Min Kien Ġesù Kristu?
F’dan iż-żmien tas-sena, f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, qed jiġi ċċelebrat il-Milied. Mijiet taʼ miljuni taʼ nies jemmnu li Ġesù Kristu twieled fil-25 taʼ Diċembru, madwar 2,000 sena ilu. Fil-pitturi u l-iskulturi nsibu diversi rappreżentazzjonijiet grafiċi tiegħu bħala tarbija f’maxtura. Imma, m’għandniex xi ngħidu, hu kiber u sar raġel, u għex fuq l-art għal 33 sena u nofs.
QATT ġietek il-kurżità dwar l-apparenza fiżika taʼ Ġesù meta kien adult? X’karnaġġjon kellu? Kien hu raġel sabiħ kollu muskoli, jew kellu dehra taʼ wieħed xîpli u kemxejn marradi, bħalma pinġewh diversi artisti matul is-sekli? Kellu daqna jew le? Kellu xagħru twil?
Ukoll, kellu Ġesù xi dija li tindika qdusija, bħal xi dawl forma taʼ raġġiera madwar rasu, bħalma jpinġuh ċerti artisti? Jew ir-realtà kienet xi ħaġa differenti—li ma kellu ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi li jiddistingwuh, imma setaʼ faċilment jitħallat mal-folla mingħajr ħadd ma jagħrfu?
Matul iż-żmien, storjografi sekulari u artisti pproponew ideat li xejn ma jaqblu rigward id-dehra taʼ Ġesù. Iktar minn hekk, ngħataw indikazzjonijiet taʼ min joqgħod fuqhom minn rakkonti taʼ nies li rawh b’għajnejhom stess, kittieba tal-Bibbja li għexu fl-ewwel seklu u li kienu jkunu fil-kumpanija tiegħu.
Madankollu, dawn li ġejjin huma mistoqsijiet bil-wisq iktar importanti minn dawk li għandhom x’jaqsmu mal-bixra tiegħu: Min tassew kien Ġesù Kristu? Liema rwol għandu fl-iskop t’Alla? Wettqu dan l-irwol? X’qed jagħmel issa, u fejn qiegħed? Hija l-pożizzjoni tiegħu tant importanti li se teffettwa lill-umanità kollha, saħansitra lil ħafna li diġà mietu?
Ejjew l-ewwel neżaminaw l-evidenza dwar l-apparenza taʼ Ġesù. X’bixra kellu?