Ngħinu lit-tfal tar-“residenti barranin”
“M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-verità.”—3 ĠWANNI 4.
1, 2. (a) Ħafna mit-tfal tal-immigranti xi problema jesperjenzaw? (b) X’mistoqsijiet se jiddiskuti dan l-artiklu?
“MINDU kont żgħir, tkellimt bil-lingwa tal-ġenituri tiegħi, li kienu immigranti, kemm fid-dar u kemm fil-kongregazzjoni,” jgħid Joshua. “Imma wara li bdejt immur l-iskola, bdejt nippreferi l-lingwa lokali. Fi ftit snin, kont nitkellem biss bil-lingwa lokali. Ma stajtx nifhem dak li jingħad fil-laqgħat, u ma ħassejtnix nagħmel parti mill-kultura tal-ġenituri.” L-esperjenza taʼ Joshua hi komuni.
2 Illum, hemm iktar minn 240,000,000 persuna li ma jgħixux fil-pajjiż fejn twieldu. Jekk int ġenitur immigrant, kif tistaʼ tagħti l-aħjar opportunità possibbli lil uliedek biex jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova u “jkomplu mexjin fil-verità”? (3 Ġwanni 4) U oħrajn kif jistgħu jgħinu?
ĠENITURI, AGĦTU EŻEMPJU TAJJEB
3, 4. (a) Il-ġenituri kif jistgħu jagħtu eżempju tajjeb lil uliedhom? (b) Il-ġenituri x’m’għandhomx jistennew minn uliedhom?
3 Ġenituri, l-eżempju tagħkom hu importanti ħafna jekk tixtiequ li wliedkom ikollhom relazzjoni personali maʼ Ġeħova u jgħixu għal dejjem. Meta wliedkom jarawkom ‘tfittxu l-ewwel is-saltna,’ huma se jitgħallmu jistrieħu fuq Ġeħova għall-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum. (Mattew 6:33, 34) Minflok ma tfittex li tikseb iktar u iktar affarijiet materjali, agħti prijorità lis-servizz tiegħek lil Ġeħova. Għix b’mod modest u pprova evita d-dejn. Fittex “teżor fis-sema,” jiġifieri, l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, u mhux il-flus jew “il-glorja tal-bnedmin.”—Aqra Marku 10:21, 22; Ġwanni 12:43.
4 Qatt issir tant impenjat li ma jifdallekx ħin għal uliedek. Urihom li int kburi bihom meta jiddeċiedu li jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel minflok ma jfittxu li jiksbu l-fama jew il-flus, kemm jekk għalihom infushom u kemm jekk għalik. Evita l-mentalità żbaljata li t-tfal għandhom jipprovdu ħajja komda ħafna għall-ġenituri. Ftakar li “t-tfal m’għandhomx ifaddlu għall-ġenituri, imma l-ġenituri għal uliedhom.”—2 Korintin 12:14.
ĠENITURI, IPPROVAW EGĦLBU L-PROBLEMI TAL-LINGWA
5. Għala għandhom il-ġenituri jitkellmu spiss dwar Ġeħova maʼ wliedhom?
5 Bħalma ġie pprofetizzat, nies “mill-ilsna kollha tal-ġnus” qed jidħlu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Żakkarija 8:23) Imma jekk uliedek ma jifhmux il-lingwa tiegħek sew, jistaʼ jkun diffiċli għalik li tgħallimhom il-verità. Uliedek huma l-iktar studenti tal-Bibbja importanti li qatt se jkollok, u li “jieħdu għarfien” dwar Ġeħova jfisser il-ħajja taʼ dejjem tagħhom. (Ġwanni 17:3) Sabiex it-tfal tiegħek jitgħallmu t-tagħlim taʼ Ġeħova, int għandek ‘titkellem dwaru’ spiss.—Aqra Dewteronomju 6:6, 7.
Uliedek huma l-iktar studenti tal-Bibbja importanti li qatt se jkollok
6. It-tfal tiegħek kif jistgħu jibbenefikaw milli jitgħallmu l-lingwa tiegħek? (Ara l-ewwel stampa.)
6 X’aktarx uliedek se jitgħallmu l-lingwa lokali mill-iskola u mingħand oħrajn. Imma huma jitgħallmu l-lingwa tiegħek meta int titkellem magħhom regolarment. Meta wliedek jitkellmu bil-lingwa tiegħek, se jsibuha iktar faċli biex jitkellmu miegħek u jgħidulek kif iħossuhom. Imma hemm benefiċċji oħra. Meta t-tfal tiegħek jitkellmu b’iktar minn lingwa waħda, dan itejjeb l-abbiltà tagħhom li jaħsbu u jgħinhom jifhmu l-ħarsa t’oħrajn. Dan jistaʼ jagħtihom ukoll opportunità jagħmlu iktar fil-ministeru. “Nieħu pjaċir naqdi f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija,” tgħid Carolina, li l-ġenituri tagħha huma immigranti. “U huwa eċċitanti li qed ngħin fejn il-bżonn hu akbar.”
7. X’tistaʼ tagħmel jekk il-lingwa hi taʼ sfida fil-familja tiegħek?
7 Madankollu, hekk kif jitgħallmu l-lingwa u l-kultura lokali, xi tfal tal-immigranti jistgħu jitilfu x-xewqa u saħansitra l-abbiltà li jikkomunikaw bil-lingwa tal-ġenituri tagħhom. Ġenituri, jekk dan jiddeskrivi lil uliedkom, tistgħu almenu titgħallmu ftit mil-lingwa lokali? Se jkun iktar faċli li trabbu lil uliedkom bħala Kristjani jekk tifhmu l-konversazzjonijiet, id-divertiment, u l-ħowmwerk tagħhom u jekk tkunu tistgħu titkellmu direttament mal-għalliema tagħhom. Veru, li titgħallem lingwa ġdida jirrikjedi l-ħin, l-isforz, u l-umiltà. Imma hi xi ħaġa taʼ min jagħmilha. Pereżempju, jekk it-tifel tiegħek b’xi mod jitlef is-smigħ, sejjer int ma tipprovax titgħallem il-lingwa tas-sinjali sabiex tkun tistaʼ tikkomunika miegħu? Ma taqbilx li tifel li jikkomunika aħjar b’lingwa oħra jistħoqqlu l-istess attenzjoni?a—Ara n-nota taʼ taħt.
8. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jekk int ma titkellimx sew bil-lingwa lokali?
8 Jistaʼ jkun diffiċli ħafna għal xi ġenituri immigranti biex isiru fluwenti fil-lingwa l-ġdida taʼ wliedhom. Dan jistaʼ ma jagħmilhiex faċli għall-ġenituri biex jgħinu lit-tfal tagħhom jifhmu “l-kitba qaddisa.” (2 Timotju 3:15) Jekk int qiegħed f’din is-sitwazzjoni, xorta tistaʼ tgħin lil uliedek isiru jafu u jħobbu lil Ġeħova. “Ommna, li trabbina waħedha, ma tantx kienet tifhem il-lingwa li aħna konna nifhmu l-iktar, u jien u ħuti l-bniet ma konniex nitkellmu sew bil-lingwa tagħha,” jgħid anzjan jismu Shan. “Imma meta rajnieha tistudja, titlob, u tagħmel l-almu tagħha biex tagħmlilna l-qima bħala familja kull ġimgħa, aħna fhimna illi li nsiru nafu lil Ġeħova kien importanti ħafna.”
9. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu tfal li jistaʼ jkollhom bżonn jistudjaw b’żewġ lingwi?
9 Xi tfal jistaʼ jkollhom bżonn jitgħallmu dwar Ġeħova b’żewġ lingwi. Għala? Għax jużaw lingwa waħda l-iskola u oħra d-dar. Għalhekk, xi ġenituri jużaw letteratura, rekordings bl-awdjo, u vidjows biż-żewġ lingwi. Biċ-ċar, ġenituri immigranti għandhom jaħdmu iktar iebes sabiex jgħinu lil uliedhom jersqu qrib lejn Ġeħova.
TAʼ LIEMA LINGWA GĦANDEK TATTENDI L-LAQGĦAT?
10. (a) Min għandu jiddeċiedi taʼ liema lingwa l-familja għandha tattendi l-laqgħat? (b) Il-kapijiet tal-familja x’għandhom jagħmlu qabel ma jieħdu deċiżjoni?
10 Meta “residenti barranin” ikunu jgħixu ’l bogħod minn Xhieda oħra li jitkellmu bil-lingwa tagħhom, huma jkollhom bżonn jassoċjaw maʼ kongregazzjoni li titkellem bil-lingwa lokali. (Salm 146:9) Imma jekk hemm kongregazzjoni viċin li tuża l-lingwa tagħhom proprja, il-kap tal-familja għandu jiddeċiedi b’liema lingwa hu l-aħjar li l-familja tattendi l-laqgħat. Qabel ma jieħu d-deċiżjoni, hu se jaħseb sew u jitlob dwarha. Ukoll, se jitkellimha mal-mara u t-tfal. (1 Korintin 11:3) Hu x’se jikkunsidra? Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuh jieħu d-deċiżjoni?
Il-kap tal-familja għandu jiddeċiedi b’liema lingwa hu l-aħjar li l-familja tattendi l-laqgħat
11, 12. (a) Il-lingwa kif taffettwa kemm it-tfal jibbenefikaw mil-laqgħat? (b) Xi tfal għaliex ma jridux jitgħallmu l-lingwa tal-ġenituri?
11 Il-ġenituri għandhom iqisu dak li verament għandhom bżonn uliedhom. Biex jifhmu l-veritajiet tal-Bibbja sew, it-tfal għandhom bżonn iktar minn sempliċement ftit sigħat taʼ tagħlim Bibliku kull ġimgħa fil-laqgħat. Imma kkunsidra dan: Waqt il-laqgħat li jsiru bil-lingwa li t-tfal jifhmu l-iktar, huma jistgħu jibbenefikaw sempliċement mill-fatt li jkunu hemm, u jistaʼ jkun li jitgħallmu iktar minn kemm il-ġenituri jistgħu jobsru. Imma jekk ma jifhmux il-lingwa sew, jistgħu ma jkunux qed jitgħallmu. (Aqra l-1 Korintin 14:9, 11.) U l-lingwa proprja tat-tifel mhux bilfors se tibqaʼ l-lingwa li taffettwa l-mod kif jaħseb jew iħossu. Fil-fatt, xi tfal jistgħu jitgħallmu jagħmlu kummenti, preżentazzjonijiet, u taħditiet bil-lingwa tal-ġenituri tagħhom imma mingħajr ma jesprimu verament il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom.
12 Ukoll, qalb tifel mhix influwenzata biss bil-lingwa. Dan nistgħu narawh mill-każ taʼ Joshua, li diġà ssemma. Oħtu Esther tgħid: “It-tfal huma influwenzati mil-lingwa, il-kultura, u r-reliġjon tal-ġenituri.” Jekk it-tfal ma jħossux li huma parti mill-kultura tal-ġenituri, huma jistgħu ma jkunux iridu jitgħallmu l-lingwa u r-reliġjon t’ommhom u missierhom. Il-ġenituri immigranti x’jistgħu jagħmlu?
13, 14. (a) Koppja immigranti għala ħadu lill-familja tagħhom f’kongregazzjoni tal-lingwa lokali? (b) Il-ġenituri kif żammew relazzjoni soda maʼ Ġeħova?
13 Ġenituri Kristjani jpoġġu l-bżonnijiet tat-tfal qabel il-preferenzi personali tagħhom. (1 Korintin 10:24) Samuel, missier Joshua u Esther, jgħid: “Jien u marti nnotajna lil uliedna biex naraw liema lingwa l-iktar li tmissilhom qalbhom, u tlabna għall-għerf. It-tweġiba ma kinitx dak li kien jaqblilna nagħmlu personalment. Imma meta rajna li ma tantx kienu qed jibbenefikaw bil-lingwa tagħna, iddeċidejna li mmorru f’kongregazzjoni tal-lingwa lokali. Flimkien, aħna attendejna l-laqgħat u ħadna sehem fil-ministeru regolarment. Stidinna wkoll ħbieb mil-lokal biex jieklu magħna u noħorġu flimkien. Dan kollu għen lit-tfal isiru jafu lill-aħwa u jsiru jafu lil Ġeħova, mhux biss bħala Alla tagħhom imma wkoll bħala Missier u Ħabib. Aħna nqisu dan taʼ ħafna iktar importanza milli jkunu jafu sew il-lingwa tagħna.”
14 Samuel iżid: “Biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, jien u marti attendejna wkoll laqgħat bil-lingwa tagħna stess. Ħajjitna kienet mimlija ferm, u konna negħjew. Imma nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bierek l-isforzi u s-sagrifiċċji tagħna. It-tlett itfal tagħna kollha qed jaqdu lil Ġeħova fil-ministeru full-time.”
X’JISTGĦU JAGĦMLU Ż-ŻGĦAŻAGĦ
15. Oħt jisimha Kristina għala ħasset li setgħet tmur aħjar f’kongregazzjoni li użat il-lingwa lokali?
15 Meta t-tfal jikbru, għandhom mnejn jirrealizzaw li jistgħu jaqdu lil Ġeħova aħjar f’kongregazzjoni li tuża l-lingwa li jifhmu l-iktar. Jekk inhu hekk, il-ġenituri m’għandhomx iħossu li wliedhom qed iwarrbuhom. “Kont naf il-bażi tal-lingwa tal-ġenituri, imma l-lingwaġġ użat fil-laqgħat kien diffiċli wisq għalija,” tiftakar Kristina. “Meta kelli 12-il sena, attendejt konvenzjoni bil-lingwa tal-iskola tiegħi. Għall-ewwel darba, fhimt li dak li kont qed nismaʼ kien il-verità! Bidla pożittiva oħra kienet meta bdejt nitlob bil-lingwa tal-iskola. Stajt nitkellem maʼ Ġeħova minn qalbi!” (Atti 2:11, 41) Meta għalqet 18, Kristina tkellmet dwar il-kwistjoni mal-ġenituri u ddeċidiet li tmur f’kongregazzjoni li użat il-lingwa lokali. Hi tgħid: “Li nitgħallem dwar Ġeħova bil-lingwa tal-iskola qanqalni biex naġixxi.” Wara ftit, Kristina bdiet taqdi bħala pijuniera regolari u tinsab ferħana ħafna.
16. Nadia għala hi kuntenta li baqgħet fil-kongregazzjoni tal-lingwa barranija?
16 Żagħżugħ jew żagħżugħa, taħseb li tippreferi tkun parti minn kongregazzjoni tal-lingwa lokali? Jekk iva, aħseb għaliex. Tixtieq int tmur f’din il-kongregazzjoni għax dan se jgħinek tersaq eqreb lejn Ġeħova? (Ġakbu 4:8) Jew għax ma tridx li ommok u missierek joqogħdu għassa għal kull pass li tagħmel jew għax ma trid tagħmel ebda sforz? “Meta jien u ħuti sirna adoloxxenti, ridna mmorru fil-kongregazzjoni tal-lingwa lokali,” tgħid Nadia, li issa taqdi f’Betel. Imma l-ġenituri tagħha kienu jafu li ċaqliqa bħal din ma kinitx se tkun taʼ ġid għar-relazzjoni tat-tfal maʼ Ġeħova. “Issa ninsabu grati li l-ġenituri ħadmu iebes biex jgħallmuna l-lingwa tagħhom u jżommuna fil-kongregazzjoni tal-lingwa barranija. Dan tejbilna ħajjitna u tana iktar opportunitajiet biex ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova.”
KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU
17. (a) Ġeħova lil min taha r-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal? (b) Il-ġenituri minn fejn jistgħu jiksbu għajnuna biex jgħallmu l-verità lil uliedhom?
17 Ġeħova ta lill-ġenituri r-responsabbiltà li jgħallmu l-verità lil uliedhom. Hu la taha lin-nanniet u lanqas lil xi ħadd ieħor. (Aqra Proverbji 1:8; 31:10, 27, 28.) Xorta waħda, ġenituri li ma jafux il-lingwa lokali għandhom mnejn ikollhom bżonn l-għajnuna biex jilħqu qalb uliedhom. Meta l-ġenituri jitolbu l-għajnuna, ma jfissirx li qed jipprovaw ifarfru mir-responsabbiltà li jrabbu lil uliedhom. Anzi, din tistaʼ tkun parti milli jrabbu t-tfal “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Pereżempju, il-ġenituri jistgħu jitolbu lill-anzjani tal-kongregazzjoni jagħtuhom suġġerimenti dwar kif jikkonduċu l-qima bħala familja u jgħinuhom isibu ħbieb tajbin għal uliedhom.
Kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri jibbenefikaw milli jassoċjaw mal-kongregazzjoni (Ara paragrafi 18, 19)
18, 19. (a) Kristjani oħra kif jistgħu jgħinu lit-tfal? (b) Il-ġenituri x’għandhom ikomplu jagħmlu?
18 Biex jgħinu lil uliedhom, il-ġenituri jistgħu minn żmien għall-ieħor jistiednu għandhom familji oħra għall-qima bħala familja. Ukoll, ħafna żgħażagħ jitgħallmu minn Kristjani oħrajn meta jaħdmu magħhom fil-ministeru u jagħmlu affarijiet oħra flimkien. (Proverbji 27:17) “Niftakarhom sew l-aħwa li ħadu ħsiebi,” jgħid Shan, li diġà ssemma. “Meta kienu jgħinuni fit-taħditiet tal-istudenti, dejjem tgħallimt iktar. U kont nieħu pjaċir inqattaʼ l-ħin liberu magħhom f’attivitajiet bħala grupp.”
19 Ovvjament, dawk li l-ġenituri jagħżlu biex jgħinu lil uliedhom għandhom dejjem jinkuraġġixxu lit-tfal biex jirrispettaw lil ommhom u lil missierhom. Dan jistaʼ jsir billi jitkellmu b’mod pożittiv dwar il-ġenituri u ma jiħdux ir-responsabbiltà li dawn għandhom biex irabbu lil uliedhom. Ukoll, dawk li qed jgħinu għandhom jevitaw kwalunkwe kondotta li tistaʼ tidher moralment ħażina f’għajnejn uħud barra jew ġewwa l-kongregazzjoni. (1 Pietru 2:12) Għalkemm il-ġenituri jistgħu jitolbu l-għajnuna t’oħrajn, xorta hi r-responsabbiltà tagħhom li jgħallmu l-verità lil uliedhom. Huma għandhom josservaw b’attenzjoni l-għajnuna li tingħata minn Kristjani oħra.
20. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom isiru qaddejja leali taʼ Ġeħova?
20 Ġenituri, itolbu lil Ġeħova għall-għajnuna, u agħmlu l-aħjar li tistgħu. (Aqra t-2 Kronaki 15:7.) Poġġu l-ħbiberija taʼ wliedkom maʼ Ġeħova qabel l-interessi personali tagħkom. Stinkaw biex tagħmlu ċert li l-Kelma t’Alla tilħaq qalb uliedkom. Qatt taqtgħu qalbkom li wliedkom jistgħu jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. Meta huma jsegwu l-Kelma t’Alla u l-eżempju tajjeb tagħkom, se tħossukom bħalma ħassu l-appostlu Ġwanni dwar it-tfal figurattivi tiegħu: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-verità.”—3 Ġwanni 4.
a Ara l-artiklu “You Can Learn Another Language!” fi Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Marzu 2007, paġni 10-12.