Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà
“Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.”—2 KORINTIN 3:17.
1, 2. (a) Il-jasar u l-libertà għala kienu suġġetti importanti fi żmien l-appostlu Pawlu? (b) Pawlu min qal li hu s-Sors tal-libertà vera?
L-EWWEL Kristjani għexu fl-Imperu Ruman, fejn in-nies kienu kburin ħafna bil-liġijiet, bis-sistema taʼ ġustizzja, u bil-libertà li kellhom. Madankollu, dak l-imperu b’saħħtu kien jiddependi mill-ilsiera li kienu jagħmlu l-biċċa l-kbira tax-xogħol iebes. Kien hemm żmien meta madwar 1 minn kull 3 persuni fl-Imperu Ruman kien ilsir. Ċertament, il-jasar u l-libertà kienu suġġetti importanti għan-nies komuni, inkluż il-Kristjani.
2 L-appostlu Pawlu spiss kiteb dwar il-libertà. Iżda hu ma kienx qed jipprova jirranġa l-problemi taʼ din id-dinja, xi ħaġa li ħafna nies f’dak iż-żmien riedu jagħmlu. Minflok, Pawlu u l-Kristjani sħabu ħadmu iebes biex jgħallmu lin-nies l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u biex jgħinuhom jifhmu kemm kien prezzjuż is-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu Ġesù. Pawlu qal lill-Kristjani sħabu fejn setgħu jsibu s-Sors tal-libertà vera. Hu kiteb: “Ġeħova hu l-Ispirtu; u fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.”—2 Korintin 3:17.
3, 4. (a) Pawlu xi ddiskuta fil-versi taʼ qabel it-2 Korintin 3:17? (b) X’għandna nagħmlu biex ikollna l-libertà li tiġi mingħand Ġeħova?
3 Fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu semma xi ġralu Mosè meta niżel minn fuq il-Muntanja Sinaj wara li kien fil-preżenza t’anġlu taʼ Ġeħova. Minn wiċċu kienu ħerġin raġġi tad-dawl! Meta l-Iżraelin raw lil Mosè, bdew jibżgħu, allura għatta wiċċu b’velu. (Eżodu 34:29, 30, 33; 2 Korintin 3:7, 13) Pawlu spjega: “Imma meta jduru lejn Ġeħova, il-velu jitneħħa.” (2 Korintin 3:16) X’ried ifisser Pawlu?
4 Fl-artiklu taʼ qabel dan tgħallimna li Ġeħova, il-Ħallieq tal-affarijiet kollha, hu l-unika Persuna li għandu libertà assoluta u bla limiti. Allura jagħmel sens li hemm il-libertà fil-preżenza taʼ Ġeħova u “fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova.” Imma Pawlu qal li jekk irridu li jkollna din il-libertà, aħna għandna nduru lejn Ġeħova. Dan ifisser li għandu jkollna relazzjoni personali miegħu. L-Iżraelin fix-xagħri raw l-affarijiet mill-ħarsa tal-bniedem biss, mhux mill-ħarsa taʼ Ġeħova. Kien bħallikieku kellhom velu fuq moħħhom u qlubhom. Huma riedu jużaw il-libertà ġdida tagħhom biex jissodisfaw ix-xewqat li kellhom.—Ebrej 3:8-10.
Anke xi ħadd li jkun il-ħabs jistaʼ jkollu l-libertà
5. (a) L-ispirtu taʼ Ġeħova x’tip taʼ libertà jagħti? (b) Kif nafu li xi ħadd li jkun ilsir jew fil-ħabs xorta jistaʼ jkollu l-libertà li Ġeħova jagħti? (ċ) X’mistoqsijiet hemm bżonn li nwieġbu?
5 Il-libertà li jagħti l-ispirtu taʼ Ġeħova tfisser iktar mil-libertà mill-jasar. Dan l-ispirtu jġib libertà bil-wisq ikbar mil-libertà li qatt jistgħu jġibu l-bnedmin. Dan jistaʼ jeħlisna mill-jasar għad-dnub u l-mewt u mill-jasar għall-qima falza u d-drawwiet tagħha. (Rumani 6:23; 8:2) X’libertà meraviljuża hi din! Anke xi ħadd li jkun ilsir jew fil-ħabs jistaʼ jkollu din il-libertà. (Ġenesi 39:20-23) Kemm Oħtna Nancy Yuen kif ukoll Ħuna Harold King kienu l-ħabs għal ħafna snin minħabba l-fidi tagħhom, madankollu huma xorta kellhom din it-tip taʼ libertà. Int tistaʼ tarahom jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fuq JW Broadcasting. (Ikklikkja fuq INTERVISTI U ESPERJENZI > NISSAPORTU L-PROVI.) Issa ejja nwieġbu żewġ mistoqsijiet. Kif nistgħu nuru li l-libertà tagħna hi prezzjuża ferm għalina? U kif nistgħu nużaw il-libertà tagħna bil-għaqal?
IL-LIBERTÀ LI JAGĦTINA ALLA HI PREZZJUŻA ĦAFNA
6. L-Iżraelin kif urew li ma kinux grati għall-ħelsien li Ġeħova kien tahom?
6 Meta ningħataw rigal prezzjuż inkunu grati lejn il-persuna li tathulna. Imma l-Iżraelin ma kinux grati għall-ħelsien li Ġeħova tahom. Wara ftit xhur biss li Ġeħova ħelishom mill-Eġittu, huma bdew jixxennqu għall-ikel u x-xorb li kien ikollhom hemm. Huma gergru dwar il-manna, l-ikel li Ġeħova kien qed jipprovdilhom. Saħansitra riedu jmorru lura l-Eġittu! Għalihom, ‘il-ħut, il-ħjar, id-dulliegħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm’ kienu iżjed importanti mill-ħelsien li Ġeħova kien tahom biex iqimuh. Mhux taʼ b’xejn li r-rabja taʼ Ġeħova bdiet tixgħel iktar u iktar għalihom. (Numri 11:5, 6, 10; 14:3, 4) Dan jgħallimna lezzjoni importanti.
7. Pawlu kif applika l-parir tiegħu stess li nsibu fit-2 Korintin 6:1, u aħna kif nistgħu nagħmlu l-istess?
7 Pawlu wissa lill-Kristjani kollha biex ma jsirux ingrati għall-ħelsien li Ġeħova tahom permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Aqra t-2 Korintin 6:1.) Pawlu kien imperfett, ilsir għad-dnub u l-mewt, u dan ġiegħlu jħossu miżerabbli. Xorta waħda, hu qal: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” Għala qal dan? Pawlu spjega lill-Kristjani sħabu: “Għax il-liġi taʼ dak l-ispirtu li jagħti l-ħajja f’unjoni maʼ Kristu Ġesù ħelsitkom mil-liġi tad-dnub u l-mewt.” (Rumani 7:24, 25; 8:2) Bħal Pawlu, m’għandna qatt ninsew li Ġeħova ħelisna mill-jasar għad-dnub u l-mewt. Il-fidwa tagħmilhielna possibbli li naqdu lil Alla b’kuxjenza nadifa, u dan jagħtina ferħ veru.—Salm 40:8.
Qiegħed tuża l-libertà tal-għażla tiegħek biex tagħmel dak li jrid Ġeħova jew biex tagħmel dak li trid int? (Ara paragrafi 8-10)
8, 9. (a) Liema twissija ta l-appostlu Pietru dwar kif għandna nużaw il-libertà tagħna? (b) Kif jistaʼ xi ħadd juża l-libertà tiegħu ħażin?
8 Aħna m’għandniex biss ngħidu li aħna grati lejn Ġeħova, imma għandna wkoll noqogħdu attenti li ma nużawx il-libertà tagħna ħażin. Pereżempju, l-appostlu Pietru wissa li m’għandniex nużaw il-libertà tagħna bħala skuża biex nagħmlu l-ħażen. (Aqra l-1 Pietru 2:16.) Din it-twissija tfakkarna f’dak li ġara lill-Iżraelin fix-xagħri. Illum anke aħna għandna bżonn din it-twissija, u forsi għandna bżonnha saħansitra iktar. Satana u d-dinja tiegħu joffru ħafna għażliet taʼ lbies, ikel, xorb, u divertiment taʼ min jixtieqhom. Uħud li jilħqilhom jużaw nies attraenti fir-riklami tagħhom biex iġegħluna naħsbu li għandna nixtru affarijiet li ma jkollniex bżonnhom tassew. Jistaʼ jkun verament faċli biex niġu ingannati mid-dinja f’li nużaw il-libertà tagħna ħażin.
9 It-twissija taʼ Pietru tgħodd ukoll għal kwistjonijiet iżjed serji fil-ħajja, bħal liema edukazzjoni, xogħol, jew karriera se nagħżlu. Pereżempju, iż-żgħażagħ illum ikollhom pressjoni biex jistinkaw ħalli jkunu jistgħu jiġu aċċettati fl-aħjar universitajiet. Ħafna nies jgħidulhom li jekk ikollhom iktar edukazzjoni se jkollhom xogħol aħjar, jaqilgħu iktar flus, u jkunu rispettati. Dawn in-nies iġegħluhom jaħsbu li dawk li jiggradwaw minn università jaqilgħu iktar flus minn dawk li jispiċċaw mill-iskola sekondarja. Edukazzjoni għolja tistaʼ tidher bħala idea tajba ħafna għaż-żgħażagħ meta jkollhom jagħmlu għażliet li jistgħu jaffettwawlhom il-bqija taʼ ħajjithom. Imma x’għandhom jiftakru huma u l-ġenituri tagħhom?
10. X’għandna niftakru meta nagħmlu għażliet fi kwistjonijiet personali?
10 Xi wħud għandhom mnejn iħossu li peress li dawn il-kwistjonijiet huma personali, huma għandu jkollhom il-libertà li jagħżlu li jridu sakemm ma tniggiżhomx il-kuxjenza. Huma forsi jaħsbu fi kliem Pawlu: “Il-libertà tiegħi għala għandha tiġi ġudikata mill-kuxjenza taʼ ħaddieħor?” (1 Korintin 10:29) Għalkemm għandna l-libertà li nagħmlu l-għażliet tagħna dwar l-edukazzjoni u l-karriera tagħna, aħna għandna niftakru li l-libertà tagħna għandha l-limiti u li d-deċiżjonijiet kollha tagħna għandhom il-konsegwenzi. Hu għalhekk li Pawlu qal: “Kollox hu permess; iżda mhux kollox hu vantaġġuż. Kollox hu permess; imma mhux kollox jibni.” (1 Korintin 10:23) Allura avolja għandna l-libertà li nagħmlu għażliet fi kwistjonijiet personali, dak li rridu mhuwiex l-iktar ħaġa importanti.
AĦNA NUŻAW IL-LIBERTÀ TAGĦNA BIL-GĦAQAL META NAQDU LIL ĠEĦOVA
11. X’inhi r-raġuni għala Ġeħova ħelisna?
11 Meta Pietru wissiena biex ma nużawx il-libertà tagħna ħażin, hu qal li l-mod kif nużawha tajjeb hu “bħala lsiera t’Alla.” Ir-raġuni għala Ġeħova uża lil Ġesù biex jeħlisna mill-jasar għad-dnub u l-mewt hi sabiex aħna nużaw ħajjitna kollha biex naqdu Lilu.
L-aħjar mod kif nużaw il-libertà tagħna hu billi nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex naqdu lil Ġeħova bis-sħiħ
12. X’eżempju ħallewlna Noè u l-familja tiegħu?
12 L-aħjar mod kif nużaw il-libertà tagħna hu billi nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex naqdu lil Ġeħova bis-sħiħ. Li nagħmlu dan se jipproteġina milli nħallu l-miri li hemm fid-dinja u x-xewqat personali jsiru l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja tagħna. (Galatin 5:16) Aħseb x’għamlu Noè u l-familja tiegħu. Huma għexu f’dinja vjolenti u immorali. Imma ma involvewx ruħhom fil-miri u fl-attivitajiet tan-nies taʼ madwarhom. Huma għażlu li jibqgħu medhijin fix-xogħol li Ġeħova kien tahom jagħmlu. Huma bnew l-arka, ġabru l-ikel għalihom u għall-annimali, u wissew lil oħrajn dwar id-Dulluvju. “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.” (Ġenesi 6:22) B’hekk, Noè u l-familja tiegħu salvaw mit-tmiem taʼ dik id-dinja.—Ebrej 11:7.
13. Ġeħova xi kkmandana nagħmlu?
13 Ġeħova xi kkmandana nagħmlu llum? Bħala dixxipli taʼ Ġesù nafu li Alla kkmandana biex nippritkaw. (Aqra Luqa 4:18, 19.) Illum, Satana għema l-biċċa l-kbira min-nies u dawn ma jirrealizzawx li huma lsiera tar-reliġjon falza, tal-affarijiet materjali, u tas-sistema politika. (2 Korintin 4:4) Bħal Ġesù, aħna għandna l-privileġġ li ngħinu lil oħrajn isiru jafu u jqimu lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà. (Mattew 28:19, 20) Mhuwiex faċli li naqsmu l-messaġġ tal-Bibbja m’oħrajn. F’xi pajjiżi, in-nies mhumiex interessati f’li jsiru jafu lil Alla, u xi wħud saħansitra jirrabjaw meta nitkellmu dwar il-Bibbja magħhom. Imma ladarba Ġeħova kkmandana biex nippritkaw, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Nistaʼ nuża l-libertà li għandi biex naħdem iktar fix-xogħol taʼ Ġeħova?’
14, 15. Ħafna min-nies taʼ Ġeħova xi ddeċidew li jagħmlu? (Ara l-ewwel stampa.)
14 Huwa inkuraġġanti li ħafna min-nies taʼ Ġeħova rrealizzaw li t-tmiem taʼ din is-sistema hu fil-qrib ħafna u ddeċidew li jissimplifikaw ħajjithom biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. (1 Korintin 9:19, 23) Xi wħud jagħmlu dan ix-xogħol fl-akkwati fejn joqogħdu, filwaqt li oħrajn imorru f’kongregazzjonijiet li jkollhom bżonn l-għajnuna. Fl-aħħar ħames snin, iktar minn 250,000 persuna bdew ix-xogħol taʼ pijunier, u issa hemm ’il fuq minn 1,100,000 pijunier regolari. Kemm hu sabiħ li ħafna qed jużaw il-libertà tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova b’dan il-mod!—Salm 110:3.
15 X’għenhom jużaw il-libertà tagħhom bil-għaqal? Ikkunsidra lil John u Judith, li qdew f’diversi pajjiżi għal dawn l-aħħar 30 sena. Huma jispjegaw li meta bdiet l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier fl-1977, l-istudenti kienu inkuraġġiti jmorru u jaqdu fejn il-bżonn kien akbar. Sabiex jilħqu din il-mira, John u Judith kellhom bżonn ikomplu jgħixu ħajja sempliċi. Allura John spiss bidel l-impjieg tiegħu. Fl-aħħar marru jippritkaw f’pajjiż barrani. X’għenhom jegħlbu d-diffikultajiet, bħal li jitgħallmu lingwa ġdida u li jaġġustaw għal kultura u klima ġdida? Huma talbu lil Ġeħova u straħu fuqu biex jgħinhom. Kif iħossuhom dwar li jaqdu lil Ġeħova b’dan il-mod għal dawn is-snin kollha? John jgħid: “Ħassejtni li kont involut b’ruħi u ġismi fl-aħjar attività li qatt kont naf jew esperjenzajt. Ġeħova sar iktar reali għalija, bħalma jkun missier li jħobb. Issa fhimt aħjar xi jfisser Ġakbu 4:8: ‘Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.’ Kont naf li sibt dak li kont qed infittex, skop sodisfaċenti fil-ħajja.”
16. Eluf t’aħwa kif użaw il-libertà tagħhom bil-għaqal?
16 Xi wħud, bħal John u Judith, jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier għal ħafna żmien. Minħabba ċ-ċirkustanzi, oħrajn jistgħu jagħmluh għal ftit żmien biss. Minkejja dan, ħafna joffru ruħhom bħala volontieri biex jaħdmu fuq proġetti taʼ bini madwar id-dinja. Pereżempju, madwar 27,000 ħu u oħt marru jgħinu fil-bini tal-kwartieri ġenerali f’Warwick, New York. Xi wħud marru għal ġimagħtejn, uħud għal ftit xhur, u oħrajn għal sena jew iktar. Ħafna minn dawn l-aħwa għamlu sagrifiċċji biex jaqdu f’Warwick. Huma eżempji taʼ min jammirahom taʼ nies li użaw il-libertà tagħhom biex ifaħħru u jonoraw lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà!
17. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem jekk nużaw il-libertà tagħna bil-għaqal issa?
17 Aħna grati li sirna nafu lil Ġeħova u li għandna l-libertà li tiġi milli nqimuh. Ejja nuru permezz tal-għażliet li nagħmlu li din il-libertà hi prezzjuża ħafna għalina. Minflok ma nużawha ħażin, ejja nużawha biex naqdu lil Ġeħova bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun. Imbagħad se nkunu nistgħu ngawdu l-barkiet li wiegħed Ġeħova għaż-żmien meta din il-profezija ssir realtà: “L-istess ħolqien ukoll jinħeles mill-jasar tat-taħsir u jkollu l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.