LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 1/8 pp. 24-27
  • Seklu U Nofs Taʼ Ferroviji Taħt L-​Art

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Seklu U Nofs Taʼ Ferroviji Taħt L-​Art
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mini u Ferroviji Taħt L-​Art
  • Biżaʼ​—Immaġinarju u Leġittimu
  • L-​Ewwel Ferrovija Taħt L-​Art F’New York
  • “Ħabel Taʼ Arja”
  • Il-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju
  • Il-​Ferroviji Taħt L-​Art Wara 100 Sena
  • Wirt L-​Ewwel Mini Għall-​Ferroviji Taħt L-​Art
  • L-Itwal Triq fid-Dinja li Tgħaddi minn ġo Mina
    Stenbaħ!—2002
  • Il-Linji tal-Ferrovija taʼ l-Indja Ġgant Mifrux fuq Nazzjon
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—1997
g97 1/8 pp. 24-27

Seklu U Nofs Taʼ Ferroviji Taħt L-​Art

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-​UNGERIJA

DAWK li ħaffru l-​mina baqgħu ċċassati bla ma riedu jemmnu dak li kixfu. Kienet is-​sena 1912. ’L isfel sew taħt it-​toroq taʼ New York City, waqt li kienu qegħdin iħaffru biex ikabbru sistema li kienet għadha kif inbniet taʼ mini għal ferroviji taħt l-​art, dawn sabu ruħhom f’kamra kbira moħbija. Il-​kamra kienet mgħammra b’mod taʼ l-​għaġeb​—bħal palazz! Matulha kien hemm mirja, linef, u pitturi mas-​soqfa. Il-​ħitan kienu għadhom miksijin bl-​injam, li kien tqarqaċ biż-​żmien. F’nofs il-​kamra kien hemm funtana dekorattiva li kienet ilha ma tnixxi l-​ilma.

Il-kamra kienet tieħu lejn mina. Il-​ħaddiema baqgħu mbellhin meta hemmhekk raw vagun taʼ ferrovija mżejjen sabiħ, li jesaʼ 22 passiġġier, jistenna fuq il-​linji. Kien hemm xi sistema oħra taʼ mini taħt New York qabel dik li kienu qegħdin iħaffru huma? Min setaʼ bnieh dan il-​post?

Mini u Ferroviji Taħt L-​Art

Passaġġi taħt l-​art ilhom eluf taʼ snin jintużaw għal minjieri, għall-​ilma, u għal skopijiet militari. It-​trasport taʼ passiġġieri minn taħt l-​art b’mod mekkanizzat, madankollu, huwa xi ħaġa li nbdiet fi żmien iktar riċenti. Kmieni fis-​seklu 19, it-​toroq ewlenin taʼ Londra, fl-​Ingilterra, kienu maħnuqa b’kull tip taʼ vettura immaġinabbli li kienet teżisti dak iż-​żmien, biex ma nsemmux ukoll in-​nies bil-​mixi. Eluf taʼ nies kienu jaqsmu x-​Xmara Thames kuljum, bil-​lanċa jew minn fuq il-​London Bridge. Xi drabi, it-​traffiku tant kien jimxi bil-​mod li n-​negozjanti ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li jaraw il-​prodotti tagħhom, li riedu jwasslu lejn is-​suq, jinxfu bis-​sħana tax-​xemx.

Marc Isambard Brunel, inġinier Franċiż li kien joqgħod l-​Ingilterra, ħareġ b’idea li maż-​żmien kellha ttaffi xi ftit mill-​problemi tat-​trasport ġewwa Londra. Brunel darba kien osserva dudu tas-​susa jħaffer ġo biċċa njama iebsa tal-​ballut. Hu nnota li dak il-​mollusk ċkejken kellu rasu biss protetta minn qoxra. Id-​dudu kien qed juża t-​truf taʼ qoxortu li kellhom is-​snien bħal serrieq biex iħaffer ġo l-​injam. Hekk kif kien jimxi ’l quddiem, kien iħalli kisja lixxa u protettiva taʼ ġir fit-​toqba. Billi applika dan il-​prinċipju, Brunel ivvinta tarka tal-​ħadid fondut għat-​tħaffir tal-​mini, li wieħed setaʼ jimbottaha ’l quddiem minn ġol-​blat permezz taʼ ġakkijiet. Waqt li l-​ħaddiema kienu jneħħu t-​terrapien minn ġot-​tarka, it-​tarka kienet iżżomm milli jisfronda kollox. Hekk kif it-​tarka kienet tavanza, ħaddiema oħrajn kienu jibnu ħitan tal-​ġebel fuq ġewwa tal-​mina l-​ġdida bħala appoġġ għaliha.

Permezz tat-​tarka tiegħu, Brunel irnexxielu jlesti b’suċċess l-​ewwel mina tad-​dinja li qatt saret taħt l-​ilma minn ġo art ratba, taħt it-​Thames, fl-​1843. Billi għamel hekk, huwa wera kif tabilħaqq tistaʼ ssir il-​kostruzzjoni tal-​mini u b’hekk ħejja t-​triq għall-​iżvilupp tas-​sistemi moderni taʼ mini għall-​ferroviji taħt l-​art. Fl-​1862, l-​ewwel sistema fid-​dinja taʼ ferroviji taħt l-​art infetħet bejn l-​istazzjonijiet ewlenin tal-​ferrovija f’Londra u, fl-​1865, inxtrat il-​mina taʼ Brunel biex tkabbar is-​sistema. Dik il-​mina għadha sal-​lum tagħmel parti mill-​Underground taʼ Londra.

Biżaʼ​—Immaġinarju u Leġittimu

It-​trasport taħt l-​art dejjem kellu lil min hu kontra tiegħu. Fis-​seklu l-​ieħor ħafna nies, billi kienu jaħsbu li x’imkien f’żaqq l-​art kien jinsab infern iħeġġeġ, kienu jibżgħu jinżlu taħt l-​art. Barra minn hekk, ħafna nies kienu jassoċjaw il-​mini mudlama u umdużi maʼ mard li jittieħed u m’atmosfera velenuża.

Mill-banda l-​oħra, dawk responsabbli mill-​ippjanar tal-​belt kellhom xewqa kbira li jagħmlu xi ħaġa dwar il-​konġestjoni tat-​toroq fil-​belt. Il-​ferroviji taħt l-​art saru suġġett ewlieni għal dibattitu politiku. Kien hemm tabilħaqq raġuni għala wieħed jitħasseb dwar il-​kwalità taʼ l-​arja f’dawn il-​mini. Ġew ipprovati diversi skemi taʼ ventilazzjoni, u mhux kollha għamlu suċċess. Xi wħud minn dawn l-​iskemi ħadu vantaġġ miċ-​ċaqliq taʼ l-​arja li jsir mill-​ferroviji; oħrajn kellhom xaftijiet vertikali bi spralli mal-​livell tat-​triq kull tant distanza, fannijiet qawwijin, jew sistemi li jikkombinaw il-​metodi. Sabiex jegħlbu l-​barrikata psikoloġika taʼ li wieħed jidħol ġo passaġġi mudlama taħt l-​art, l-​istazzjonijiet ġew mgħammrin b’lampi tal-​gass. Kien f’dan l-​isfond li nħolqot il-​mina għal ferrovija taħt l-​art f’New York li kienet intesiet u li nstabet mill-​ħaddiema fl-​1912.

L-​Ewwel Ferrovija Taħt L-​Art F’New York

In-​naħa l-​oħra taʼ l-​Atlantiku minn Londra, inventur kapaċi ieħor, Alfred Ely Beach, kien imħasseb dwar il-​problema daqstant akuta tat-​traffiku f’New York. Bħala l-​pubblikatur tal-​ġurnal Scientific American, Beach kien wieħed li ħadem biex iġib ’il quddiem soluzzjonijiet moderni għal problemi antiki, bħal dik tat-​toroq miżgħudin. Fl-​1849 offra pjan radikali: “Nagħmlu mina taħt Broadway,” waħda mill-​iktar toroq traffikużi, “b’fetħiet u b’turġien maʼ kull kantuniera. Dan il-​passaġġ taħt l-​art għandu jkollu żewġ linji tal-​ferrovija, b’mogħdija għal min irid jeħodha bil-​mixi fuq iż-​żewġ naħat.”

Matul l-​għoxrin sena taʼ wara, kien hemm oħrajn li ppreżentaw proposti biex it-​trasport jaħdem b’mod iktar mgħaġġel f’New York. Dawn kollha ġew fl-​aħħar mill-​aħħar miċħudin. Wieħed politikant korrott u b’saħħtu, Boss Tweed, ma ried li tfeġġ ebda kompetizzjoni għall-​kumpaniji tat-​trasport li minnhom kien jikseb ħafna mid-​dħul illegali tiegħu. Imma Mr. Beach, li ma kienx wieħed li jaqtaʼ qalbu, qatt m’abbanduna l-​idea li kellu fl-​aħħar irnexxielu jaqlibhielu lil Boss li tant kellu pulikarja.

Beach kiseb permess legali biex jibni żewġ mini ħdejn xulxin taħt Broadway li kienu żgħar wisq biex jinġarru l-​passiġġieri minnhom. Dawn kellhom iservu “biex jitwasslu l-​ittri, il-​pakki u l-​merkanzija” sa l-​uffiċċju ċentrali tal-​posta. Imbagħad applika għal amenda biex jitħalla jibni mina kbira waħda biss, taparsi biex jiffranka. B’xi mod ħadd ma nduna bil-​makakkerija tiegħu, u l-​amenda ġiet approvata. Beach beda l-​proġett minnufih imma fil-​moħbi. Beda jħaffer mill-​kantina taʼ ħanut tal-​ħwejjeġ, billi jneħħi t-​terrapien bil-​lejl permezz taʼ karrijiet bir-​roti mdawrin biċ-​ċraret biex ma jagħmlux ħoss. Wara biss 58 lejl, il-​mina taʼ 95 metru kienet tlestiet.

“Ħabel Taʼ Arja”

Beach kien konxju ferm dwar it-​tniġġis li joħnoq li kellhom il-​ferroviji taħt l-​art f’Londra, peress li kienu jużaw magni li jaħdmu bil-​faħam. Il-​vagun tiegħu beda jħaddmu b’“ħabel taʼ arja”​—bil-​pressa minn fann kbir mibni f’daħla fil-​ħajt fuq tarf wieħed tal-​mina. L-​arja kienet timbotta l-​vagun ħelu ħelu b’għaxar kilometri s-​siegħa, għalkemm setaʼ jilħaq veloċità t’għaxar darbiet iktar. Meta l-​vagun kien jasal it-​tarf l-​ieħor, il-​fann kien jibda jdawwar kuntrarju biex jiġbed il-​vagun lura! Biex jegħleb it-​tnikkir tan-​nies li jaħsbuha darbtejn qabel jazzardaw jinżlu taħt l-​art, Beach ħa ħsieb li l-​kamra spazjuża fejn jistennew il-​passiġġieri tkun imdawla sew b’lampi taż-​żirkun, li kienu fost l-​iktar qawwijin u ċari dak iż-​żmien. U għammarha b’siġġijiet lussużi, statwi, twieqi foloz bil-​purtieri, u saħansitra pjanu u vaska bil-​ħut! Il-​linja żgħira nfetħet għall-​pubbliku baxx baxx fi Frar taʼ l-​1870 u kisbet suċċess immedjat li għaġġeb lil kulħadd. F’sena waħda biss, maʼ l-​400,000 ruħ żaru l-​mina.

Boss Tweed ifferoċja! Bdew isiru ħafna manuvri politiċi, u Tweed ikkonvinċa lill-​gvernatur biex japprova pjan oppost għal ferrovija elevata li kellha tiswa 16-il darba iktar mis-​sistema proposta minn Beach għal ferrovija taħt l-​art li taħdem bl-​arja. Ftit taż-​żmien wara, Tweed tressaq il-​qorti u weħel għomru l-​ħabs. Imma paniku li qam fis-​swieq tal-​kambju fl-​1873 dawwar l-​attenzjoni taʼ l-​investituri u taʼ l-​uffiċjali lil hinn mit-​toroq taħt l-​art, u Beach sa fl-​aħħar għalaqha l-​mina. Hemmhekk baqgħet minsija sakemm instabet b’kumbinazzjoni fl-​1912, iktar minn sebaʼ snin wara l-​ftuħ tas-​sistema preżenti taʼ ferroviji taħt l-​art taʼ New York fl-​1904. Parti mill-​mina oriġinali taʼ Beach iktar tard saret parti mill-​Istazzjon taʼ City Hall, ġewwa Manhattan.

Il-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju

Ftit iktar minn seklu ilu, kien hemm atmosfera taʼ stennija fl-​Ungerija. Fl-​1896, l-​Ungerija kellha tiċċelebra l-​1,000 anniversarju mit-​twaqqif tagħha. Sa tmiem is-​seklu 19, il-​belt kapitali, Budapest, kienet se tkun waħda mill-​akbar bliet fl-​Ewropa. It-​toroq tagħha kienu diġà ffollati żżejjed. Biex titnaqqas il-​konġestjoni saret proposta għal ferrovija fuq l-​art li tkun taħdem bl-​elettriku bħala parti miċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​millennju. Imma l-​idea ma kinitx dak li kienu qegħdin ifittxu l-​awtoritajiet muniċipali, u l-​proposta ġiet miċħuda. Sadattant, l-​Underground taʼ Londra kien laqat l-​immaġinazzjonijiet taʼ wħud li jippjanaw it-​trasport f’pajjiżi oħra. Espert minn dawn fl-​Ungerija, Mr. Mór Balázs, ħareġ bl-​idea taʼ sistema taʼ ferroviji taħt l-​art li jaħdmu bl-​elettriku. Din ġiet approvata, u l-​bini tagħha nbeda f’Awissu taʼ l-​1894.

Il-passaġġi taħt l-​art inbnew billi ntuża l-​metodu taʼ qattaʼ-u-għatti​—titħaffer ħofra tul triq eżistenti, u jitqiegħdu l-​linji tal-​ferrovija fil-​qiegħ. Imbagħad tissaqqaf it-​trinka, u t-​triq terġaʼ tkompli tintuża. Fit-​2 taʼ Mejju, 1896, is-​sistema taʼ mini taħt l-​art b’tul taʼ 3.7 kilometri ġiet inawgurata. Rikba f’wieħed mill-​vaguni individwali tagħha li jaħdmu bl-​elettriku kienet ferm aħjar mir-​riħa taʼ kubrit li kellhom jissaportu dawk li kienu jużaw l-​ewwel Underground taʼ Londra! Ftit jiem wara li nfetħet, ir-​Re Franz Josef I żar is-​sistema l-​ġdida taʼ ferroviji taħt l-​art u aċċetta li tissemma għalih. Matul iż-​żminijiet politikament tempestużi li ġew wara, madankollu, il-​linja ngħatat l-​isem ġdid taʼ Il-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju. Kienet l-​ewwel sistema ferrovjarja taħt l-​art fil-​kontinent Ewropew. Ma damux ma ġew oħrajn. Fl-​1900 ġiet fis-​seħħ il-​Métro taʼ Pariġi, u s-​servizz taʼ ferroviji taħt l-​art f’Berlin beda fl-​1902.

Il-​Ferroviji Taħt L-​Art Wara 100 Sena

Għall-​1,100 anniversarju taʼ l-​Ungerija fl-​1996, il-​linja tal-​ferrovija taħt l-​art ġiet restawrata għas-​sbuħija u l-​istil oriġinali tagħha. Madum ċkejken abjad u borduri ornamentali lewn l-​inbid aħmar iżejnu l-​ħitan taʼ kull stazzjon. L-​ismijiet taʼ l-​istazzjonijiet jispikkaw​—bi gwarniċ tal-​madum mal-​ħajt. Il-​pilastri tal-​ħadid inħadmu mill-​ġdid u nżebgħu ħodor biex ifakkru fl-​atmosfera tas-​seklu l-​imgħoddi. L-​istazzjon ċentrali taʼ Budapest jinkludi mużew tal-​ferroviji, fejn tistaʼ tara wieħed mill-​vaguni oriġinali tas-​sistema​—li jaqbeż il-​100 sena! Hemm esebiti wkoll affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​kostruzzjoni tal-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju kif ukoll affarijiet mill-​Métro iktar modern taʼ Budapest.

Meta jżuru l-​mużew, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ungerija ma jistgħux ma jiftakrux li m’ilux wisq il-​linja tal-​ferrovija taħt l-​art kellha funzjoni differenti mhux ħażin għall-​Kristjani li jgħixu hawn. Tul iż-​żmien kollu li xogħlhom kien ipprojbit fl-​Ungerija, ix-​Xhieda kienu b’mod diskret jużaw l-​istazzjonijiet taʼ dil-ferrovija famuża biex jitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Mill-​1989 ’l hawn, ix-​Xhieda gawdew il-​libertà li jippridkaw fl-​Ungerija. Imma għadek tistaʼ ssibhom fil-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju, jaqsmu twemminhom li l-​Millennju deskritt fil-​Bibbja​—il-​ħakma t’1,000 sena minn Kristu​—dalwaqt se jasal.

Wirt L-​Ewwel Mini Għall-​Ferroviji Taħt L-​Art

Illum ferroviji taħt l-​art iwasslu passiġġieri minn post għall-​ieħor fi bliet ewlenin madwar id-​dinja. F’xi pajjiżi, mal-​problemi antiki taʼ l-​istorbju u tat-​tniġġis taʼ l-​arja, żdiedu l-​isfidi tat-​tħażżiż mal-​ħitan u tal-​kriminalità. Imma bosta sistemi jirriflettu l-​ideali prattiċi u estetikament sbieħ tad-​disinjaturi bikrin tal-​mini għall-​ferroviji taħt l-​art. Ix-​xewqa li jiġi estiż u mtejjeb it-​trasport tal-​massa għadha qawwija. Sistemi taʼ ferroviji taħt l-​art dan l-​aħħar tlestew jew qed jinbnew fi bliet bħalma huma Bangkok, Medellin, Seoul, Shanghai, Taipei, u Varsavja. Tgħid l-​ewwel disinjaturi tal-​mini għall-​ferroviji taħt l-​art kienu jkunu sorpriżi b’dan kollu? X’aktarx li le​—użu mifrux bħal dan hu preċiż dak li basru huma seklu u nofs ilu.

[Stampi fʼpaġna 27]

1. Stazzjon restawrat fil-​Mużew tal-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju taʼ Budapest

2-4.  Wieħed mill-​vaguni oriġinali tal-​Ferrovija Taħt L-​Art Tal-​Millennju taʼ l-​1896 li kienu jaħdmu bl-​elettriku

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja