LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 4/8 pp. 3-6
  • Id-​Diskriminazzjoni Kontra N-​Nisa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Id-​Diskriminazzjoni Kontra N-​Nisa
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sehem Iżgħar
  • Ommijiet u Wħud li Jipprovdu għall-​Familja
  • Għala Qed Tikber il-Problema?
    Stenbaħ!—2003
  • Napprezzaw Lin-​Nisa U x-​Xogħol Tagħhom
    Stenbaħ!—1998
  • It-Tfajliet Għala Ma Jinġibdux Lejja?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Tfal Fi Kriżi
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1998
g98 4/8 pp. 3-6

Id-​Diskriminazzjoni Kontra N-​Nisa

FL-​AFRIKA tal-​Punent, negozjant jixtri tifla taʼ disaʼ snin. Fl-​Asja, tarbija tat-​twelid tiġi midfuna ħajja fir-​ramel tad-​deżert. F’pajjiż Orjentali, tifla ċkejkna tmut bil-​ġuħ f’orfanatrofju​—ħadd qatt ma riedha jew ħa ħsiebha. Ħaġa waħda kienet komuni f’dawn it-​traġedji: Il-​vittmi kollha kienu bniet. Il-​fatt li kienu tas-​sess femminil kien ifisser li kienu kkunsidrati dispensabbli.

Dawn m’humiex xi każi iżolati. Fl-​Afrika, eluf taʼ tfal bniet u tfajliet jiġu mibjugħin bħala skjavi, xi wħud għal $15 [Lm6] biss. U huwa rrapportat li kull sena mijiet taʼ eluf taʼ tfajliet żgħar jiġu mibjugħin jew sforzati jsiru prostituti, l-​iżjed fl-​Asja. Jerġaʼ agħar minn hekk, il-​figuri tal-​popolazzjoni taʼ għadd taʼ pajjiżi jindikaw li daqs 100 miljun tifla huma “neqsin.” Evidentement dan huwa dovut għall-​abort, l-​infantiċidju, jew l-​abbandun totali taʼ tfal bniet.

Għal żmien twil​—sekli sħaħ—​in-nisa kienu jitqiesu b’dan il-​mod f’ħafna pajjiżi. U hekk għadhom f’xi postijiet. Għala? Għaliex f’pajjiżi bħal dawn, is-​subjien jitqiesu iktar taʼ valur. F’dawn il-​pajjiżi, jaħsbu li tifel jistaʼ jkompli l-​arblu tar-​razza, jiret il-​propjetà, u jieħu ħsieb il-​ġenituri meta jixjieħu, għax taʼ spiss f’dawn il-​pajjiżi, dawk imdaħħlin fiż-​żmien ma jingħatawx pensjoni mill-​gvern. Qawl Asjatiku jallega li “jekk trabbi tifla tkun qisek qed issaqqi pjanta fil-​ġnien tal-​ġâr tiegħek.” Meta tikber, hi se titlaq biex tiżżewweġ jew għandha mnejn saħansitra tiġi mibjugħa bħala prostituta, u b’hekk ftit li xejn se tkun taʼ għajnuna f’li tieħu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien.

Sehem Iżgħar

F’pajjiżi mifnijin bil-​faqar, din l-​attitudni tfisser inqas ikel, inqas kura tas-​saħħa, u inqas skola għall-​bniet fil-​familja. Riċerkaturi f’pajjiż Asjatiku sabu li 14 fil-​mija tal-​bniet ma kinux nutriti biżżejjed, imqabblin maʼ 5 fil-​mija biss tas-​subjien. Rapport mill-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal (UNICEF) jispjega li f’xi pajjiżi, in-​numru taʼ subjien li jittieħdu biex jingħataw kura fiċ-​ċentri tas-​saħħa huwa d-​doppju tan-​numru taʼ bniet. U ’l fuq minn 40 fil-​mija tat-​tfajliet fl-​Afrika kif ukoll fl-​Asja tan-​Nofsinhar u tal-​Punent huma illitterati. “Teżisti segregazzjoni terribbli tas-​sessi fil-​pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,” qalet b’dispjaċir Audrey Hepburn, li issa hija mejta, u li qabel kienet ambaxxatriċi taʼ l-​UNICEF.

Din is-​“segregazzjoni tas-​sessi” ma tisparixxix meta l-​bniet isiru adulti. Il-​mara, iktar iva milli le, xortiha tkun ħajja taʼ faqar, vjolenza u xogħol taʼ tbatija bla heda, preċiżament għax hija mara. Il-​president tal-​World Bank (Bank Dinji) spjega: “In-​nisa jagħmlu żewġ terzi tax-​xogħol fid-​dinja. . . . Madankollu, huma jaqilgħu biss 10 fil-​mija tad-​dħul li jsir fid-​dinja u jippossiedu inqas minn wieħed fil-​mija tal-​propjetà li hawn fid-​dinja. Huma fost l-​ifqarnett tad-​dinja.”

Skond rapport tal-​Ġnus Magħquda, iktar minn 70 fil-​mija tal-​1.3 biljun ruħ fid-​dinja li jgħixu fil-​faqar estrem huma nisa. “U s-​sitwazzjoni sejra għall-​agħar,” żied ir-​rapport. “L-​għadd taʼ nisa kampanjoli li jgħixu fil-​faqar assolut żdied bi kważi 50% matul dawn l-​aħħar għoxrin sena. Kulma jmur, il-​faqar qed jaħkem l-​iktar fuq in-​nisa.”

Jerġaʼ iktar trawmatika mill-​faqar oppressiv hemm il-​vjolenza li tirrovina l-​ħajjiet taʼ daqstant nisa. Huwa stmat li mitt miljun tifla, l-​iżjed fl-​Afrika, sofrew immankar ġenitali. L-​istupru huwa abbuż li hu mifrux maʼ kullimkien u li f’xi nħawi tistaʼ tgħid ma jsir ebda ddokumentar tiegħu, għalkemm xi studji jindikaw li f’xi pajjiżi mara minn kull sitta tiġi stuprata matul ħajjitha. Il-​gwerer jolqtu sew lill-​irġiel u sew lin-​nisa, imma l-​biċċa l-​kbira tar-​refuġjati li jiġu sforzati jaħarbu minn djarhom huma nisa u tfal.

Ommijiet u Wħud li Jipprovdu għall-​Familja

Il-​piż taʼ li tieħu ħsieb il-​familja taʼ spiss jaqaʼ iktar fuq l-​omm. X’aktarx li taħdem sigħat itwal u għandha mnejn tkun hi l-​unika waħda li tipprovdi għall-​familja. F’xi nħawi rurali taʼ l-​Afrika, kważi nofs il-​familji huma mmexxijin min-​nisa. F’xi lokalitajiet fil-​pajjiżi tal-​Punent, proporzjon ġmielu mill-​familji huma mmexxijin mill-​mara.

Barra minn hekk, b’mod speċjali f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, hemm id-​drawwa li n-​nisa jagħmlu xogħol mill-​iktar strapazzuż, bħal li jġorru l-​ilma u l-​ħatab. It-​tqaċċit tas-​siġar tal-​foresti u l-​fatt li l-​annimali jitħallew jirgħu żżejjed għamlu dan ix-​xogħol ħafna iktar diffiċli. F’xi pajjiżi li spiss jintlaqtu min-​nixfa, in-​nisa jqattgħu tliet sigħat jew iktar kuljum ifittxu l-​ħatab u erbaʼ sigħat kuljum iġorru l-​ilma. Huwa biss wara li jkunu ħadu dawn il-​battikati kollha li jkunu jistgħu jibdew jagħmlu x-​xogħol li huwa mistenni minnhom fid-​dar jew fir-​rabaʼ.

Ovvjament, kemm l-​irġiel u kemm in-​nisa jsofru f’pajjiżi fejn il-​faqar, il-​ġuħ jew il-​ġlied huma l-​affarijiet li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom taʼ kuljum. Imma n-​nisa jsofru b’mod sproporzjonat. Din is-​sitwazzjoni qatt se tinbidel? Jeżistu xi prospetti ġenwini li xi darba n-​nisa kullimkien jibdew jiġu ttrattati bir-​rispett u l-​konsiderazzjoni? Hemm xi ħaġa li n-​nisa jistgħu jagħmlu issa biex itejbu l-​qagħda tagħhom?

[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 5]

Prostituti Bniet​—Min Jaħti?

Huwa stmat li kull sena, miljun tifel u tifla​—fil-​biċċa l-​kbira bniet—​jiġu sforzati jew mibjugħin biex isiru prostituti. Araya,a li hija mix-​Xlokk taʼ l-​Asja, tiftakar xi ġralhom uħud minn sħabha tal-​klassi. “Kulvadee saret prostituta meta kellha biss 13-il sena. Kienet tifla mintagħna, imma ommha spiss kienet tisker u tilgħab il-​powker, u għalhekk ma kellhiex ħin biex tieħu ħsieb bintha. Omm Kulvadee inkuraġġietha biex taqlaʼ l-​flus billi tmur maʼ l-​irġiel, u f’qasir żmien, bdiet taħdem bħala prostituta.

“Sivun, studenta oħra fil-​klassi tiegħi, kienet mit-​Tramuntana tal-​pajjiż. Kellha biss 12-il sena meta l-​ġenituri tagħha bagħtuha lejn il-​belt kapitali biex taħdem bħala prostituta. Kellha taħdem sentejn sħaħ biex tagħmel tajjeb għall-​kuntratt li kienu ffirmaw il-​ġenituri tagħha. Sivun u Kulvadee m’humiex xi każi rari​—5 mill-​15-il tifla fil-​klassi tiegħi saru prostituti.”

Jeżistu miljuni taʼ tfal bħal Sivun u Kulvadee. “L-​industrija tas-​sess hija suq enormi li għandu l-​momentum tiegħu,” qalet b’dispjaċir Wassyla Tamzali, taʼ l-​UNESCO (Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda). “Li tinbiegħ tifla taʼ 14-il sena saret ħaġa tant komuni, li hija ħaġa banali.” U ladarba dawn it-​tfal ikunu nbigħu fl-​iskjavitù tas-​sess, ikun kważi impossibbli li jitħallas il-​prezz li għalih ikunu nbigħu. Manju, li missierha biegħha meta kellha 12-il sena, xorta kien għad fadlilha $300 (Amerikan) [Lm115] xi tħallas wara sebaʼ snin taʼ prostituzzjoni. “Ma kien hemm xejn li stajt nagħmel​—kont inqbadt ġo nassa,” tispjega hi.

Għal dawn il-​bniet, li jiskansaw l-​AIDS jistaʼ jkun diffiċli daqs li jaħarbu lil dawk li jħaddmuhom, li jagħmluhom skjavi tagħhom. Stħarriġ li sar fix-​Xlokk taʼ l-​Asja jindika li 33 fil-​mija taʼ dawn it-​tfal prostituti ġew infettati bil-​virus taʼ l-​AIDS. Sakemm tibqaʼ tiffjorixxi l-​industrija tal-​prostituzzjoni, li ġġib qligħ taʼ ħames biljun dollaru [Lm1.9 biljun], hemm il-​probabbiltà li dawn il-​bniet jibqgħu jsofru.

Min jaħti għal din il-​prattika orribbli? Ovvjament, dawk li jbigħu jew jixtru l-​bniet għall-​prostituzzjoni għandhom parti kbira mill-​ħtija. Imma l-​irġiel moqżieża li jużaw il-​bniet biex jissodisfaw ix-​xenqiet sesswali żienja tagħhom ukoll għandhom jiġu kkundannati. Għax mingħajr uħud bħal dawn li jipprattikaw l-​immoralità, il-​prostituzzjoni taʼ dawn il-​bniet ma kinitx tkun teżisti.

[Nota taʼtaħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa]

Kull sena madwar miljun tfajla żgħira jiġu sforzati jsiru prostituti

[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 6]

Ġurnata tax-​Xogħol għal Mara fl-​Afrika Ċentrali

Il-​mara tqum fis-​sitta u tipprepara l-​kolazzjon għaliha u għall-​familja, u dan jikluh f’nofs l-​għodwa. Wara li ġġorr l-​ilma mix-​xmara li hemm fil-​qrib, terħilha lejn il-​biċċa art li għandha​—tistaʼ tieħu sa siegħa biex timxiha.

Sa xi l-​erbgħa taʼ wara nofsinhar, hi tagħżaq l-​art, taqlaʼ l-​ħaxix ħażin minnha, jew issaqqiha, u tieqaf biss għal ftit biex tiekol l-​ikel li tkun ħadet magħha. Is-​sagħtejn li jkun fadal qabel jidlam tużahom biex taqtaʼ l-​ħatab u biex tiġbor il-​kassava jew ħxejjex oħrajn għall-​familja​—u dawn kollha ġġorrhom lejn id-​dar.

Normalment, tasal id-​dar hekk kif tkun nieżla x-​xemx. Issa għad hemm xogħol ieħor xi jsir, dak li tipprepara l-​ikla taʼ fil-​għaxija, biċċa xogħol li għandha mnejn tiħdilha sagħtejn jew iktar. Il-​Ħdud tqattagħhom taħsel il-​ħwejjeġ fix-​xmara lokali u mbagħad, meta jkunu nixfu, toqgħod tgħaddihom.

Ir-​raġel tagħha rari japprezza dan ix-​xogħol iebes jew jagħti widen għas-​suġġerimenti tagħha. Hu ma jgħid xejn għax jaqtaʼ s-​siġar jew jaħraq is-​siġar żgħar tal-​foresta ħalli hi tkun tistaʼ tipprepara l-​art għaż-​żrigħ, imma tistaʼ tgħid li ma jagħmel xejn iżjed. Xi ħabtiet, lit-​tfal jiħodhom sax-​xmara biex jinħaslu, u forsi joqgħod jonsob u jistad xi ftit. Imma l-​biċċa l-​kbira tal-​ġurnata tiegħu jqattagħha jparla maʼ l-​irġiel l-​oħrajn tar-​raħal.

Jekk ir-​raġel ikun jaffordja, wara ftit snin, iġib id-​dar mara ġdida u iżgħar, li mbagħad issir iċ-​ċentru taʼ l-​affezzjonijiet tiegħu. Madankollu, l-​ewwel mara tiegħu xorta obbligata tibqaʼ taħdem bħal dejjem, sa ma saħħitha tmur lura jew tmut.

In-​nisa Afrikani jkollhom jagħmlu ammont kbir taʼ xogħol

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja