LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 1/8 pp. 23-25
  • Bqajt Ħaj wara Titjira 801

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bqajt Ħaj wara Titjira 801
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kraxx u x-​Xena taʼ wara
  • Inkwetat Minħabba n-​Nirien
  • Finalment Salvat!
  • Rajtha lil Marti, sa fl-​Aħħar!
  • Inżomm il-​Prijoritajiet fl-​Ordni
  • Inżul T’emerġenza!
    Stenbaħ!—2004
  • Suġġerimenti għall-Ivvjaġġar minn Pilota t’Esperjenza
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—1998
g98 1/8 pp. 23-25

Bqajt Ħaj wara Titjira 801

JIEN ħarist mit-​tieqa hekk kif l-​ajruplan tbaxxa biex jinżel fi Gwam. ‘Dan mhux tas-​soltu,’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘Donnu wisq dlam.’ Veru, kien diġà qabeż nofs il-​lejl, u l-​viżibilità ma tantx kienet tajba minħabba x-​xita bil-​qliel li kienet nieżla. Imma fejn kienu d-​dwal tas-​soltu tal-​gżira u r-​runways ileqqu taʼ l-​ajruport? Kulma stajt nara kienu d-​dwal baxxi taʼ fuq il-​ġwienaħ tal-​jumbo jet tagħna.

Waħda mill-​persuni inkarigati mill-​passiġġieri fit-​titjira tagħna kienet għamlet l-​avviżi tas-​soltu bi tħejjija għall-​inżul, u stajt nismaʼ r-​roti joħorġu b’tisbita sabiex jinżel l-​ajruplan. F’daqqa waħda, instemaʼ ħoss qawwi hekk kif l-​ajruplan li konna fuqu tkaxkar maʼ l-​art. L-​ajruplan beda jitriegħed bla kontroll, u l-​passiġġieri ħatfu d-​dirgħajn tas-​seats tagħhom u bdew iwerżqu, “X’ġara?”

Ftit mumenti wara, il-​Boeing 747 li konna fuqu baqaʼ dieħel f’għolja, tliet mili biss ’il bogħod mill-​ajruport, evidentement minħabba l-​kalkoli ħżiena tal-​pilota tagħna. B’riżultat taʼ dak id-​diżastru taʼ l-​ajru fis-​6 t’Awissu, 1997, mietu total taʼ 228 passiġġier u membri taʼ l-​ekwipaġġ. Jien kont wieħed mis-​26 ruħ li rnexxielhom isalvaw.

Qabel ma tlajt fl-​ajruplan f’Seoul, il-​Korea, rappreżentant tal-​Kumpanija kien biddilli l-​post għal wieħed aħjar, u poġġieni fl-​aħħar post li kien fadal fil-​prima klassi. Tant fraħt li ċempilt lil marti, Soon Duck, li kienet se tiltaqaʼ miegħi fl-​ajruport taʼ Gwam. Dik il-​bidla fil-​post swietli iktar milli qatt stajt nobsor.

Il-​Kraxx u x-​Xena taʼ wara

Minħabba l-​viżibilità limitata, il-​membri taʼ l-​ekwipaġġ x’aktarx li ma indunawx bil-​periklu li kien riesaq. Kollox seħħ f’ħakka t’għajn! Filli kont qed inħejji ruħi għal dak li setaʼ jinqalaʼ, u filli sibt ruħi fl-​art barra l-​ajruplan, marbut mas-​seat kif kont ftit qabel. M’iniex ċert jekk intliftx minn sensija jew le.

‘Din xi ħolma?’ staqsejt lili nnifsi. Meta ntbaħt li ma kinitx, l-​ewwel li ġieni f’moħħi kien, kif marti kienet se tirreaġixxi meta tismaʼ bil-​kraxx. Iktar tard, qaltli li hi qatt ma kienet waqfet tittama. Meta saħansitra semgħet lil xi ħadd fl-​ajruport jgħid li kienu salvaw sebaʼ passiġġieri biss, ħasset li jien kont wieħed minn dawk is-​sebgħa.

L-ajruplan tagħna kien inqasam f’erbaʼ biċċiet, u dawn ġew biċċa ’l hemm u biċċa ’l hawn fuq art imħarbta tal-​ġungla. Kien hemm iġsma kull fejn tħares. Xi partijiet taʼ l-​ajruplan ħadu n-​nar, u smajt splużjonijiet flimkien maʼ krib u għajat orribbli. “Għajjut! Għajjut!” bdew jitolbu bil-​ħniena l-​ilħna. Is-​seat tiegħi kien waqaʼ fil-​ħaxix tas-​sogħda twil sitt piedi, u fid-​dawl li jkexkex tan-​nirien, stajt nara għolja wieqfa fil-​qrib. Il-​ħin kien għall-​ħabta tas-​2.00 taʼ fil-​għodu, u x-​xita kienet għadha nieżla.

Tant kont stordut li lanqas ġieni f’rasi li forsi kont ferut, sakemm ilmaħt tfajla bil-​ġilda tal-​qorriegħa mdendla minn rasha. Fil-​pront missejt rasi u sibt li kien ħiereġ id-​demm minn qatgħa fuq għajni x-​xellugija. Bdejt niċċekkja l-​bqija taʼ ġismi u skoprejt diversi qatgħat żgħar oħrajn. Imma, niżżiħajr ’l Alla, l-​ebda waħda minnhom ma kienet tidher gravi. Madankollu, saqajja ħassejthom imtarrxin bl-​uġigħ, u ma stajtx nitħarrek. It-​tnejn li huma kienu miksurin.

Iktar tard, meta wasalt l-​isptar, it-​tobba ddeskrivew il-​ksur tiegħi bħala “mhux gravi.” U tabilħaqq li ma kienx, meta tqabblu maʼ dak t’oħrajn li kienu salvaw. Wieħed raġel ħarġuh mit-​tifrik mingħajr saqajn. Oħrajn ġarrbu ħruq kbir, inklużi tlieta li rnexxielhom isalvaw imma mietu iktar tard, wara ġimgħat sħaħ taʼ wġigħ terribbli.

Inkwetat Minħabba n-​Nirien

Minflok ma qgħadt ninkwieta fuq il-​ksur li kelli, kont iktar imħasseb dwar jekk in-​nies tas-​salvataġġ kinux se jsibuni fil-​ħin. Il-​partijiet tan-​nofs taʼ l-​ajruplan, fejn kien hemm il-​post riżervat għalija oriġinarjament, kienu kważi nqerdu għalkollox. Il-​bqija kien qed jaqbad, u l-​passiġġieri maqbudin hemm ġew ġarrbu mewta agonizzanti. Qatt ma se ninsa l-​għajat tagħhom għall-​għajnuna.

Is-siġġu tiegħi kien ġie qrib il-​parti taʼ quddiem taʼ l-​ajruplan. Kont żewġ passi ’l bogħod mit-​tifrik. Billi lwejt għonqi lura kemm stajt, irnexxieli nara n-​nirien. Bżajt li kien biss kwistjoni taʼ ftit ħin sakemm dawn jilħquni, imma niżżiħajr ’l Alla ma qorbux lejja.

Finalment Salvat!

Kull minuta bdejt naraha siegħa. Għaddiet iktar minn siegħa. Fl-​aħħar, għall-​ħabta tat-​3.00 taʼ fil-​għodu, xi nies tas-​salvataġġ sabu l-​post fejn ikkraxxja l-​ajruplan. Stajt nismagħhom jitkellmu fuq il-​quċċata taʼ l-​għolja, imbellhin b’dak li raw quddiemhom. Wieħed minnhom għajjat: “Hemm xi ħadd?”

“Hawn jien,” għajjatt b’kemm kelli saħħa. “Għajjut!” Xi passiġġieri oħrajn bdew jagħmlu l-​istess. Wieħed mill-​irġiel tas-​salvataġġ indirizza lil ieħor bħala “Ted.” Għalhekk bdejt ngħajjat, “Ħej Ted, jien hawn!” u, “Ted, ejja għinna!”

“Ġejjin! Stennew ftit,” kienet it-​tweġiba.

Ix-xita bil-​qliel, li x’aktarx salvat lil ħafna min-​nirien, fixklithom huma u neżlin l-​għolja kollha żliq. B’riżultat taʼ dan, għaddiet siegħa oħra sakemm in-​nies tas-​salvataġġ waslu ħdejn dawk li kienu salvaw. Ħassejtni li damu għomor biex sabuni.

“Hawn aħna,” qalu tnejn tas-​salvataġġ bid-​dwal f’idejhom. “Tinkwetax.” Malajr ngħaqdu magħhom tnejn oħra, u flimkien ipprovaw iħarrkuni. Tnejn minnhom qabduni minn dirgħajja, u t-​tnejn l-​oħra żammewli riġlejja. Verament ħassejtni muġugħ li ninġarr b’dak il-​mod, iktar u iktar peress li bdew jiżolqu minħabba t-​tajn. Wara li ġarrewni għal ftit, meddewni maʼ l-​art. Wieħed minnhom mar iġib streċer, u ħaduni fejn kien hemm ħelikopter tal-​militar li setaʼ jwassalni sa l-​ambulanza fuq il-​quċċata taʼ l-​għolja.

Rajtha lil Marti, sa fl-​Aħħar!

Kienu saru l-​5.30 taʼ fil-​għodu meta dħalt l-​emerġenza. Minħabba l-​ksur gravi li kelli, it-​tobba ma ħallewnix nagħmel telefonata. Għalhekk marti damet biex saret taf li jien kont salvajt sa l-​10.30 taʼ fil-​għodu, kważi disaʼ sigħat wara li kkraxxja l-​ajruplan. Kienet qaltilha b’dan ħabiba tagħha li rat ismi fost dawk li baqgħu ħajjin.

Meta sa fl-​aħħar ’il-mara ħallewha tarani, għal xi l-​4.00 taʼ wara nofs in-​nhar, jien m’għarafthiex mill-​ewwel. Ma kontx f’sensija għalkollox minħabba l-​effett tal-​pilloli taʼ l-​uġigħ. “Grazzi talli għadek ħaj,” kien l-​ewwel kliem tagħha. Ma niftakarx x’intqal, imma iktar tard qaluli li jien kont weġibt: “Tirringrazzjax lili. Irringrazzja lil Jehovah.”

Inżomm il-​Prijoritajiet fl-​Ordni

Waqt li kont qed nirkupra fl-​isptar, l-​uġigħ li ħassejt kien familjari għalija. Fis-​sena 1987, inqas minn sena wara li mill-​Korea mort noqgħod fi Gwam, kont waqajt minn fuq armar mir-​rabaʼ sular f’inċident waqt xogħol taʼ bini u kont ksirt saqajja t-​tnejn. Dak kien iż-​żmien għal bidla f’ħajti. Oħti l-​kbira, li kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, kienet inkuraġġietni biex nistudja l-​Bibbja. Il-​perijodu taʼ sitt xhur biex irkuprajt ipprovdieli opportunità biex nagħmel dan. Bħala riżultat, dik is-​sena stess iddedikajt ħajti lil Alla Jehovah u ssimbolizzajt dan bil-​magħmudija taʼ l-​ilma.

Minn dak in-​nhar li waqaʼ l-​ajruplan, ħsibt dwar skrittura li għandi għal qalbi, li tgħid: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Jien u nirkupra mill-​kraxx taʼ l-​ajruplan, kelli l-​opportunità li nirrifletti mill-​ġdid fuq ħajti.

B’mod verament qawwi, il-​kraxx tat-​Titjira 801 tassew urieni kemm hija prezzjuża l-​ħajja. Stajt faċilment sfajt mejjet! (Koħèlet 9:11) Kif ġraw l-​affarijiet, kelli bżonn diversi operazzjonijiet biex ġismi jiġi f’postu, u qattajt iktar minn xahar nirkupra fl-​isptar.

Issa nixtieq nuri lill-​Ħallieq Grandjuż tiegħi li jien tassew napprezza r-​rigal meraviljuż tiegħu tal-​ħajja, inkluż il-​provvediment tiegħu sabiex il-​bnedmin igawdu ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-​art. (Salm 37:​9-11, 29; Apokalissi 21:​3, 4) Nirrealizza li l-​aħjar mod biex nuri apprezzament bħal dan huwa billi nkompli npoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajti.​—Ikkontribwit.

[Sors tal-Istampa fʼpaġna 23]

US Navy/Sipa Press

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja