LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 7/8 pp. 20-21
  • Suġġerimenti għall-Ivvjaġġar minn Pilota t’Esperjenza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Suġġerimenti għall-Ivvjaġġar minn Pilota t’Esperjenza
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tagħmel Vjaġġ bi Ftit Perikli Inqas Perikoluż
  • F’Każ t’Emerġenza
  • Kif Tkun Konxju Dwar is-Sigurtà
    Stenbaħ!—2002
  • Il-Vjaġġ it-Tajjeb!
    Stenbaħ!—2000
  • It-Tfittxija għas-Sigurtà fl-Ajru
    Stenbaħ!—2002
  • X’Hemm Bżonn biex Jibqgħu Jtiru?
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 7/8 pp. 20-21

Suġġerimenti għall-​Ivvjaġġar minn Pilota t’Esperjenza

JIEN verament inħobbu l-​ajruplan—minn dejjem hekk kont. Mhux biss jagħtik il-​libertà li tivvjaġġa minn post għall-​ieħor f’qasir żmien imma wkoll f’ġurnata mudlama dak li jkun jistaʼ jivvjaġġa minn ġos-​sħab u jtir ’il fuq lejn id-​dawl jiddi tax-​xemx. Ilni nieħu pjaċir nivvjaġġa bl-​ajru mill-​ewwel titjira tiegħi meta kont tifel fl-​1956. L-​imħabba kbira li għandi għall-​ivvjaġġar bl-​ajru wasslitni biex insir pilota professjonali, u għal xi żmien kont investigatur taʼ l-​aċċidenti li jsiru fuq l-​ajruplani.

Kemm huwa ħieles mill-​periklu l-​ivvjaġġar bl-​ajru? U liema prekawzjonijiet għandek tieħu meta tiġik l-​opportunità tivvjaġġa bl-​ajruplan?

Kif Tagħmel Vjaġġ bi Ftit Perikli Inqas Perikoluż

Madwar id-​dinja, kull sena kważi 18,000 ajruplan tal-​passiġġieri jinżlu u jitilgħu regolarment minn ħafna ajruporti, filwaqt li jittrasportaw iktar minn 1.6 biljun passiġġier lejn id-​destinazzjonijiet tagħhom—u ftit isiru aċċidenti. Fil-​fatt, Lloyd’s taʼ Londra, aġenzija taʼ l-​assigurazzjoni rinomata, tikkalkula li l-​ivvjaġġar bl-​ajru huwa 25 darba inqas perikoluż mill-​ivvjaġġar bil-​karozza. Statistikament mela, l-​iktar parti perikoluża mill-​vjaġġ tiegħek huwa l-​vjaġġ bil-​karozza ’l hemm u ’l hawn mill-​ajruport. Minkejja dan, jekk tieħu xi prekawzjonijiet f’lokhom meta tivvjaġġa bl-​ajru, dan il-​vjaġġ li kważi hu bla perikli tistaʼ tagħmlu saħansitra inqas perikoluż.

● Agħżel il-​kumpanija taʼ l-​ajru bir-​reqqa: Mhux il-​kumpaniji taʼ l-​ajru kollha huma magħrufin bl-​istess mod għas-​sigurtà tagħhom. Ġeneralment, ajruplani taʼ kumpaniji stabbiliti huma inqas perikolużi. Dawn il-​kumpaniji jużaw ajruplani moderni li jkunu magħrufin għas-​sigurtà u l-​manutenzjoni tajba tagħhom.

● Agħżel ħwejġek bil-​ħsieb: Dawk li jsalvaw meta jikkraxxja xi ajruplan jiffaċċjaw il-​periklu tan-​nar u d-​duħħan. Għalhekk, jekk tilbes kmiem twal u qalziet twil jew dublett twil se tipproteġi tajjeb il-​ġilda tiegħek min-​nar u s-​sħana. Ħwejjeġ magħmulin minn materjal naturali se jipproteġuk tajjeb, imma fis-​sħana materjal sintetiku ħafna drabi jdub jew jinxtorob fuq il-​ġilda, u għalhekk iktar hemm ċans li ssofri minn ħruq estensiv. Fis-​sħana, anki ħwejjeġ tal-​ġilda jistgħu jinxtorbu u aħjar ma tilbishomx. Jekk tilbes saffi taʼ ħwejjeġ fuq xulxin se tkun iktar protett milli jekk tilbes saff wieħed biss, u ħwejjeġ ċari jirriflettu s-​sħana aħjar minn ħwejjeġ skuri. Żraben ċatti, preferibbilment bil-​lazz, x’aktarx li se jibqgħu f’saqajk iktar faċilment u jipproteġuk minn qtugħ u ħruq, u kalzetti tas-​suf huma aħjar minn dawk sintetiċi.

● Ismaʼ l-​istruzzjonijiet taʼ sigurtà: Il-​membri taʼ l-​ekwipaġġ se jipprovdu istruzzjonijiet dettaljati taʼ sigurtà qabel ma jitlaq l-​ajruplan. Jekk jinqalaʼ xi aċċident, għalkemm dan ma tantx hu probabbli li jiġri, għandu mnejn ikollok tipprova toħroġ mill-​ajruplan billi tuża l-​istruzzjonijiet li tiftakar. Għalhekk, agħti kas sew taʼ l-​informazzjoni. Stħarriġ li sar dwar xi Kanadiżi li jivvjaġġaw bl-​ajru wera li 29 fil-​mija biss mill-​passiġġieri fuq l-​ajruplan qraw jew taw daqqa t’għajn tal-​karta bl-​istruzzjonijiet taʼ sigurtà. Ħu ftit ħin biex tistudja l-​istruzzjonijiet, speċjalment dawk li juruk kif tistaʼ tiftaħ il-​bibien t’emerġenza, ladarba tistaʼ tkun int li tasal hemm l-​ewwel. Ikkunsidra kif tistaʼ ssib minfejn toħroġ jekk ma tkunx tistaʼ tara minħabba d-​dlam jew id-​duħħan. Suġġeriment wieħed sempliċi hu li tgħodd kemm hemm ringieli bejnek u bejn il-​post minfejn tistaʼ toħroġ. Imbagħad, anki fid-​dlam, tkun tistaʼ ssib u tiftaħ il-​bieb t’emerġenza.

● Tantx ittellaʼ basktijiet f’idejk: Skond il-​ġurnal Flight International ħaġa taʼ periklu li ssir darba wara l-​oħra hi li waqt vjaġġ normali jaqgħu affarijiet mill-​kumpartiment fejn jinżammu l-​basktijiet li l-​passiġġieri jġorru f’idejhom. Dan isir jew minħabba li dawn il-​kumpartimenti ma jingħalqux sew jew għax jinfetħu mill-​passiġġieri waqt il-​vjaġġ. B’hekk, l-​affarijiet jaqgħu fuq ras xi ħadd u jweġġgħuh jew saħansitra joqtluh. Mela żomm f’moħħok li basktijiet tqal li jinġarru fl-​idejn huma taʼ periklu. Għalhekk, f’każ li jkun hemm ħajtek fin-​nofs, ħalli l-​basktijiet tiegħek KOLLHA warajk. Ikkonċentra fuq li ssalva! Il-​basktijiet tistaʼ tiħodhom wara.

F’Każ t’Emerġenza

L-​iktar evakwazzjoni taʼ periklu hi meta jkun hemm in-​nar, id-​duħħan, u l-​gassijiet. Rapport t’aċċident wieħed qal: “Meta l-​ajruplan illandja, ma kienx hemm viżibilità fil-​kabina [minħabba d-​duħħan] minn pied ’il fuq mill-​art. Dawk li salvaw qalu li bilkemm kellhom saħħa u kapaċità mentali jaslu sal-​bieb taʼ l-​emerġenza.” Li wieħed jibqaʼ ħaj kien jiddependi minn kemm joħroġ malajr mill-​ajruplan.

Il-membri taʼ l-​ekwipaġġ ġew imħarrġin biex jgħinu lil kulħadd joħroġ mill-​ajruplan malajr u qawwi u sħiħ. Għalhekk, obdi immedjatament l-​istruzzjonijiet li jagħtuk. Madankollu, l-​affarijiet mhux dejjem imorru kif inhu mistenni. Problemi bis-​sistemi tas-​sawnd, il-​fatt li l-​membri taʼ l-​ekwipaġġ jistgħu jweġġgħu, il-​konfużjoni, u l-​effetti taʼ l-​istorbju, is-​sħana, u d-​duħħan, għandhom mnejn iġagħlu l-​isforzi mill-​aħjar tal-​membri taʼ l-​ekwipaġġ biex ma jibqgħux effettivi. Il-​kumpanija taʼ l-​ajru li tkun qed tuża għandha mnejn ma tużax l-​istess lingwa tiegħek, u dan ukoll jistaʼ jfixkel il-​komunikazzjoni tajba bejnek u bejn il-​membri taʼ l-​ekwipaġġ.

Analisi li saret dwar l-​aċċidenti turi li d-​determinazzjoni tiegħek stess biex issalva hija element importanti ferm fiċ-​ċans li għandek li tibqaʼ ħaj f’każ t’emerġenza. Hemm bżonn li jkollok pjan speċifiku t’azzjoni u għandek tkun lest li tieħu r-​responsabbiltà taʼ ħajtek stess. Il-​pjan tiegħek għandu jinkludi lil dawk kollha li tkun qed tivvjaġġa magħhom, speċjalment it-​tfal jew dawk akbar fl-​età, u għandu jinkludi wkoll modi kif tibqgħu miġburin flimkien sabiex tgħinu lil xulxin waqt li tkunu qed tipprovaw toħorġu. Ir-​rivista Flying Safety jissuġġerixxi li jekk biex tipprovaw toħorġu jkollkom tgħaddu mid-​duħħan, għid lil dawk li tkun magħhom biex jaqbdu wieħed maʼ l-​ieħor. Il-​fatt li jaqbdu maċ-​ċinturin tiegħek jistaʼ jkun bħal katina taʼ sigurtà. Għid lil dawk li qed tivvjaġġa magħhom x’inhu l-​pjan t’azzjoni tiegħek f’każ li tinqalaʼ xi emerġenza.

Kull tip taʼ vvjaġġar jippreżenta xi tip taʼ riskju, imma ajruplani moderni tal-​passiġġieri jgħinuna nevitaw ħafna perikli u jippermettu li naslu fid-​destinazzjoni tagħna rilassati u lesti għax-​xogħol jew l-​isfog. Kun preparat imma mhux inkwetat. Irrilassa u ħu gost bil-​vjaġġ​—jien dejjem hekk nagħmel.— Kontribwit.

[Stampa f’paġna 21]

Taħriġ fuq kif jinħarġu l-​passiġġieri mill-​ajruplan f’każ t’emerġenza

[Stampa f’paġna 21]

Ismaʼ l-​istruzzjoniiet taʼ sigurtà

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja