LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 7/8 pp. 24-27
  • L-Itwal Triq fid-Dinja li Tgħaddi minn ġo Mina

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Itwal Triq fid-Dinja li Tgħaddi minn ġo Mina
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Problemi fil-​Bini
  • Kif Ġiet Provduta l-​Ventilazzjoni?
  • Kemm Hi Ħielsa mill-​Periklu?
  • Kif Inhi Differenti Din il-​Mina?
  • Ħarsa Lejn Id-dinja
    Stenbaħ!—2001
  • Seklu U Nofs Taʼ Ferroviji Taħt L-​Art
    Stenbaħ!—1997
Stenbaħ!—2002
g02 7/8 pp. 24-27

L-​Itwal Triq fid-​Dinja li Tgħaddi minn ġo Mina

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIN-​NORVEĠJA

JEKK trid tara muntanji u fjords impressjonanti, ejja sal-​punent tan-​Norveġja! Se tibqaʼ affaxxinat! Barra minn hekk, it-​toroq dojoq kollhom dawrien u l-​ħafna mini juru kemm hu intelliġenti l-​bniedem. Dan l-​aħħar tlestiet mina ġdida—bravura taʼ l-​inġinerija li tisboq lill-​mini l-​oħrajn kollha. Din hija l-​Mina taʼ Laerdal, l-​itwal triq fid-​dinja li tgħaddi minn ġo mina—triq prinċipali twila 24.5 kilometri, imħaffra ġol-​ġebel solidu! Immaġina kieku kellek issuq għal ġod-​daħla tal-​mina, meta taf li wara ftit minuti biss, se jkun hemm iktar minn 1,000 metru muntanja fuqek!

Għala kien hemm bżonn taʼ mina twila bħal din? Għaliex din għandha sehem importanti f’li tgħaqqad prinċipalment lil tnejn mill-​akbar bliet tan-​Norveġja, jiġifieri Oslo (il-kapitali, fil-​lvant) u Bergen (mal-kosta tal-​punent). Fix-​xitwa jkun hemm is-​silġ u r-​riħ, u b’hekk ikun diffiċli tgħaddi minn toroq fil-​muntanji li hemm bejn iż-​żewġt ibliet. Minħabba f’hekk, kien hemm ħafna bżonn taʼ triq ġdida, waħda li tkun tistaʼ tgħaddi minnha f’temp ikrah. Fl-​1992 il-​parlament Norveġiż iddeċieda li t-​triq prinċipali l-​ġdida kienet se tinkludi mina bejn iż-​żewġ komunitajiet żgħar taʼ Aurland u Laerdal. Wara ħames snin taʼ bini, il-​mina nfetħet b’mod uffiċjali f’Novembru tas-​sena 2000. Kif twettqet din il-​bravura taʼ l-​inġinerija? Kemm hi ħielsa mill-​periklu l-​mina? Kif iħossu dak li jkun meta jsuq fiha? Ejja naraw.

Il-​Problemi fil-​Bini

Il-​mina tgħaqqad lil Laerdal u Aurland, iżda l-​ħaddiema propjament bdew fi tliet postijiet differenti fl-​istess ħin. Kien hemm żewġ timijiet li bdew minn kull naħa, u t-​tielet tim beda jaħdem fuq mina għall-​ventilazzjoni twila 2 kilometri, li kellha tingħaqad mal-​mina 6.5 kilometri ’l bogħod mid-​daħla f’Laerdal. Kif setgħu t-​tliet timijiet jikkoordinaw it-​tħaffir sabiex ikunu ċerti li jiltaqgħu, ġewwanett fil-​muntanja? Sabiex jiddeterminaw eżatt minfejn kellu jibda kull tim, intużaw sistemi tan-​navigazzjoni bis-​satellita, u d-​direzzjoni tat-​tħaffir ġiet gwidata permezz tar-​raġġi tal-​laser. Ir-​raġġi tal-​laser ikkontrollaw iċ-​ċaqliq tal-​magni tat-​tħaffir biex jiżguraw li l-​ħofor li jitħaffru għall-​isplussivi jkunu fil-​post eżatt.

Maʼ kull splużjoni tħaffru xi mitt ħofra, kull waħda fonda 5.2 metri. Dawn il-​ħofor ġew mimlijin b’xi 500 kilogramma esplussivi, li rriżulta f’xi 500 metru kubu ġebel imfarrak. Dan it-​terrapien imbagħad kien jinġarr ’il barra bit-​trakk. Qabel ma setaʼ jerġaʼ jibda t-​tħaffir, kellhom isaħħu l-​ħitan u s-​soqfa tal-​mina. Intużaw boltijiet twal taʼ l-​azzar, u l-​uċuħ kienu jiġu sprejjati bil-​konkos imsaħħaħ bil-​fibra, magħruf bħala shotcrete. Kull tim mexa ’l quddiem b’xi 60 sa 70 metru fil-​ġimgħa. L-​iżvilupp importanti seħħ f’Settembru taʼ l-​1999, meta ż-​żewġ timijiet li kienu qed jaħdmu fil-​mina prinċipali ltaqgħu, b’differenza bejniethom taʼ xi 50 ċentimetru! Erbatax-il xahar wara, il-​mina nfetħet fiż-​żmien pjanat. Sa dak iż-​żmien, in-​nefqa laħqet madwar Lm55 miljun.

Kif Ġiet Provduta l-​Ventilazzjoni?

Hija dejjem taʼ sfida għall-​inġiniera tal-​mini li jaċċertaw ruħhom li l-​arja tkun taʼ kwalità tajba. Peress li l-​vjaġġ minn ġol-​Mina taʼ Laerdal jieħu madwar 20 minuta, huwa importanti ħafna li l-​arja tkun nadifa biżżejjed għan-​nifs. Dan kif setaʼ jsir?

Il-mina tal-​ventilazzjoni li hija twila 2 kilometri u li tinsab 6.5 kilometri ’l bogħod mid-​daħla taʼ Laerdal, tagħti għal wied fil-​qrib u sservi bħala ċumnija, jew kanal li minnu toħroġ l-​arja. L-​arja nadifa tinġibed għal ġol-​mina miż-​żewġ daħliet, u l-​arja kontaminata toħroġ mill-​mina tal-​ventilazzjoni. Żewġ fannijiet qawwijin li jinsabu mwaħħlin fil-​mina tal-​ventilazzjoni—li bejniethom għandhom il-​kapaċità massima taʼ 1.7 miljun metru kubu fis-​siegħa—jistgħu jintużaw biex iżidu l-​kurrent taʼ l-​arja meta din tkun kontaminata ħafna. Din is-​sistema titfaʼ biżżejjed arja friska fil-​mina lejn in-​naħa taʼ Laerdal; b’danakollu, kellu jsir xi ħaġa oħra għan-​naħa taʼ Aurland, li hija itwal. Għalhekk, twaħħlu 32 fann iżgħar fis-​saqaf tal-​mina sabiex iżidu l-​kurrent taʼ l-​arja lejn il-​mina tal-​ventilazzjoni. Madankollu, l-​arja ssir iktar u iktar kontaminata hekk kif tgħaddi d-​distanza twila min-​naħa taʼ Aurland sad-​daħla tal-​mina tal-​ventilazzjoni. Kif setgħet tissolva din il-​problema?

Is-soluzzjoni kienet li jinbena impjant għat-​tindif taʼ l-​arja f’mina parallela li hi twila 100 metru u tinsab 9.5 kilometri ’l bogħod mid-​daħla t’Aurland. Miż-​żewġ daħliet, din il-​mina hija mqabbda mal-​mina prinċipali. L-​arja tal-​mina prinċipali tintefaʼ f’din il-​mina parallela, fejn sa 90 fil-​mija tat-​trab u d-​dijossidu nitroġeniku jinġibed ’il barra.

B’din is-​sistema taʼ ventilazzjoni u l-​proċess tat-​tindif, il-​Mina taʼ Laerdal tistaʼ faċilment tlaħħaq maʼ 400 karozza fis-​siegħa. Fil-​mina hemm apparat li jħoss u jindika l-​kwalità taʼ l-​arja u jikkontrolla l-​effett tas-​sistema tal-​ventilazzjoni. Jekk il-​livell tal-​kontaminazzjoni jkun għoli wisq, il-​mina tingħalaq u t-​traffiku ma jitħalliex jgħaddi minnha, iżda s’issa qatt ma kien hemm bżonn li dan isir.

Kemm Hi Ħielsa mill-​Periklu?

Xi nies jibżgħu jsuqu minn ġo mina. Dan il-​fatt flimkien maʼ aċċidenti serji u nirien li seħħew dan l-​aħħar f’diversi mini taʼ l-​Ewropa ġagħlu li s-​sigurtà tingħata prijorità kbira fil-​Mina taʼ Laerdal. X’sar biex din il-​mina tkun ħielsa mill-​periklu?

Ċentru tal-​kontroll f’Laerdal jiċċekkja lħin kollu d-​diversi sistemi taʼ sigurtà li hemm fil-​mina, u jekk is-​sigurtà tkun fil-​periklu, il-​mina tingħalaq. Ittieħdu ħafna prekawzjonijiet sabiex il-​mina tkun tistaʼ tingħalaq u tiġi evakwata malajr. Ukoll, kull 250 metru twaħħlu telefons għall-​emerġenza, u kull 125 metru twaħħlu żewġ ċilindri għat-​tifi tan-​nar. Iċ-​ċentru tal-​kontroll jirreġistra b’mod awtomatiku kull post minfejn jitneħħa ċilindru. Jekk jiġri dan, dawl tat-​traffiku aħmar iwissi lis-​sewwieqa biex ma jidħlux fil-​mina, u tabelli u dwal fil-​mina juru lis-​sewwieqa minfejn jgħaddu biex isuqu ’l barra lejn post fis-​sigurtà, ’il bogħod mill-​periklu. Is-​sewwieqa jistgħu jdawru lura l-​vetturi tagħhom. Dan għaliex kull 500 metru hemm spazju fejn jistgħu jdawru l-​karozzi. Barra minn hekk hemm 15-il post li jippermetti lill-​vetturi l-​kbar iduru lura. Il-​mina hija armata wkoll b’sistema bl-​antenna tar-​radju li tagħmilha possibbli li s-​sewwieqa jiġu informati permezz tar-​radju tal-​karozza tagħhom. Sistemi li jgħoddu u jieħdu r-​ritratti, jirreġistraw it-​traffiku kollu li jidħol u joħroġ mill-​mina. L-​awtoritajiet tat-​toroq jikkunsidraw dan il-​livell taʼ sigurtà bħala wieħed tajjeb ħafna meta tqis li ma jkunx hemm ħafna traffiku.

Kif Inhi Differenti Din il-​Mina?

Kif iħossu dak li jkun meta jsuq f’din il-​mina? Mira importanti li kellhom l-​inġiniera kienet li jagħmlu s-​sewqan f’din il-​mina esperjenza pjaċevoli ħalli s-​sewwieqa jħossuhom ħielsa mill-​periklu u anki s-​sewqan tagħhom ma jkunx perikoluż. Sabiex iwettqu dan, il-​mina ġiet disinjata minn ġewwa bl-​għajnuna, fost l-​oħrajn, taʼ psikoloġi tat-​traffiku f’istitut tar-​riċerka u li huma disinjaturi tad-​dawl professjonisti, kif ukoll b’simulatur tas-​sewqan.

Ir-riżultat? Il-​mina m’hijiex daqshekk dritta. Peress li t-​triq fiha dawriet ħfief, is-​sewwieqa ma jħossuhomx se jorqdu. Xorta waħda, huma jkunu jistgħu jaraw sa 1,000 metru quddiemhom. Id-​dawriet jgħinu wkoll biex dak li jkun jagħraf kemm hemm bogħod bejnu u t-​traffiku li ġej. Fil-​muntanja hemm tliet swali kbar qishom għerien li jgħinu biex il-​vjaġġ ma jkunx daqshekk monotonu. Dan jagħti l-​impressjoni li s-​sewwieqa qed jgħaddu minn erbaʼ mini iqsar minflok minn waħda twila. Dwal speċjali fis-​swali, b’dawl isfar jew aħdar maʼ l-​art u dawl blu fuq, joħolqu l-​illużjoni li qisu dieħel id-​dawl tal-​jum u taʼ tlugħ ix-​xemx. Dawn l-​effetti speċjali flimkien maʼ dawl biżżejjed tul il-​mina jgħinu lis-​sewwieqa jħossuhom komdi u ħielsa mill-​periklu.

Issa dawk li jivvjaġġaw jistgħu jgawdu l-​esperjenza unika li jgħaddu mill-​itwal triq fid-​dinja li tgħaddi minn ġo mina. Din il-​bravura taʼ l-​inġinerija moderna wasslet għal triq li wieħed jistaʼ jiddependi minnha biex jgħaddi mil-​lvant għall-​punent tan-​Norveġja. Hija evidenza qawwija taʼ dak li jistaʼ jagħmel il-​bniedem meta juża l-​abbiltà u l-​intelliġenza tiegħu b’mod pożittiv.

[Dijagramma/Stampa f’paġna 25]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Ir-​rotta tal-​mina

Laerdal ← → Aurland

[Dijagramma/Mappa f’paġna 27]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Mina taʼ Laerdal

Toroq prinċipali

↑ Lejn Laerdal

→ E16 għal Oslo

* Fannijiet f’dawn il-​postijiet

Id-​direzzjoni tal-​kurrent taʼ l-​arja

↓

sala fil-​muntanja

↓

Fejn hemm il-​fannijiet → mina tal-​ventilazzjoni

↑

*

↑

sala fil-​muntanja

↑

*

impjant għat-​trattament taʼ l-​arja

↑

*

sala fil-​muntanja

*

↑

*

↑

Id-​direzzjoni tal-​kurrent taʼ l-​arja

Aurland

E16 għal Bergen

mil

kilometru

[Sors]

Statens vegvesen, Sogn og Fjordane

[Mappa f’paġna 24]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

NORVEĠJA

Il-​Mina taʼ Laerdal

Bergen E16 OSLO

[Stampa f’paġna 25]

Id-​daħla taʼ Laerdal

[Stampa f’paġna 25]

Tpinġija fuq fuq taʼ l-​impjant għat-​trattament taʼ l-​arja

[Stampa f’paġna 25]

Parti mill-​mina, li turi l-​boltijiet taʼ l-​azzar li jsaħħu l-​ħitan u s-​saqaf

[Stampa f’paġna 26]

Il-​mina fiha xi 100 telefon għall-​emerġenza u kważi 400 ċilindru għat-​tifi tan-​nar

[Stampa f’paġna 26]

Hemm tliet swali fil-​muntanja b’effetti speċjali tad-​dawl

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 24]

Veduta: Ritratt: Leiv Bergum; impjant għat-​trattament taʼ l-​arja: ViaNova A/S; ir-​ritratti l-​oħra kollha f’paġni 24-6: Statens vegvesen, Sogn og Fjordane

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja