maqtula.

11. Il-​gvernijiet kif irreaġixxew meta l-​Istudenti tal-​Bibbja rrifjutaw li jiġġieldu fil-​gwerra?

11 Ix-​Xitan kien irrabjat minħabba l-​lealtà tal-​aħwa lejn Alla. Għalhekk, hu qalaʼ “l-​inkwiet permezz taʼ digriet [jew liġi].” (Salm 94:20) Ġeneral tal-​Armata tal-​Istati Uniti, James Franklin Bell, qal lil Ħutna Rutherford u Van Amburgh li l-​gvern kien ipprova jagħmel liġi ġdida li kienet se tippermetti li tingħata s-​sentenza tal-​mewt lil kull min jirrifjuta li jiġġieled fil-​gwerra. Hu rrefera b’mod partikulari għall-​Istudenti tal-​Bibbja. Il-​ġeneral b’rabja qal lil Ħuna Rutherford li l-​liġi ma saritx għax il-​president tal-​Istati Uniti ma ħallihiex tgħaddi. Imbagħad il-​ġeneral qal: “Imma nafu kif insibu tarfkom, u hekk se nagħmlu!”

12, 13. (a) Tmint aħwa għala ngħataw sentenzi twal il-​ħabs? (b) Il-​ħabs ġegħelhom jitilfu d-​determinazzjoni tagħhom biex jobdu lil Ġeħova? Spjega.

12 Fl-​aħħar, il-​gvern sab mod kif jikkastiga lill-​Istudenti tal-​Bibbja. Ħutna Rutherford u Van Amburgh, flimkien maʼ sitta oħra li wkoll irrappreżentaw lill-​Watch Tower Society, ġew arrestati. L-​imħallef li kien qed jieħu ħsieb il-​każ qal li dawn l-​aħwa kienu perikolużi iktar minn riġment suldati Ġermaniżi. Hu qal li huma kienu offendew lill-​gvern, lill-​militar, u lill-​knejjes kollha u li kellhom jiġu kkastigati bl-​aħrax.[1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Allura t-​tmien Studenti tal-​Bibbja ngħataw sentenzi twal għall-​ħabs taʼ Atlanta, Georgia. Madankollu, meta l-​gwerra spiċċat, huma ġew meħlusin u l-​akkużi kontrihom ġew irtirati.

13 Anki waqt li kienu fil-​ħabs, dawn it-​tmint irġiel kienu determinati li jobdu l-​liġi t’Alla. Kif nafuh dan? Huma kitbu lill-​president tal-​Istati Uniti biex jitolbuh jeħlishom mill-​ħabs. Fl-​ittra, huma qalu li l-​Bibbja tgħidilna li m’għandniex noqtlu, allura kull min hu ddedikat lil Alla u li minn jeddu ma jobdihx kien se jitlef l-​approvazzjoni tiegħu u jinqered. Huma spjegaw li kien għalhekk li ma setgħux u li ma kinux se joqtlu bniedem ieħor. Kienu kuraġġużi ferm biex jiktbu dan lill-​president! Bla dubju, dawn l-​aħwa qatt ma kienu se jitilfu d-​determinazzjoni tagħhom biex jobdu lil Ġeħova.

FL-​AĦĦAR IL-​POPLU T’ALLA KIEN ĦIELES!

14. Mill-​Iskrittura, iddeskrivi dak li ġara mill-​1914 sal-​1919.

14 Malakija 3:1-​3 jispjega x’ġara lill-​Istudenti tal-​Bibbja bejn l-​1914 u l-​bidu tal-​1919. (Aqra.) Alla Ġeħova, “il-​Mulej il-​veru,” u Ġesù Kristu, “il-​messaġġier tal-​patt,” ġew biex jispezzjonaw lil “ulied Levi,” li rrappreżentaw lill-​midlukin. Wara li Ġeħova kkoreġiehom u naddafhom, huma kienu lesti biex jirċievu inkarigu ġdid. Fl-​1919, Ġesù ħatar “ilsir leali u għaqli,” li ġie inkarigat biex imexxi u jgħallem lill-​qaddejja kollha t’Alla. (Mattew 24:45) Il-​poplu t’Alla fl-​aħħar kien meħlus minn Babilonja l-​Kbira. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, huma kienu qed jitgħallmu iżjed dwar ir-​rieda t’Alla, u mħabbithom lejh kibret saħansitra iktar. Kemm huma grati għall-​barka tiegħu![2]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

15. Kif nistgħu nuru li aħna grati li ġejna meħlusin minn Babilonja l-​Kbira?

15 Aħna grati ferm li ġejna meħlusin minn Babilonja l-​Kbira. Satana ma setax jeqred il-​qima vera. Hu falla! Madankollu, irridu niftakru għala Ġeħova ħelisna. L-​iskop tiegħu hu li n-​nies kollha jiġu salvati. (2 Korintin 6:1) Imma r-​reliġjon falza xorta għadha tikkontrolla lil miljuni taʼ nies sinċieri, u dawn għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna! Ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nimitaw lil ħutna leali billi ngħinu lin-​nies jinħelsu.

^ [1] (paragrafu 12) Ara l-​ktieb Faith on the March, miktub minn A. H. Macmillan, paġna 99.

^ [2] (paragrafu 14) Hemm ħafna affarijiet simili bejn il-​jasar tal-​Lhud f’Babilonja u dak li ġara lill-​Kristjani wara li bdiet l-​apostasija. Minkejja dan, ma nistgħux ngħidu li l-​jasar tal-​Lhud irrappreżenta dak li ġara lill-​Kristjani midlukin, allura m’għandniex nipprovaw insibu tifsir profetiku għal kull dettall. Hemm xi ftit differenzi. Eżempju wieħed hu li l-​Lhud damu 70 sena fil-​jasar, imma l-​Kristjani damu ħafna iktar minn hekk.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Il-​Kristjaneżmu: Reliġjonijiet li jgħidu li huma Kristjani imma li ma jsegwux il-​verità mill-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja