It-Tfittxija għad-Destin Tal-bniedem
IT-TWEMMIN fid-destin għala hu daqshekk mifrux maʼ kullimkien? Matul iż-żminijiet, il-bniedem ipprova jikxef il-misteri tal-ħajja u jsib skop fil-ġrajjiet li kienu qed jiżviluppaw. “Huwa hawn li l-kategoriji ‘alla,’ ‘destin,’ u ‘kumbinazzjoni’ jidħlu fix-xena, skond jekk il-ġrajjiet humiex ġejjin minn potenza persunali, minn ordni impersunali, jew minn ebda ordni affattu,” jispjega l-istorjografu Helmer Ringgren. L-istorja hija miżgħuda bi twemmin, leġġendi, u ħrejjef li għandhom x’jaqsmu mad-destin.
L-Assirjologu Jean Bottéro jgħid: “Il-kultura tagħna, fl-aspetti kollha tagħha, hija fil-biċċa l-kbira formata miċ-ċivilizzazzjoni tal-Mesopotamja,” u jżid li huwa fil-Mesopotamja jew Babilonja tal-qedem li nsibu “l-eqdem reazzjonijiet u riflessjonijiet li nistgħu nifhmuhom taʼ l-umanità dwar dak li hu soprannaturali, l-eqdem struttura reliġjuża li tistaʼ tiġi identifikata.” Huwa hawnhekk ukoll li nsibu l-oriġini tad-destin.
L-Għeruq Antiki tad-Destin
Fost ir-rovini antiki tal-Mesopotamja, f’dak li llum huwa l-Iraq, l-arkeoloġi skoprew xi wħud mill-eqdem kitbiet li jaf bihom il-bniedem. Eluf taʼ twavel b’kitba kunejformi jagħtuna stampa ċara taʼ kif kienet il-ħajja fiċ-ċiviltajiet taʼ Sumer u Akkad tal-qedem u fil-belt famuża taʼ Babilonja. Skond l-arkeologu Samuel N. Kramer, is-Sumerjani “kienu inkwetati minħabba l-problema tas-sofferenza umana, partikolarment minħabba l-kaġuni pjuttost enigmatiċi tagħha.” It-tiftix tagħhom għat-tweġibiet wassalhom għall-idea tad-destin.
Fil-ktieb tagħha Babylon, l-arkeologa Joan Oates tgħid li “kull Babiloniż kellu l-alla raġel jew mara persunali tiegħu.” Il-Babiloniżi kienu jemmnu li l-allat “ifformaw id-destini taʼ l-umanità kollha, individwalment u kollettivament.” Skond Kramer, is-Sumerjani kienu jemmnu li “l-allat li kellhom il-kontroll taʼ l-univers f’idejhom ippjanaw u stabbilew il-ħażen, il-gideb u l-vjolenza bħala parti integrali miċ-ċiviltà.” It-twemmin fid-destin kien mifrux maʼ kullimkien, u kienu jqisuh bħala importanti ħafna.
Il-Babiloniżi kienu jaħsbu li kien possibbli li jsiru jafu x’kienu l-pjanijiet taʼ l-allat permezz tal-qari tax-xorti—“teknika taʼ komunikazzjoni maʼ l-allat.” Il-qari tax-xorti kien jinvolvi li wieħed jipprova jbassar il-futur billi josserva, ifisser, u jinterpreta l-affarijiet u l-ġrajjiet. Tipikament, kienu jeżaminaw il-ħolm, l-imġiba taʼ l-annimali, u l-vixxri. (Qabbel Eżekjel 21:26 [21:21, NW]; Danjel 2:1-4.) Affarijiet li jiġru bla mistenni jew affarijiet mhux tas-soltu li kien jingħad li kienu jirrivelaw il-futur kienu jiġu dokumentati fuq twavel tat-tafal.
Skond l-istudjuż Franċiż taċ-ċiviltajiet tal-qedem Édouard Dhorme, “immorru kemm immorru lura fl-istorja tal-Mesopotamja, nibqgħu nsibu l-bassâr u l-idea tal-qari tax-xorti.” Il-qari tax-xorti kien fattur integrali tal-ħajja. Tabilħaqq, il-Professur Bottéro jgħid li “kollox setaʼ jkun kunsidrat bħala oġġett li setgħu jeżaminawh u jikkonkludu xi ħaġa minnu permezz tal-qari tax-xorti . . . L-univers materjali kollu għalihom kien l-evidenza li minnha setgħu jisiltu l-futur b’xi mod wara studju bir-reqqa.” In-nies tal-Mesopotamja kienu b’hekk prattikanti ferventi taʼ l-astroloġija bħala mezz li bih ibassru l-futur.—Qabbel Isaija 47:13.
Iktar minn hekk, il-Babiloniżi kienu jużaw id-dadi jew oġġetti oħrajn fil-qari tax-xorti. Fil-ktieb tagħha Randomness, Deborah Bennett tispjega li dawn il-mezzi kellhom “jeliminaw il-possibbiltà tal-manipulazzjoni mill-bniedem u b’hekk l-allat ikollhom mezz li bih jesprimu r-rieda divina tagħhom mingħajr xkiel.” Madankollu, id-deċiżjonijiet taʼ l-allat ma kinux kunsidrati ineżorabbli. Għajnuna biex jiġi evitat destin kiefer setgħet tinkiseb permezz t’appell lill-allat.
Id-Destin fl-Eġittu tal-Qedem
Fis-seklu 15 Q.E.K., kien hemm kuntatt estensiv bejn Babilonja u l-Eġittu. Prattiċi reliġjużi konnessi mad-destin kienu inklużi fit-taħlit kulturali li rriżulta. L-Eġizzjani għala aċċettaw it-twemmin fid-destin? Skond John R. Baines, professur taʼ l-Eġittoloġija fl-Università taʼ Oxford, “ħafna mir-reliġjon [Eġizzjana] kellha x’taqsam m’attentati biex jifhmu u jwieġbu għall-ġrajjiet imprevedibbli u sfortunati.”
Fost il-ħafna allat Eġizzjani, Isis ġiet deskritta bħala s-“sid tal-ħajja, il-ħakkiema tad-destin u x-xorti.” L-Eġizzjani wkoll kienu jipprattikaw il-qari tax-xorti u l-astroloġija. (Qabbel Isaija 19:3.) Wieħed storjografu jgħid: “L-inġenwità tagħhom f’li jistaqsu lill-allat kienet bla limitu.” Iżda l-Eġittu ma kienx l-unika ċiviltà li ssellfet mingħand Babilonja.
Greċja u Ruma
Fejn jidħlu kwistjonijiet reliġjużi, “il-Greċja tal-qedem ma ħelsithiex mill-influwenza tant mifruxa imma fl-istess ħin intensa taʼ Babilonja,” josserva Jean Bottéro. Il-Professur Peter Green jispjega għala t-twemmin fid-destin kien tant popolari fil-Greċja: “F’dinja inċerta, fejn in-nies kienu qed jistmerru dejjem iktar li jerfgħu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom, u tabilħaqq, spiss kienu jħossu li kienu sempliċement pupi li ma setgħux jikkontrollaw dak li jsir minnhom, manipulati minn dak li jirrikjedi Destin misterjuż u inflessibbli, digriet orakulari divin [destin determinat mill-allat] kien mod wieħed kif individwu setaʼ jkollu l-futur tiegħu ppjanat għalih. Dak li kien iffissat mid-Destin setaʼ, jekk wieħed kellu s-sengħa jew dehen speċjali, jiġi mbassar minn qabel. Forsi ma kienx dak li ried jismaʼ dak li jkun; imma għall-inqas, bniedem avżat nofsu armat.”
Barra milli jassigura lill-individwi mill-futur tagħhom, it-twemmin fid-destin kien jaqdi wkoll skopijiet iktar makakki. L-idea tad-destin għenet biex il-mases jinżammu taħt kontroll, u għal din ir-raġuni, skond l-istorjografu F. H. Sandbach, “it-twemmin li d-dinja kienet maħkuma għalkollox mill-Providenza kellu jkun jappella għall-klassi ħakkiema taʼ poplu ħakkiem.”
Għala? Il-Professur Green jispjega li dan it-twemmin fih innifsu “kien ġustifikazzjoni—morali, teoloġika, u semantika—għas-sistema soċjali u politika fissa: kien l-iktar strument potenti u sottili li l-klassi Ellenistika ħakkiema qatt ivvintat biex tibqaʼ fil-poter. Is-sempliċi fatt li tiġri xi ħaġa kien ifisser li kienet destinata li tiġri; u ladarba n-natura kienet inklinata b’mod favorevoli lejn l-umanità, dak li kien destinat ma setax ma jkunx għall-ġid.” Fir-realtà, dan kien jipprovdi “ġustifikazzjoni għall-vantaġġ egoistiku tagħhom infushom.”
Il-fatt li d-destin normalment kien jiġi aċċettat isir evidenti mil-letteratura Griega. Fost l-istili letterarji tal-qedem kien hemm l-epika, il-leġġenda, u t-traġedja—li fihom id-destin kellu parti ewlenija. Fil-mitoloġija Griega, ix-xorti tal-bniedem kienet rappreżentata minn tliet allat nisa msejħin il-Moirai. Kloto kienet tipproduċi l-ħajt tal-ħajja, Lakesi kienet tiddetermina kemm kellha tkun twila l-ħajja, u Atropo kienet ittemm il-ħajja meta ż-żmien allokat kien jispiċċa. Ir-Rumani kellhom trinità simili t’allat li kienu jsejħulhom il-Parkiet.
Ir-Rumani u l-Griegi kienu ħerqanin biex ikunu jafu dak li kellu jkun id-destin tagħhom. B’hekk, huma ssellfu l-astroloġija u l-qari tax-xorti mingħand Babilonja u komplew jiżviluppawhom. Ir-Rumani kienu jsejħu l-ġrajjiet li kienu jintużaw biex jitbassar il-futur portenta, jew sinjali. Il-messaġġi li kienu jagħtu dawn is-sinjali kienu msejħin omina. Sat-tielet seklu Q.E.K., l-astroloġija kienet saret popolari fil-Greċja, u fis-sena 62 Q.E.K., tfaċċa l-eqdem oroskopju Grieg li nafu bih. Il-Griegi tant kienu interessati fl-astroloġija li, skond il-Professur Gilbert Murray, l-astroloġija “kienet teffettwa l-moħħ Ellenistiku bħalma marda ġdida teffettwa lill-abitanti taʼ xi gżira remota.”
Biex jittantaw isiru jafu l-futur, il-Griegi u r-Rumani kienu jużaw ħafna l-orakli u l-medji. Kien jingħad li l-allat kienu jikkomunikaw mal-bnedmin permezz taʼ dawn. (Qabbel Atti 16:16-19.) X’kien l-effett taʼ dan it-twemmin? Il-filosfu Bertrand Russell qal: “Il-biżaʼ ħa post it-tama; l-iskop tal-ħajja kien pjuttost li jiskappaw l-isfortuna milli jagħmlu l-ġid.” Temi simili saru s-suġġett taʼ kontroversja fil-Kristjaneżmu.
Dibattiti “Kristjani” dwar id-Destin
Il-Kristjani bikrin kienu jgħixu f’kultura li kienet influwenzata b’mod qawwi mill-ideat tal-Griegi u r-Rumani dwar id-destin u x-xorti. Per eżempju, l-hekk imsejħin Missirijiet il-Knisja adottaw ħafna mill-kontenut tax-xogħlijiet taʼ filosfi Griegi bħal Aristotele u Platun. Problema waħda li pprovaw isolvu kienet, Kif setaʼ Alla li jaf kollox u jistaʼ kollox, il-wieħed li ‘sa mill-bidu jgħarraf it-tmiem,’ ikun ukoll Alla taʼ mħabba? (Isaija 46:10; 1 Ġwann 4:8) Kieku Alla kien jaf it-tmiem mill-bidu, irraġunaw huma, allura żgur li kien jaf minn qabel li l-bniedem kien se jaqaʼ fid-dnub u dwar il-konsegwenzi diżastrużi li dan kien se jġib.
Oriġene, wieħed mill-iktar kittieba Kristjani bikrin prolifiċi, argumenta li wieħed mill-elementi importanti li għandna nżommu f’moħħna huwa l-konċett tar-rieda ħielsa. “Tabilħaqq, hemm siltiet bla għadd fl-Iskrittura li jistabbilixxu b’ċarezza eċċezzjonali l-eżistenza tar-rieda ħielsa,” kiteb hu.
Oriġene qal illi li nattribwixxu r-responsabbiltà taʼ l-azzjonijiet tagħna lil xi forza esterna “la huwa veru u lanqas ma jikkonforma mar-raġuni, imma huwa l-istqarrija taʼ xi ħadd li jrid jeqred il-konċett tar-rieda ħielsa.” Oriġene argumenta li filwaqt li Alla jistaʼ jkun jaf minn qabel dak li se jiġri kronoloġikament, dan ma jfissirx li hu jikkaġuna xi ġrajja jew li jkun jeħtieġ li din tiġri. Madankollu, mhux kulħadd qabel maʼ dan.
Wistin (354-430 E.K.), wieħed mill-Missirijiet il-Knisja li kien influwenti ħafna, ikkomplika l-argument billi naqqas l-irwol li għandha r-rieda ħielsa f’dak li jiġri. Wistin ta bażi teoloġika lill-predestinazzjoni fil-Kristjaneżmu. Ix-xogħlijiet tiegħu, primarjament De libero arbitrio, kienu ċentrali għad-diskussjonijiet fil-Medju Evu. Eventwalment, id-dibattitu laħaq il-quċċata tiegħu fir-Riformazzjoni, meta fil-Kristjaneżmu kien hemm firda kbira rigward il-kwistjoni tal-predestinazzjoni.a
Twemmin Mifrux maʼ Kullimkien
Iżda l-ideat dwar id-destin m’huma bl-ebda mod limitati għad-dinja tal-Punent. Ħaġa li tikxef it-twemmin tal-Musulmani fid-destin hi li ħafna minnhom jgħidu “mektoub”—hu miktub—meta jiffaċċjaw xi diżastru. Filwaqt li huwa veru li ħafna reliġjonijiet Orjentali jenfasizzaw l-irwol taʼ l-individwu fid-destin persunali, minkejja dan, jeżistu elementi taʼ fataliżmu fit-tagħlim tagħhom.
Per eżempju, il-Karma fil-Ħinduiżmu u l-Buddiżmu hija d-destin inevitabbli li jirriżulta minn azzjonijiet f’ħajja preċedenti. Fiċ-Ċina, l-iktar kitbiet bikrin li ġew skoperti qegħdin fuq qxur tal-fkieren li kienu jintużaw għall-qari tax-xorti. Id-destin kien jagħmel parti anki mit-twemmin taʼ popli indiġeni fl-Amerka. Per eżempju, l-Azteki vvintaw kalendarji taʼ tbassir li kienu jintużaw biex juru x-xorti taʼ l-individwi. Twemmin fatalistiku huwa komuni wkoll fl-Afrika.
Il-fatt li l-konċett tad-destin huwa aċċettat kullimkien attwalment juri li l-bniedem għandu bżonn fundamentali li jemmen f’potenza superjuri. John B. Noss, fil-ktieb tiegħu Man’s Religions, jammetti: “B’xi mod jew ieħor, ir-reliġjonijiet kollha jgħidu li l-bniedem ma jeżistix u ma jistax jeżisti indipendentement. Huwa relatat b’mod vitali maʼ u saħansitra dipendenti fuq poteri tan-Natura u tas-Soċjetà li huma esterni għalih. Sew jekk ftit li xejn huwa konxju taʼ dan u sew jekk huwa ċar daqs il-kristall għalih, hu jaf li m’huwiex ċentru indipendenti taʼ forza li kapaċi jeżisti indipendentement mid-dinja.”
Minbarra l-bżonn li nemmnu f’Alla, għandna wkoll bżonn fundamentali li nifhmu dak li qed jiġri madwarna. Iżda, hemm differenza bejn li nirrikonoxxu li jeżisti Ħallieq li jistaʼ kollox u li nemmnu li hu jiddetermina d-destin tagħna b’mod li ma jistax jitbiddel. Sewwa sew liema rwol għandna aħna f’li nifformaw id-destin tagħna? Liema rwol għandu Alla?
[Nota taʼ taħt]
a Ara r-rivista li tmur id f’id maʼ dan il-ġurnal, It-Torri taʼ l-Għassa, taʼ l-1 taʼ Marzu, 1995, paġni 3-4.
[Stampa f’paġna 5]
Kalendarju astroloġiku Babiloniż, 1000 Q.E.K.
[Sors]
Musée du Louvre, Paris
[Stampa f’paġna 7]
Il-Griegi u r-Rumani kienu jemmnu li x-xorti tal-bniedem kienet determinata minn tliet allat nisa
[Sors]
Musée du Louvre, Paris
[Stampa f’paġna 7]
Isis taʼ l-Eġittu, il-“ħakkiema tad-destin u x-xorti”
[Sors]
Musée du Louvre, Paris
[Stampa f’paġna 8]
L-iktar kitbiet Ċiniżi bikrin fuq qxur tal-fkieren kienu jintużaw għall-qari tax-xorti
[Sors]
Institute of History and Philology, Academia Sinica, Taipei
[Stampa f’paġna 8]
Fuq din il-kaxxa Persjana jidhru sinjali taż-żodjaku
[Sors]
Ritratt meħud bil-korteżija tal-British Museum